|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2973 |
5.6.2025 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2025/2973)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Salame Felino”
EU PGI-IT-0597-AM01 — 12.3.2025
1. Isem il-prodott
“Salame Felino”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☐ |
DOP |
|
☒ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☒ |
prodotti agrikoli |
|
☐ |
inbejjed |
|
☐ |
xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew tal-grupp ta’ produtturi stabbilit jew residenti f’pajjiż terz li jikkomunika l-emenda standard lill-Kummissjoni
MASAF
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-IĠP
|
— |
ma jinkludux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew tal-indikazzjoni ġeografika protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem; |
|
— |
ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; jew |
|
— |
ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
1. Emenda tal-Artikolu 4
Emenda Nru 1
Emenda tal-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; id-dokument uniku ma jiġix emendat.
Deskrizzjoni: din l-emenda ddaħħal lil dawk li jfettu fost il-kategoriji tal-operaturi tal-IĠP soġġetti għall-ispezzjoni.
Ġustifikazzjoni: din iż-żieda hija meħtieġa għax il-prodott imfettet huwa inkluż fost il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas- “Salame Felino” stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
2. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda Nru 2
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: l-emenda tipprevedi s-sostituzzjoni tar-referenza għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bir-referenza għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Ġustifikazzjoni: b’din l-emenda jkun possibbli li jiġu aġġornati r-referenzi eżistenti tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
3. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda Nru 3
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: din l-emenda tissostitwixxi l-kriterju tal-piż ħaj medju għal kull lott ta’ 160 kg ± 10 %, bil-piż tal-karkassa individwali ta’ bejn 110,1 u 190 kilogramma, dment li dan irid jiġi aċċertat fil-ħin tal-qatla.
Ġustifikazzjoni: it-tneħħija tal-piż ħaj u ż-żieda tal-kriterju tal-piż tal-karkassa individwali jippermettu kontrolli aktar dettaljati dwar ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għal kull majjal maqtul, peress li huwa metodu aktar trasparenti, preċiż, immirat u b’mod ġenerali metodu aħjar. Iż-żieda fil-piż tal-ħnieżer hija marbuta mat-tendenza attwali fit-trobbija Ewropea tal-ħnieżer li tirriżulta minn titjib fil-ġenetika, il-benessri tal-annimali u n-nutrizzjoni.
L-emenda taffettwa d-dokument uniku.
4. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda Nru 4
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: l-emenda ddaħħal il-kriterju għall-kalkolu tal-età tal-ħnieżer għall-qatla.
Ġustifikazzjoni: b’din l-emenda l-ispeċifikazzjoni ssir aktar ċara għall-operaturi u għal skopijiet ta’ kontroll.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
5. Emenda tal-Artikolu 5
Emenda Nru 5
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5, l-aħħar paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: l-emenda tħassar il-kliem “fl-Artikolu 7”.
Ġustifikazzjoni: din l-emenda hija meħtieġa fid-dawl tad-dispożizzjoni differenti fl-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott il-ġdida.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
6. Emenda tal-Artikolu 7
Emenda Nru 6
Emenda tal-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: l-emenda tħassar id-dispożizzjoni dwar il-korp ta’ kontroll.
Ġustifikazzjoni: it-tħassir huwa aġġornament meħtieġ biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinġieb konformi mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
7. Emenda tal-Artikolu 8
Emenda Nru 7
Emenda tal-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: l-emenda tbiddel in-numru tal-Artikolu 8 li jsir l-Artikolu 7.
Ġustifikazzjoni: din l-emenda hija meħtieġa fid-dawl tal-organizzazzjoni l-ġdida tal-Artikoli fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
L-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
“Salame Felino”
Nru tal-UE: PGI-IT-0597-AM01 — 12.3.2025
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Salame Felino”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
3.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
|
— |
16 – PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊEJ, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Meta jinħareġ fis-suq biex jinbiegħ lill-konsumaturi, is-“Salame Felino” IĠP għandu jkollu forma ċilindrika, b’tarf wieħed ikbar mill-ieħor u l-wiċċ ta’ barra ta’ kulur abjad fil-griż kemxejn miksi bi trab, li jinħoloq minn ammont moderat ta’ tipi differenti ta’ moffa awtoktona.
Is-“Salame Felino” IĠP għandu jkollu l-karatteristiki li ġejjin:
|
— |
Piż: bejn 200 gramma u 4,5 kilogrammi; |
|
— |
Qies: forma ċilindrika mhux regolari, b’tul ta’ bejn 15 u 130 cm; |
|
— |
Proprjetajiet organolettiċi: meta jinqata’, il-qatgħa tkun kompatta b’konsistenza mhux elastika, omoġenja u bla xaħam, b’kulur aħmar lewn ir-rubin, mingħajr tikek. Għandu togħma ħafifa u delikata. |
|
— |
Karatteristiki kimiċi, u kimikofiżiċi:
|
3.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni la fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u lanqas fid-dokument uniku, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Serje C 19 fl-20.1.2011.
