European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2016

30.4.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-iżgurar ta’ produzzjoni sostenibbli tal-ikel u introjtu ekwu għall-bdiewa Ewropej fid-dawl tal-isfidi tas-suq, ambjentali u klimatiċi

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE)

(C/2025/2016)

Relaturi : Joe HEALY

Piroska KÁLLAY

Arnold PUECH d’ALISSAC

Konsulenti

Amaryllis BLIN (konsulent tar-relatur, Grupp II)

Atilla KUNSZABO (konsulent tar-relatur, Grupp II)

 

Kevin KINSELLA (konsulent tar-relatur, Grupp III)

Konsultazzjoni

Konsultazzjoni mitluba mill-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE 6.9.2024

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

29.1.2025

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

27.2.2025

Sessjoni plenarja Nru

594

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

186/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

1.1.

Jiġu żviluppati u implimentati għodod fuq terminu qasir u twil biex jappoġġjaw l-introjtu tal-bdiewa, biex jiżguraw kontra l-volatilità, fil-qafas tal-PAK u lil hinn minnha;

1.2.

Fil-livell tal-UE, issir ħidma fuq il-mudell ta’ assigurazzjonijiet ta’ sħubija pubblika-privata, li jikkomplementa l-għodod tal-PAK u jissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa kollha, waqt li jitqies id-daqs u l-ispeċjalizzazzjoni tal-azjendi agrikoli;

1.3.

Tiġi eżaminata l-possibbiltà u l-benefiċċji u l-ostakli għall-iżvilupp ta’ lievi innovattivi bħal assigurazzjoni parametrika u bħal strument tal-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, u jiġi riveduti r-regolamenti li jiddefinixxu l-kalkolu tal-medja Olimpika sabiex jiġu eliminati l-agħar sentejn tal-aħħar ħamsa;

1.4.

Jiġu inklużi elementi kontroċikliċi fl-istrumenti tal-PAK wara s-sena 2027 biex jirreaġixxu għall-pressjoni kbira li s-settur agrikolu qed jesperjenza mis-swieq, ħafna drabi minħabba prezzijiet baxxi jew flutwazzjoni kbira ħafna tagħhom;

1.5.

Fil-livell tal-Istati Membri jittejjeb u jiġi promoss l-użu ta’ 3 % mill-pagamenti diretti li jistgħu jintużaw bħala kontribuzzjonijiet għall-bdiewa għall-istrument tal-ġestjoni tar-riskju. Dan għandu jtejjeb il-fondi mutwi agrikoli għal inizjattivi ta’ riskji għas-saħħa u għall-ambjent;

1.6.

Fil-livell tal-UE, jitfasslu mill-ġdid u tinżied b’mod espliċitu r-riżerva għall-kriżijiet agrikoli, bħala għodda koerenti Ewropea għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

1.7.

Tiġi appoġġjata l-kapaċità ta’ investiment tal-bdiewa permezz ta’ strumenti finanzjarji sempliċi, adattati u mhux burokratiċi, b’rabta mal-prodotti finanzjarji offruti mill-banek iżda wkoll oħrajn (għotjiet, fondi ta’ investiment, sejħa għal espressjoni ta’ interess, sejħa għal proġetti, eċċ.);

1.8.

Tiġi kkunsidrata l-estensjoni tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti biex tipprojbixxi l-bejgħ taħt il-livell tal-kostijiet u ma tħallix lix-xerrejja jixtru f’livell inqas mill-kostijiet, b’konformità mal-liġijiet tal-katina alimentari fi Spanja, wara li jiġu analizzati bir-reqqa l-effetti ta’ din il-projbizzjoni fuq l-operaturi kollha tal-katina alimentari;

1.9.

Jiġi introdott ċentru diġitali tal-UE biex jirrapporta l-prezzijiet, il-kostijiet u l-marġnijiet tas-suq tul il-katina alimentari kollha;

1.10.

Tiġi pprovduta politika ġdida tal-UE li tippermetti lill-bdiewa jinnegozjaw il-prezzijiet b’mod kollettiv;

1.11.

