|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2240 |
10.4.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(C/2025/2240)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
“La Mancha”
PDO-ES-A0045-AM06
Data tal-komunikazzjoni: 14.1.2025
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. TITJIB FIT-TEST.
Deskrizzjoni:
Diversi punti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jispeċifikaw li:
|
— |
l-inbejjed żgħażagħ jew ġodda u tradizzjonali jinkludu kemm l-inbejjed bojod kif ukoll dawk ħomor, iffermentati kompletament jew parzjalment fil-btieti; |
|
— |
l-inbejjed ħelwin b’mod naturali jistgħu jkunu nbejjed bojod u ħomor; |
|
— |
l-inbejjed “Roble” (imqaddma fil-btieti) jistgħu jkunu nbejjed bojod u ħomor; |
|
— |
l-inbejjed semifrizzanti jistgħu jkunu bojod, rożè u ħomor. |
Din l-emenda tikkonċerna l-punti 2.1, 2.1.1, 2.1.2, 2.1.3 u 2.1.6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Raġuni:
L-emenda tagħmel il-formulazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott aktar ċara.
2. BIDLIET FIL-LIMITI ANALITIĊI.
Deskrizzjoni:
Il-punt 2.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jistabbilixxi l-qawwa alkoħolika proprja minima u totali għall-inbejjed spumanti ta’ kwalità, li bi żball kien tħalla barra. Fil-punt 2.1.5, ġie kkoreġut żball tat-tipa fir-rigward tal-qawwa alkoħolika proprja minima, li huwa ta’ 9 % vol. (mhux ta’ 10,5 % vol.).
Il-limiti fuq iz-zokkor totali għall-inbejjed “xotti” u “semixotti” ġew issupplimentati f’konformità mar-regoli Komunitarji fis-seħħ. Dan sar fil-punti 2.1.1., 2.1.2, 2.1.3, 2.1.4 u 2.1.6. Barra minn hekk, fil-punt 2.1.2, tneħħa l-limitu fuq iz-zokkor totali għall-inbejjed tradizzjonali ħelwin għax ma kienx meħtieġ. Il-punti 2.1.5 u 2.1.7 ġew ikkoreġuti biex iz-zokkor totali jkun espress mhux biss bħala glukożju u fruttożju, iżda wkoll bħala sukrożju.
Il-limiti tal-aċidità volatili massima għall-inbejjed żgħażagħ jew ġodda żdiedu minn 8,33 għal 9,16 meq/l, u l-punt 2.1.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat. Fl-inbejjed tradizzjonali, “Roble” u semifrizzanti (il-punti 2.1.2, 2.1.3 u 2.1.6), din żdiedet minn 10 għal 10,83 meq/l.
Il-limiti tat-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit żdiedu sal-livelli massimi permessi skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ għall-inbejjed żgħażagħ jew ġodda u tradizzjonali (minbarra l-inbejjed ħelwin b’mod naturali fil-każ ta’ liem tneħħew il-limiti speċifiċi tagħhom) u dawk semifrizzanti, il-punti 2.1.1, 2.1.2 u 2.1.6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, rispettivament. Barra minn hekk, l-istess bidla ssir fl-inbejjed “Roble” u “Crianza”, “Reserva” u “Gran Reserva” (il-punti 2.1.3 u 2.1.4), iżda tinkludi wkoll il-limiti fejn l-inbid ikun fih 5 g/l ta’ zokkor jew aktar. Għall-inbejjed spumanti ta’ kwalità (il-punt 2.1.5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott), il-limitu tat-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit żdied minn 160 għal 185 g/l.
Barra minn hekk, il-limitu fuq l-estratt niexef tal-inbejjed spumanti ta’ kwalità u l-inbejjed semifrizzanti (il-punti 2.1.5 u 2.1.6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott) tħassar peress li mhuwiex neċessarju u r-regoli fis-seħħ ma jirrikjedux li dan jiġi ddeterminat.
Din l-emenda tikkonċerna l-punti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott msemmija hawn fuq u l-punt 4 tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Raġuni:
L-għan huwa li l-produtturi ma jitgħabbewx b’restrizzjonijiet bla bżonn lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont ir-regoli.
3. INTRODUZZJONI TA’ VARJETÀ ĠDIDA.
Deskrizzjoni:
Żdiedet il-varjetà bajda Albariño.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 7 tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Raġuni:
Wara li ġie vvalutat l-adattament tiegħu għaż-żona u l-kontribut tiegħu għall-inbid, jitqies xieraq li jiġi inkluż fid-DOP.