Is-“Salame Felino” IĠP huwa magħmul mil-laħam tal-majjal, kif deskritt hawn taħt:
|
— |
Jintużaw annimali ta’ razez bażiċi tradizzjonali puri jew derivati minn Large White u Landrace, kif imtejba permezz tar-Reġistru tar-Razez Taljan. |
|
— |
Jintużaw ukoll annimali tar-razza Duroc, kif imtejba permezz tar-Reġistru tar-Razez Taljan. |
|
— |
Barra minn hekk, jintużaw ukoll annimali ta’ razez oħra, imħalltin u ibridi, dment li l-karkassi tagħhom ikunu jaqgħu taħt il-klassijiet U R O kif iddefinit fit-tabella tal-Unjoni tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-emendi sussegwenti tiegħu. |
|
— |
Biex tiġi osservata t-tradizzjoni, jibqgħu madankollu esklużi l-annimali b’karatteristiki antiteteċi, l-aktar dawk suxxettibbli għall-istress (PSS), li llum jinstabu b’mod oġġettiv anki fuq annimali post mortem u fuq il-prodotti mmaturati. |
|
— |
Huma madankollu esklużi l-annimali tar-razez puri Landrace Belga, Hampshire, Pietrain, Duroc u Spotted Poland. |
|
— |
It-tipi ġenetiċi użati jridu jiżguraw il-kisba ta’ piżijiet għoljin b’effiċjenza tajba u, fi kwalunkwe każ, piż ta’ bejn 110,1 u 190 kg tal-karkassa individwali. |
|
— |
L-età minima għall-qatla hija ta’ 9 xhur. |
|
— |
Mhux permess l-użu ta’ ċingjali u ħnieżer nisa. |
|
— |
Il-ħnieżer għandhom jinqatlu waqt li jkunu fi stat tajjeb ta’ saħħa u għandhom jiġu svinati kompletament. |
|
— |
Il-qatgħat tal-laħam użati fil-produzzjoni tas-“Salame Felino” IĠP jikkonsistu f’partijiet tal-muskoli u xaħam magħżula bħal, pereżempju, il-parti ta’ quddiem taż-żaqq (testa di pancetta) u/jew kapuljat minn taħt l-ispalla (trito di banco (sottospalla)). Il-laħam li jintuża ma jrid ikun għadda minn l-ebda proċess ta’ ffriżar. |
Mill-partijiet tal-muskolu u dawk xaħmin, jinqatgħu u jitneħħew bil-galbu l-għeruq tal-ligamenti kif ukoll it-tessut xaħmi l-artab.
Il-laħam (il-partijiet tal-muskoli u dawk xaħmin) li jintuża għas-“Salame Felino” IĠP għandu jinżamm f’kamra għat-tkessiħ b’temperatura ta’ mhux inqas minn –1 °C mgħammra b’tali mod li tippermetti li l-partijiet muskolari jinxfu sew mill-ilma.
It-tħin tat-taħlita għandu jsir permezz ta’ magna tal-kapuljat (forom b’toqob ta’ 6–8 mm).
Il-laħam imbagħad jiġi magħġun bil-melħ f’perċentwal ta’ 2 sa 2,8, bil-bżar sħiħ u/jew mitħun f’perċentwal ta’ 0,03 sa 0,06, kif ukoll b’tewm misħuq.
Jistgħu jintużaw ukoll l-ingredjenti li ġejjin:
|
— |
inbid abjad xott, f’doża massima ta’ 400 cl/100 kg laħam sabiex jissaħħu r-riħa u l-aroma; |
|
— |
zokkor u/jew destrożju u/jew fruttożju: 0 sa 0,3 %; |
|
— |
kolturi starter tal-fermentazzjoni: l-użu ta’ dawn il-kolturi starter tal-fermentazzjoni għandu jsir f’konformità ma’ prattiki tajba, u billi jitqiesu l-karatteristiki speċifiċi tal-kolturi starter tal-fermentazzjoni tas-“Salame Felino”. L-iskop tagħhom hu li jiżviluppaw it-togħma u l-aroma permezz ta’ azzjoni lipolitika u proteolitika waqt li jistabilizzaw il-kulur u jikkontrollaw l-aċidifikazzjoni; |
|
— |
nitrat tas-sodju u/jew tal-potassju massimu ta’ 300 mg/kg, nitrit tas-sodju u/jew tal-potassju massimu ta’ 150 mg/kg, aċidu askorbiku u l-melħ tas-sodju tiegħu (massimu ta’ 1 g/kg). |
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni huma:
|
— |
tħin b’magna tal-kapuljat |
|
— |
il-laħam mitħun jingħaġen billi jiżdiedu l-melħ, il-bżar u t-tewm; jistgħu jintużaw ukoll inbid, zokkor, kolturi starter tal-fermentazzjoni, nitrat tas-sodju jew tal-potassju, nitrit tas-sodju jew tal-potassju, aċidu askorbiku u melħ tas-sodju tiegħu; |
|
— |
il-mili fl-imsaren naturali tal-majjal; |
|
— |
l-irbit bl-ispag (mhux f’forma ta’ xibka); |
|
— |
it-tnixxif u l-maturazzjoni. |
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
It-tqattigħ u l-ippakkjar tas-“Salame Felino” jista’ jsir biss fi strutturi li jinsabu fit-territorju fejn issir il-produzzjoni, taħt is-superviżjoni ta’ entitajiet awtorizzati skont kif preskritt mill-pjan ta’ kontroll.