Jinżied l-appoġġ għall-kooperattivi kif ukoll għall-ispejjeż ta’ stabbiliment u operazzjonali għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

1.12.

Fil-PAK li jmiss jiġu protetti u mtejba l-pagamenti diretti u jiġu mmirati aħjar lejn il-bdiewa attivi;

1.13.

Ifakkar li l-produtturi primarji jeħtieġu għajnuna addizzjonali fit-tranżizzjoni lejn produzzjoni newtrali għall-klima jew permezz tal-PAK jew permezz ta’ baġits oħra, pereżempju minn kontribuzzjoni għas-sostenibbiltà għat-tranżizzjoni;

1.14.

Il-baġit tal-PAK jiġi restawrat għal livell ta’ 0,5 % tal-PDG tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-soċjetà tal-UE u jinżammu ambizzjonijiet ewlenin bħas-sigurtà u s-sovranità tal-ikel tal-UE, l-introjtu raġonevoli u vijabbli tal-azjendi agrikoli, il-miri tat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u servizzi pubbliċi oħra mhux imħallsa mis-suq;

1.15.

Jiġi żgurat li s-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel effiċjenti fl-użu tal-karbonju u l-pajjiżi kkonċernati jiġu mħeġġa u appoġġjati biex ikomplu jipproduċu l-ikel sabiex jiġu minimizzati l-emissjonijiet u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

1.16.

Tiġi żgurata l-ekwivalenza tal-istandards fil-produzzjoni tal-ikel fil-ftehimiet kummerċjali kollha;

1.17.

Ir-regoli dwar is-sussidji tal-PAK jiġu ssemplifikati, u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-bdiewa, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal permessi differenti;

1.18.

Tiġi promossa governanza parteċipattiva speċifika għas-setturi, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel u djalogu soċjali msaħħaħ fis-settur agroalimentari;

1.19.

Tiġi ffaċilitata tranżizzjoni ekoloġika u ġusta tal-biedja Ewropea billi jingħataw inċentivi għal prattiki ta’ produzzjoni aktar sostenibbli inkluż l-aċċess għal xogħol staġjonali (1) u enerġija ekoloġika affordabbli, mingħajr ma joħolqu żvantaġġ kompetittiv;

1.20.

Tingħata protezzjoni lill-bdiewa kontra l-esponiment għal żvantaġġi kompetittivi kkawżati minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li joħolqu kundizzjonijiet żbilanċjati;

1.21.

Ir-riċerka agrikola ta’ kwalità għolja u l-investimenti fl-edukazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur agrikolu u biex tissaħħaħ il-kompetittività tiegħu. Għalhekk, huwa essenzjali li jiżdied b’mod sinifikanti l-finanzjament għar-riċerka agrikola fil-baġit tal-politika tar-riċerka tal-UE;

1.22.

Huwa importanti li tinżamm produzzjoni agrikola b’saħħitha fl-Ewropa kollha, inkluż fl-inqas żoni favorevoli tagħha. Din hija parti essenzjali mis-sigurtà tal-provvista Ewropea u trid tibqa’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE;

1.23.

Żoni rurali b’saħħithom, prosperużi, aċċessibbli u reżiljenti fl-UE huma essenzjali għal agrikoltura ta’ suċċess. Għalhekk, huwa importanti li l-iżvilupp rurali jibqa’ objettiv b’saħħtu fil-Politika Agrikola Komuni u li jiġi allokat finanzjament suffiċjenti għall-iżvilupp rurali.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Din l-Opinjoni esploratorja, mitluba mill-Presidenza Pollakka, tikkomplementa opinjonijiet preċedenti, b’mod partikolari l-Opinjoni dwar It-trawwim ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u reżiljenti fi żminijiet ta’ kriżijiet li qed jikbru, li tfasslet fuq talba tal-Presidenza Ungeriża.

2.2.