4. BIDLIET FIR-REGOLAMENT DWAR L-IMBALLAĠĠ.
Deskrizzjoni:
Ir-regolament dwar l-użu tal-imballaġġ tat-tip PET inbidel u ġie stabbilit it-tip ta’ għeluq permess.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Raġuni:
L-għan huwa li tittejjeb il-preservazzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodott protett.
5. TITJIB TAT-TAQSIMA DWAR IL-KONTROLL.
Deskrizzjoni:
Iddaħħlu d-dettalji tal-awtorità kompetenti u tal-korpi attwalment delegati għall-verifika tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 9 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard minħabba li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Raġuni:
Korrezzjoni minħabba l-informazzjoni li tħalliet barra fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni
La Mancha
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
|
5. |
Inbid spumanti ta’ kwalità |
|
8. |
Inbid semifrizzanti |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 - XORB, SPIRTI U ĦALL 2204 - Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb, għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
1. Inbejjed bojod u rożè, żgħażagħ u tradizzjonali (minbarra l-inbejjed ħelwin b’mod naturali) u nbejjed bojod “roble”
Qawwa alkoħolika baxxa. L-inbejjed bojod għandhom sfumatura li tvarja minn lewn ħadrani għal isfar, u kważi jasal sa isfar dehbi. Dawn huma qawwijin u b’togħma ta’ frott b’aromi primarji, kemxejn aċidużi u bbilanċjati.
Jekk ikunu qattgħu l-ħin fil-btieti, il-kulur tagħhom ikun bejn isfar u isfar lewn id-deheb jew it-tiben, bi ħjiel ta’ togħma mixwija fuq sfond ta’ vanilla u ta’ noti dejjiema ta’ ballut u ta’ frott.
L-inbejjed rożè jvarjaw minn kulur roża għal oranġjo lewn is-salamun, b’aromi qawwija u primarji. Dawn huma kemxejn aċidużi, ibbilanċjati u għandhom togħma ta’ frott.
L-inbejjed iffermentati fil-btieti għandhom aromi u finituri li jfakkru fil-bettija.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima għandha tkun fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
|
* |
L-aċidità volatili massima tal-inbejjed żgħażagħ: 9,16 meq/l |
|
* |
It-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit: 250 mg/l jekk zokkor ≥ 5 g/l |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 9 |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 10,83 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): 200 |
2. Inbejjed ħomor żgħażagħ u tradizzjonali (minbarra l-inbejjed ħelwin b’mod naturali) u nbejjed ħomor “roble”
B’kulur aħmar fil-vjola għal aħmar lewn il-granata, l-inbejjed huma qawwijin, b’togħma ta’ frott u b’aromi primarji. Togħmithom hija tannika dejjiema u ta’ frott, b’alkoħol/aċidità bbilanċjati. L-inbejjed li qattgħu ħin fil-btieti jvarjaw minn aħmar lewn il-granata għal lewn ir-rubin. Dawn huma qawwijin, b’togħma ta’ frott, b’aromi primarji u ta’ vanilla. Fil-ħalq dawn huma dejjiema u bbilanċjati bi ħjiel ta’ vanilla. B’aktar maturazzjoni, l-inbejjed jista’ jkollhom ħjiliet li jvarjaw minn lewn it-terrakotta sa lewn it-terrakotta fl-oranġjo. Dawn huma dejjiema u ħelwin. Fil-ħalq, dawn huma lixxi, armonjużi, tondi u strutturati. Fl-inbejjed iffermentati fil-btieti, l-aromi u l-finituri jiġu pprovduti mill-bettija.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima għandha tkun fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
|
* |
L-aċidità volatili massima tal-inbejjed żgħażagħ: 9,16 meq/l |
|
* |
It-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit: 200 mg/l jekk zokkor ≥ 5 g/l |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 11,5 |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 10,83 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): 150 |
3. Inbid abjad u aħmar tradizzjonali u ħelu b’mod naturali
Fl-inbejjed bojod, il-lewn huwa konsistenti ma’ dak tal-inbejjed xotti filwaqt li fl-inbejjed ħomor, ivarja minn lewn il-granata għal kannella. Huma aromatiċi b’mod intens, b’aroma li tfakkar fil-frott u/jew fil-ġammijiet, ibbilanċjati u mimlijin.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima u t-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit għandhom ikunu fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 13 |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 20 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