Fil-fatt, billi l-prodott huwa delikat u minħabba li l-istadji ta’ tqattigħ u ppakkjar jistgħu jikkawżaw ħsara, huwa neċessarju li l-perjodu li matulu s-salami jkun f’kuntatt mal-arja jkun wieħed kemm jista’ jkun qasir, sabiex dan ma jsirx kannella.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Is-“Salame Felino” IĠP jista’ jinħareġ fis-suq biex jinbiegħ lill-konsumaturi sħiħ, b’tikketta waħda jew siġill wieħed, f’biċċiet maqtugħin ħoxnin, f’vakwu jew f’atmosfera protettiva, jew imfettet, f’vakwu jew f’atmosfera protettiva.
L-isem “Salame Felino”, segwit mill-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew mill-akronimu “IĠP” (tradott fil-lingwa tal-pajjiż li fih ikun qiegħed jinbiegħ il-prodott), għandu jitwaħħal ma’ kull tikketta jew siġill b’kitba ċara u li ma titħassarx, b’mod distint minn kull kitba oħra li tidher fuq il-prodott, u għandu jiġi segwit mil-logo tal-Komunità u l-marka tal-azjenda.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni tas-“Salame Felino” hija identifikata fit-territorju amministrattiv tal-Provinċja ta’ Parma.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni tas-“Salame Felino” IĠP, identifikata bħala l-provinċja kollha ta’ Parma, hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ għoljiet kif ukoll ta’ pjanuri, u mill-preżenza ta’ lagi u ta’ minjieri tal-melħ.
L-identifikazzjoni taż-żona ġeografika twettqet billi saret referenza għal rikostruzzjoni storika dettaljata dwar il-prattiki antiki ta’ produzzjoni li wasslu għall-ħolqien ta’ dan il-prodott lokali, u li huma marbuta mat-tradizzjonijiet tal-qtil u tal-maturazzjoni tal-laħam tal-majjal. Dawn it-tradizzjonijiet huma aġevolati mill-preżenza sa minn żmien il-qedem ta’ minjieri tal-melħ, kif ukoll mill-kundizzjonijiet tal-klima li huma kkaratterizzati minn livelli speċifiċi ta’ umdità, minn esponiment għall-arja tal-baħar u minn konċentrazzjoni ta’ firxiet kbar ta’ msaġar.
Fl-għoljiet ta’ Parma, dejjem kien possibbli li t-tekniki użati fil-pjanuri jitlaqqgħu mal-melħ ta’ Salsomaggiore.
Tekniki tal-pjanuri tfisser dawk il-prattiki ta’ manifattura u ta’ maturazzjoni tal-laħam tal-majjal li kienu diġà nħolqu fi żmien ir-Rumani u l-Etruski anki minħabba l-preżenza ta’ ħnieżer imrobbija, fost affarijiet oħra, biex iservu bħala provvista ta’ ikel għal-leġjuni Rumani. Fuq l-għoljiet li jsebbħu l-pjanura, dawn il-leġjuni ħadu l-opportunità li jużaw bl-iktar mod sempliċi, il-melħ tal-minjieri ta’ Salsomaggiore, minħabba li fl-għoljiet ta’ dan il-post tradizzjonalment kien jinġabar il-melħ. Minħabba li kien jitqies bħala materjal prezzjuż, kien jittieħed ’il bogħod mir-rotot ta’ komunikazzjoni ewlenin biex jiġi evitat li jinsteraq.
Fil-fatt, sa mill-1300, anki minħabba l-preżenza ta’ dawn il-minjieri tal-melħ, it-tmelliħ tal-laħam tal-majjal u l-ipproċessar tiegħu wassal għall-produzzjoni ta’ prodotti magħrufa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Is-“Salame Felino” IĠP huwa differenti minn prodotti oħra tal-istess kategorija minħabba l-kompattezza u l-konsistenza omoġenja u mhux elastika tiegħu, u għaliex huwa relattivament nieqes mix-xaħam u minħabba l-kulur aħmar skur. It-togħma delikata u mhux pikkanti.