Il-Presidenza Pollakka qed tippjana li tipprovdi għadd ta’ għodod u elementi ewlenin biex tappoġġja lill-bdiewa fi żminijiet ta’ kriżi, biex tiżgura l-introjtu tagħhom u ttejjeb is-setgħa ta’ negozjar tagħhom u l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE. Il-Presidenza tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri eżistenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet biex jiġu indirizzati l-effetti ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi li qed jiżdiedu bħal kundizzjonijiet estremi tat-temp, instabbiltà ġeopolitika u tensjonijiet tas-suq internazzjonali. Hija meħtieġa wkoll enfasi fuq il-politika agrikola komuni, u valutazzjoni dwar l-effettività tagħha f’termini ta’ baġit, għodod ta’ appoġġ għall-introjtu u rekwiżiti tal-Patt Ekoloġiku, fid-dawl ta’ sfidi u kriżijiet ġodda.

2.3.

Issemmew u ġew eżaminati eżempji prattiċi minn pajjiżi differenti biex jiġi enfasizzat kif l-UE tista’ tadotta u timplimenta inizjattivi ta’ politika eżistenti u ġodda f’firxa ta’ oqsma li jgħinu biex jiġi appoġġjat l-introjtu tal-azjendi agrikoli u tittejjeb is-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa fil-katina alimentari. Il-KESE qed jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea teżamina kif dawn il-proposti jistgħu jiġu adottati u implimentati fis-suq uniku kollu.

3.   Għodod li jappoġġjaw lill-bdiewa fi żminijiet ta’ kriżi

3.1.

Kulħadd jaqbel dwar il-ħtieġa li jinżamm u jiġi żgurat l-introjtu tal-produtturi Ewropej, f’kuntest fejn il-produzzjoni agrikola hija intrinsikament inċerta. Ir-rendiment, il-kwalità tal-prodotti u l-prezzijiet jistgħu jiġu affettwati minn fatturi differenti: it-tibdil fil-klima, li huwa rifless f’żieda f’avvenimenti estremi, li jagħmlu r-rendimenti agrikoli aktar volatili; kunsiderazzjonijiet ambjentali u tas-saħħa; tensjonijiet kummerċjali u avvenimenti ġeopolitiċi.

3.2.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li jiġu żviluppati u implimentati għodod li jappoġġjaw l-introjtu tal-bdiewa u jkunu ta’ assigurazzjoni għalihom kontra l-volatilità, fid-dawl ta’ riskji dejjem akbar, aktar frekwenti u aktar serji. Waqt li l-biċċa l-kbira tal-għodod huma maħsuba biex ikopru r-riskji klimatiċi, il-KESE jqis li huwa importanti jiġu enfasizzati u jinħolqu strumenti li jkopru r-riskji tas-suq, li l-impatt tagħhom jista’ jkun daqstant kbir. Waqt li ċerti mudelli huma mfassla biex jilqgħu kontra l-isfidi fuq terminu qasir billi jipprovdu rispons rapidu għax-xokkijiet, oħrajn huma mfassla biex jindirizzaw l-isfidi fit-tul u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità ta’ reżiljenza tal-bdiewa. Għall-KESE huwa kruċjali li tiġi żgurata l-konsistenza bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet komplementari fil-livell Ewropew.

3.3.

Il-KESE jirrimarka li dawn l-iskemi ta’ appoġġ għall-introjtu għandhom ukoll rwol x’jaqdu fl-appoġġ għall-produtturi Ewropej biex jiżviluppaw il-prattiki tal-biedja tagħhom b’konformità ma’ sfidi ġodda tas-suq, soċjali, ambjentali u klimatiċi, u jfakkar fl-importanza li tiġi kkombinata l-prestazzjoni ekonomika u ambjentali. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li r-riskji ma jiġġarrbux biss mill-produttur iżda li jitferrxu tul il-katina alimentari kollha.

Skemi ta’ assigurazzjoni mfassla għall-kopertura kontra diżastri klimatiċi u ambjentali

3.4.