4. Inbid abjad u aħmar li jkollu l-indikazzjonijiet “crianza”, “reserva” u “gran reserva”.
L-inbejjed bojod ivarjaw minn isfar lewn it-tiben għal isfar dehbi b’livelli differenti ta’ intensità skont il-maturazzjoni. Aromi tal-injam u ta’ xiwi. Ibbilanċjati. L-inbejjed ħomor ivarjaw minn aħmar lewn il-granata għal lewn it-terrakotta skont il-maturazzjoni. Bl-età, l-aromi jiċċaqilqu minn togħma ta’ frott għal waħda ta’ njam u/jew ta’ xiwi. Fil-ħalq dawn huma bbilanċjati u mimlijin.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima għandha tkun fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
|
* |
Il-qawwa alkoħolika proprja minima għandha tkun: għall-inbejjed bojod u rożè ta’ 9 % vol., għall-inbejjed ħomor ta’ 11,5 % vol. |
|
* |
Aċidità volatili massima espressa bħala aċidu aċetiku: 12,50 meq/l għall-inbejjed Crianza u 16,66 meq/l għall-inbejjed Reserva u Gran Reserva. L-aċidità volatili espressa bħala aċidu aċetiku tista’ tinqabeż b’1 meq/l għal kull grad ta’ alkoħol li jaqbeż it-12 % vol., sa massimu ta’ 20 meq/l għall-inbejjed ħomor u 18 meq/l għall-inbejjed bojod. |
|
* |
It-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit: l-inbejjed bojod: 200 jekk zokkor, < 5 g/l; u 250 jekk ≥ 5 g/l. l-inbejjed ħomor: 150 jekk zokkor, < 5 g/l; u 200 jekk ≥ 5 g/l. |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): — |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Inbid Spumanti ta’ kwalità
L-isfumaturi fl-inbejjed bojod spumanti jvarjaw minn isfar ċar għal isfar lewn id-deheb u jgħajjat, filwaqt li l-inbejjed rożè għandhom lewn roża ċar. Il-bżieżaq huma żgħar u dejjiema. L-aromi huma puri u qawwijin. Togħmithom hija qawwija u bbilanċjata.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima għandha tkun fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 9 |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 11,66 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): 185 |
6. Inbid Semifrizzanti
L-inbejjed semifrizzanti jistgħu jkunu nbejjed bojod bi sfumaturi sofor differenti, rożè bi sfumaturi differenti ta’ roża u nbejjed ħomor b’kulur aħmar fil-vjola. Fir-rigward tar-riħa, l-inbejjed bojod jippreżentaw aromi primarji, filwaqt li r-rożè u l-ħomor jippreżentaw aromi intensi li jfakkru fil-frott aħmar. Dawn huma nbejjed b’palat qawwi u bbilanċjati, b’diossidu tal-karbonju prominenti.
|
* |
Il-qawwa alkoħolika totali massima għandha tkun fil-limiti legali f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. |
|
* |
Il-qawwa alkoħolika proprja minima għandha tkun: għall-inbejjed bojod u rożè ta’ 9 % vol., għall-inbejjed ħomor ta’ 11,5 % vol. |
|
* |
It-total massimu ta’ diossidu tal-kubrit: Għall-inbejjed bojod u rożè: 200 jekk zokkor, < 5 g/l; u 250 jekk ≥ 5 g/l. l-inbejjed ħomor: 150 jekk zokkor, < 5 g/l; u 200 jekk ≥ 5 g/l. |
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: 4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 10,83 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom
Prattika enoloġika speċifika:
L-inbejjed bojod, rożè u ħomor koperti mid-DOP għandhom ikunu magħmulin esklussivament mill-varjetajiet permessi. It-taħlit tal-varjetajiet tal-inbid abjad u tal-inbid aħmar mhuwiex permess.
Ir-rata massima ta’ konverżjoni għandha tkun ta’ 74 litru inbid għal kull 100 kilogramma ta’ għeneb maħsud.
L-inbejjed bojod u rożè jsiru billi jitfarrku l-għenieqed u dawn jitbattlu mill-meraq bl-użu tas-sistema statika jew dinamika. Dawn jistgħu jiġu mmaċerati minn qabel għall-estrazzjoni tal-aromi u tal-kulur, bil-most jiġi ffermentat f’temperatura massima ta’ 22 °C.