Huwa salami li, b’differenza mill-maġġoranza kbira ta’ dawk fis-suq, jitqiegħed biss fi msaren naturali (u qatt fi msaren sintetiċi). Is-“Salame Felino” ma fihx lattożju u dqiq tal-ħalib, u għandu pH moderatament għoli li jtejjeb il-kwalitajiet organolettiċi tal-prodott.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)
Ir-reputazzjoni tas-“Salame Felino” IĠP tintwera permezz tal-bibljografija ddettaljata li tinkludi referenzi u kwotazzjonijiet rigward il-prodott.
L-ewwel referenzi għall-prodott jinsabu f’kitbiet ta’ awturi Latini tal-ewwel seklu W.K. (Apicio, De re coquinaria). Is-“Salame Felino” kien magħruf sew fil-qrati suċċessivi fil-kapitali: minn dik tal-Farnese, sa dik tal-Borbone, u sa dik tad-Dukessa Maria Luigia.
L-eqdem xbieha tal-prodott tidher f’dekorazzjoni fil-Battisterju ta’ Parma (1196 – 1307), fejn, fil-parti ddedikata lis-sinjal astroloġiku ta’ Akkwarju jidhru mqiegħda fuq appoġġ idur ta’ borma, fuq fuklar, żewġ salami, li mid-daqs u l-forma, li għadhom l-istess anke llum, jidhru li huma “Salame Felino” IĠP.
Iċ-ċensiment tal-ħnieżer li sar fl-1766 jindika li l-Markiżat ta’ Felino kien l-aktar post attiv fl-inħawi fir-rigward tal-kummerċ tal-majjal. Skemi dwar l-ipprezzar li nstabu fl-istess perjodu u li nkitbu b’referenza għat-territorju ta’ Felino jirreferu għal salami nieqes mix-xaħam u għal dak xaħmi. Sa mill-bidu tal-1800, testi dwar l-użanzi u d-drawwiet kulinarji jindikaw il-preżenza ta’ metodu partikolari għall-ipproċessar tal-laħam tal-majjal f’salami fit-territorju tal-lokalità ta’ Felino.
Fl-1905, fid-dizzjunarju Taljan jidher il-kliem “Salame Felino” u fl-1912 il-produzzjoni tas-salami Felino ġiet inkluża fir-rapport tal-Ministru tal-Agrikoltura rigward il-prestazzjoni ekonomika ta’ dik is-sena.
Sa mill-1927, l-istituzzjonijiet pubbliċi lokali kompetenti jirreferu għas-salami magħmul fil-Provinċja ta’ Parma bl-isem ta’ “Salame Felino”, li jidher li kien diġà jgawdi minn reputazzjoni u fama partikolari u, b’hekk, anki minn rikonoxximent partikolari, jekk id-dikjarazzjoni tal-isem fl-użu kummerċjali kienet tikkostitwixxi, fl-evalwazzjoni ta’ l’Ufficio e Consiglio Provinciale dell’Economia Nazionale, raġuni għall-promozzjoni tal-ġid tal-provinċja. Anki llum, l-għeruq tal-produzzjoni ta’ “Salame Felino” fil-provinċja ta’ Parma jistgħu jiġu vverifikati permezz tar-riċerka u studji fil-fond dwar il-kultura gastronomika tat-territorju ta’ Parma. Fil-fatt jeżistu bosta kitbiet kritiċi li jassoċjaw is-“Salame Felino” mal-gastronomija tal-provinċja billi jirreferu għalih bħala wieħed mill-aktar tipi ta’ laħam immellaħ apprezzati f’Parma, li t-tjubija tiegħu hija marbuta b’mod dirett mat-tradizzjoni antika tal-produzzjoni tiegħu li ġiet żviluppata u miżmuma fis-sħiħ biss fil-widien tal-provinċja ta’ Parma. Barra minn hekk jeżistu wkoll bosta attivitajiet u avvenimenti li għadhom qed jiġu organizzati mill-awtoritajiet lokali u l-istituzzjonijiet provinċjali ta’ Parma kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħra għas-“Salame Felino” permezz ta’ tħejjija ta’ padiljuni fejn wieħed jista’ jduq il-prodott, u li minnhom jitqassam materjal ta’ tagħrif dwar il-karatteristiki u l-produzzjoni storika ta’ “Salame Felino” fit-territorju ta’ Parma.
Referenza għall-pubblikazzjoni fil-pajjiż terz tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika kif protetta fil-pajjiż terz, kif imsemmi fl-Artikolu 13(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1143
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2973/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)