|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2850 |
2.6.2025 |
Appell ippreżentat fit-8 ta’ April 2025 minn Andrey Melnichenko mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-22 ta’ Jannar 2025 fil-Kawża T-271/22, Melnichenko vs Il-Kunsill
(Kawża C-270/25 P)
(C/2025/2850)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Andrey Melnichenko (rappreżentanti: A. Miron, D. Müller, H. Bajer Pellet, C Zatschler SC, A. Beauchemin, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
— |
tannulla kompletament is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2025, Melnichenko vs Il-Kunsill, T-271/22; u |
|
— |
tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u tannulla l-atti kkontestati, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrent, u |
|
— |
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi; jew |
|
— |
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Aggravji u argumenti prinċipali
|
1. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-Artikolu 215 TFEU jippermetti l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq partijiet li ma humiex konnessi mas-suġġett prinċipali jew mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-miżuri restrittivi. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bażi legali għall-miżuri restrittivi.
Billi injorat ir-rekwiżiti stabbiliti mill-bażi legali, il-Qorti Ġenerali żbaljatament interpretat il-kriterju (g) bħala li ma jeħtieġx konnessjoni mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa jew mas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-miżuri restrittivi.
|
2. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk l-atti kkontestati kinux xierqa u proporzjonali. |
Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq “stħarriġ sħiħ” tal-Atti kkontestati, u b’dan il-mod kisret id-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija naqset milli tevalwa b’mod xieraq jekk il-miżuri restrittivi humiex neċessarji u jekk ġenwinament jilħqux l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-atti kkontestati fis-sitwazzjoni speċifika tal-appellant billi naqset milli twettaq kwalunkwe eżami kemm dwar jekk l-atti kkontestati ġenwinament jissodisfawx jew għandhomx konnessjoni mal-għan iddikjarat, kif ukoll dwar kemm l-inklużjoni ta’ isem l-appellant kellha tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Kunsill.
|
3. |
Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat il-kriterju (g) b’mod żbaljat fir-rigward tal-appellanti. |
Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi interpretat il-kriterju (g) bħala li jeħtieġ biss “interess ekonomiku” sabiex wieħed jiġi kklassifikat bħala “negozjant ewlieni”. It-test u l-kuntest tal-kriterju (g) ma jippermettux tali interpretazzjoni.
Il-Qorti Ġenerali injorat il-limitazzjonijiet inerenti tal-stħarriġ ġudizzjarju taħt l-Artikolu 263 TFEU billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kunsill, kif tinstab fl-atti kkontestati, bl-evalwazzjoni tagħha stess.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta liġi meta mill-fatt li l-appellant huwa benefiċjarju diskrezzjonali tal-Firstline Trust siltet il-konsegwenza legali li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li huwa kien “is-sid” ta’ EuroChem u ta’ SUEK għall-iskopijiet tal-kriterju (g).
Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta ddeċidiet li l-Appellant kien is-“settlor” tal-Firstline Trust.
|
4. |
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-irtirar tal-appellant mit-trust ma kinitx bidla fis-sitwazzjoni tiegħu u meta naqset milli tirrikonoxxi li l-konjuġi tal-appellant hija persuna separata. |
|
5. |
Ir-rekwiżit ta’ trasferiment lil terz impost mill-Qorti Ġenerali jimponi kundizzjoni illegali, sproporzjonata u li ma tistax tintlaħaq sabiex isem l-appellant jitneħħa mil-lista, bi ksur tad-drittijiet fundamentali u bi qbiż tal-limiti legali ta’ miżuri restrittivi. |
Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ħtieġet li l-appellant jittrasferixxi EuroChem jew SUEK lil terz. Sa fejn l-appellant la għandu d-dritt u lanqas il-mezzi sabiex iwettaq tali trasferiment, il-Qorti Ġenerali tiffriża s-sitwazzjoni tiegħu u tinjora n-natura fundamentalment kawtelatorja, temporanja u reversibbli tal-miżuri restrittivi.
Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll id-dritt tal-Unjoni sa fejn trasferiment definittiv lil terz ikun jammonta għal indħil sproporzjonat u intollerabbli fid-drittijiet għall-proprjetà, b’offuskazzjoni tas-sustanza nnifisha ta’ dan id-dritt. Tali limitazzjoni ma hijiex prevista mil-liġi u la hija temporanja u lanqas ma hija reversibbli.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2850/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)