European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2792

16.5.2025

Avviż għall-attenzjoni tas-suġġetti tad-data li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha

(C/2025/2792)

L-attenzjoni tas-suġġetti tad-data qed tinġibed għall-informazzjoni li ġejja f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Il-bażijiet ġuridiċi għal din l-operazzjoni ta' pproċessar huma d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 (2), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/887 (3), u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/796 (4), kif implimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/886 (5) dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

Il-kontrollur ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni (RELEX) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartiment inkarigat bl-operazzjoni ta' pproċessar huwa r-RELEX.1, li jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea General Secretariat

RELEX.1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email: sanctions@consilium.europa.eu

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill jista' jiġi kkuntattjat f'dan l-indirizz:

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data data.protection@consilium.europa.eu

L-iskop tal-operazzjoni ta' pproċessar huwa l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2019/797, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2025/887, u fir-Regolament (UE) 2019/796, kif implimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2025/886.

Is-suġġetti tad-data huma l-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji għall-elenkar kif stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 u fir-Regolament (UE) 2019/796.

Id-data personali miġbura tinkludi d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni korretta tal-persuna kkonċernata, id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u kwalunkwe data oħra relatata dwar x'wassal għall-elenkar.

Il-bażijiet legali għat-trattament tad-data personali huma d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 29 TUE u r-Regolamenti tal-Kunsill adottati skont l-Artikolu 215 TFUE li jiddeżinjaw persuni fiżiċi (suġġetti tad-data) u jimponu l-iffriżar tal-assi u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

L-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku f'konformità mal-Artikolu 5(1)(a) u għall-konformità mal-obbligi legali stabbiliti fl-atti legali msemmija hawn fuq li għalihom huwa soġġett il-kontrollur, f'konformità mal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

L-ipproċessar huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali skont l-Artikolu 10(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kunsill jista' jikseb data personali tas-suġġetti tad-data mill-Istati Membri u/jew mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Ir-riċevituri tad-data personali huma l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Id-data personali kollha pproċessata mill-Kunsill fil-kuntest tal-miżuri restrittivi awtonomi tal-UE ser tinżamm għal 5 snin mill-mument li s-suġġett tad-data jkun tneħħa mil-lista ta' persuni soġġetti għall-iffriżar tal-assi jew sakemm il-validità tal-miżura tkun skadiet jew, jekk titressaq azzjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata sentenza finali. Id-data personali li tinsab f'dokumenti rreġistrati mill-Kunsill tinżamm mill-Kunsill għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Il-Kunsill jista' jkollu bżonn jiskambja data personali dwar suġġett tad-data ma' pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fil-kuntest tat-traspożizzjoni mill-Kunsill tad-deżinjazzjonijiet tan-NU jew fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-politika tal-UE dwar il-miżuri restrittivi.

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza jew ta' salvagwardji xierqa, it-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jkun ibbażat fuq il-kondizzjoni(jiet) li ġejja/ġejjin, skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725:

—

it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

—

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċitar jew id-difiża ta' talbiet legali.

Ebda teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat ma huwa involut fl-ipproċessar tad-data personali tas-suġġett tad-data.

Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt ta' aċċess għad-data personali tagħhom. Għandhom ukoll id-dritt li jikkoreġu u jimlew b'mod komplet id-data tagħhom. F'ċerti ċirkostanzi, jista' jkollhom id-dritt li jiksbu t-tħassir tad-data personali tagħhom, jew id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom jew li jitolbu li din tiġi ristretta.

Is-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet billi jibagħtu email lill-kontrollur b'kopja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data kif indikat hawn fuq.

Mehmuża mat-talba tagħhom, is-suġġetti tad-data jridu jipprovdu kopja ta' dokument ta' identifikazzjoni biex jikkonfermaw l-identità tagħhom (karta tal-identità jew passaport). Dan id-dokument għandu jkollu numru ta' identifikazzjoni, il-pajjiż tal-ħruġ, il-perjodu ta' validità, l-isem, l-indirizz u d-data tat-twelid. Kwalunkwe data oħra li tinsab fil-kopja tad-dokument ta' identifikazzjoni, bħal ritratt jew kwalunkwe karatteristika personali, tista' titgħatta bl-iswed.

Is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jressqu lment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (edps@edps.europa.eu).

Qabel ma jagħmlu dan, huwa rrakkomandat li s-suġġetti tad-data l-ewwel jippruvaw jiksbu rimedju billi jikkuntattjaw lill-kontrollur u/jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kunsill.


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)   ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13.

(3)   ĠU L, 2025/887, 13.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/887/oj.

(4)   ĠU L 129 I, 17.05.2019, p. 1.

(5)   ĠU L, 2025/886, 13.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/886/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2792/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)