L-inbejjed ħomor iridu jiġu ffermentati bil-qxur għal mill-inqas 3 ijiem f’temperatura massima ta’ 28 °C.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
1. |
Vinji f’forma ta’ sġajriet
10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru 74 ettolitru għal kull ettaru |
|
2. |
Vinji mħarrġa fuq il-kannizzati
13 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru 96,2 ettolitru għal kull ettaru |
6. Żona ġeografika demarkata
La Mancha hija reġjun naturali u storiku li jinsab fil-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja-La Mancha, fiċ-ċentru ta’ Spanja. Din tkopri l-parti tat-Tramuntana tal-provinċja ta’ Albacete, il-parti tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ ta’ Ciudad Real, il-parti tal-Lvant ta’ Toledo u l-parti tal-Lbiċ tal-provinċja ta’ Cuenca.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed
AIREN
ALBARIÑO
BOBAL
CABERNET FRANC
CABERNET SAUVIGNON
CHARDONNAY
GARNACHA TINTA
GARNACHA TINTORERA
GEWÜRZTRAMINER
GRACIANO
MACABEO - VIURA
MALBEC
MENCÍA
MERLOT
MONASTRELL
MORAVIA DULCE - CRUDIJERA
MOSCATEL DE ALEJANDRÍA
MOSCATEL DE GRANO MENUDO
PARELLADA
PEDRO XIMÉNEZ
PETIT VERDOT
PINOT NOIR
RIESLING
SAUVIGNON BLANC
SYRAH
TEMPRANILLO - CENCIBEL
TORRONTÉS
VERDEJO
VIOGNIER
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
8.1. Inbid
Il-kompożizzjoni tal-ħamrija tal-pjanura ta’ La Mancha hija prodott tas-sedimentazzjoni Mijoċene tal-ġebla tal-ġir, tal-lom u tar-ramel, li tagħti ħamrija ta’ kulur kannella jew kannella ħamrani. Fil-fatt, l-abbundanza tal-ħamrija tal-ġir f’La Mancha tagħmel iż-żona ideali għall-produzzjoni ta’ nbejjed ħomor b’palat qawwi, adatti għall-maturazzjoni, filwaqt li l-ġebla tal-ġir ramlija tagħti qawwa pjaċevoli lill-inbid.
In-nuqqas ta’ xita (300 sa 350 mm fis-sena) u l-esponiment għoli għad-dawl tax-xemx (3 000 siegħa ta’ xemx) jipproduċu nbejjed b’kulur intens li fihom, l-intensità aromatika tingħata spinta ċara.
Ir-rendiment medju tal-vinji huwa baxx, li jgħin ukoll biex l-inbejjed jingħataw bilanċ eċċellenti.
8.2. Inbid semifrizzanti
Il-klima kontinentali estrema, il-kompożizzjoni tal-ħamrija kannella ħamranija u t-temperaturi għoljin joħolqu l-aromi u l-ħjiliet tal-frott fl-inbejjed semifrizzanti. L-inbejjed deskritti fit-taqsima dwar l-inbid jintużaw għall-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed. Għalhekk, il-kontenut ta’ dik it-taqsima japplika wkoll għal dawn l-inbejjed.
8.3. Inbid spumanti ta’ kwalità
L-ambjent ġeografiku jippermetti l-kultivazzjoni tal-varjetajiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni, li jagħtu lill-inbejjed wisa’ u bilanċ. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ xita u s-sigħat ta’ xemx jipproduċu qawwa alkoħolika naturali li tippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed bil-livelli stabbiliti ta’ qawwa alkoħolika. Għall-produzzjoni tal-inbejjed spumanti, l-inbejjed imsemmija fit-taqsima dwar l-inbid jintużaw bħala nbid bażi. Għalhekk, il-kontenut ta’ dik it-taqsima japplika wkoll għall-inbejjed spumanti.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Sabiex jintuża l-isem ta’ varjetà tad-dwieli speċifika waħda, jeħtieġ li mill-inqas 85 % tal-għeneb jiġi minn dik il-varjetà u li dan jiġi rreġistrat fir-reġistri tal-inbid.
L-inbejjed spumanti ta’ kwalità tad-DOP La Mancha jistgħu jużaw it-termini “Premium” u “Reserva” fuq it-tikketti tagħhom.
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-ippakkjar irid isir fiż-żona tal-produzzjoni demarkata. Il-produzzjoni tal-inbejjed bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini ma tispiċċax bil-proċess tat-trasformazzjoni tal-most f’inbid permezz tal-fermentazzjoni alkoħolika u ta’ proċessi supplimentari oħra, iżda pjuttost bl-ippakkjar. Dan għandu jitqies bħala l-istadju finali tal-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed, peress li jinvolvi prattiki enoloġiċi oħra li jistgħu jaffettwaw il-karatteristiċi u l-partikolaritajiet tiegħu, jiġifieri: il-filtrazzjoni, l-istabbilizzazzjoni u diversi tipi ta’ miżuri korrettivi. L-ibbottiljar fiż-żona tal-produzzjoni jippermetti kontroll dirett tal-operazzjoni tal-imballaġġ u jevita riskji possibbli ta’ trasport bħall-ossidazzjoni u l-istress mis-sħana, li jiddeterjoraw il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tal-inbejjed u jaffettwaw l-istabbiltà tagħhom.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://rec.castillalamancha.es/rec/public/documentacion/listadoDocs.faces#no-back-button
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2240/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)