Madwar id-dinja, l-użu tas-sistema tal-assigurazzjoni privata fl-agrikoltura mhuwiex mifrux b’mod uniformi bejn il-pajjiżi. Mis-suq globali ta’ $ 30 biljun, l-Amerika ta’ Fuq tammonta għal $ 10 biljun, iċ-Ċina għal $ 10 biljun u l-Indja għal $ 5 biljun. Fl-Ewropa, is-suq tal-assigurazzjoni huwa iżgħar, bi $ 0,7 biljun għal Spanja u $ 0,6 biljun għal Franza u l-Italja. Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi, il-primjums huma ssussidjati ħafna mill-gvernijiet, f’konformità maż-żieda qawwija fir-riskji matul l-aħħar 15-il sena (2).

3.5.

Fil-livell Ewropew, f’termini ta’ ġestjoni tar-riskju agrikolu, kull mudell huwa uniku u adattat għal sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi. Il-KESE jenfasizza l-effettività tas-sistema Spanjola, li nħolqot lejn l-aħħar tas-snin 70, li sal-lum tikkostitwixxi l-għodda ewlenija tal-politika pubblika agrikola tagħhom u li, barra minn hekk, ispirat bil-qawwa r-riforma tal-assigurazzjoni tal-għelejjel fi Franza fl-2022.

3.6.

Is-sistema Spanjola hija trasversali u tadatta għal varjetà wiesgħa ta’ oqsma u klimi, u b’hekk tagħmilha kompetittiva u effiċjenti. Hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, fil-forma ta’ arranġament ibridu: ir-riskji jiġu trasferiti lil kumpaniji tal-assigurazzjoni privati, il-bdiewa jħallsu parti mill-primjums, u l-Istat ikopri l-bqija tal-ispejjeż (3) .

3.7.

Madankollu, hemm ostaklu wieħed għall-adozzjoni b’suċċess tas-sistemi tal-assigurazzjoni: il-ħtieġa li jinbidel il-metodu użat biex jiġu ddeterminati r-referenzi storiċi tar-rendiment. L-akkumulazzjoni ta’ perikli klimatiċi tbaxxi r-rendimenti medji u b’hekk tistabbilixxi valuri ta’ referenza baxxi. Ir-Regolament li jiddefinixxi l-medja Olimpika u triennali (4) huwa supranazzjonali u jiddependi mill-UE iżda wkoll mid-WTO (5). Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda li titnieda konsultazzjoni mad-WTO dwar is-suġġett mill-aktar fis possibbli, bl-għan li jiġi propost kalkolu ġdid tar-rendiment medju ta’ tliet snin, waqt li jiġu eliminati l-agħar sentejn u jinżammu t-tlieta l-oħra li jifdal ibbażati fuq l-aħħar ħames snin.

Skemi ta’ assigurazzjoni mfassla għal kopertura kontra tensjonijiet tas-suq

3.8.

Sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet tal-assigurazzjoni konvenzjonali u l-bdiewa jiġu protetti kontra l-volatilità tas-suq fuq perjodu ta’ żmien qasir, il-KESE jenfasizza l-vantaġġi tal-assigurazzjoni parametrika. Abbażi ta’ indiċi (xita, rata ta’ proteini, eċċ.), il-kumpens jiġi attivat awtomatikament ladarba jinqabeż limitu fuq l-iskala tal-indiċi. Dan joffri ħeffa, trasparenza u prezzijiet aktar ġusti minħabba mmudellar tar-riskju aktar raffinat, iżda għadu kumpless, jirrikjedi għaxar snin ta’ storja tad-data u spiss jiswa ħafna flus. Il-KESE jitlob li dan jiġi żviluppat għall-bdiewa u jiġi adattat għalihom.

3.9.

Fl-2014, il-Farm Bill tal-Istati Uniti temm l-għajnuna diżakkoppjata, u minflok qaleb għal għajnuna kontroċiklika (6). Din is-sistema tikkombina għajnuna għall-assigurazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ mill-gvern federali (85 % taż-żoni tal-għelejjel prinċipali huma assigurati), u għajnuna kontroċiklika bbażata fuq medja Olimpika. Jekk il-prezz tas-suq ipproġettat fiż-żmien taż-żrigħ ikun baxx, l-assigurazzjoni ma tipproteġix b’mod effettiv l-introjtu tal-azjendi agrikoli fiż-żmien tal-ħsad, mentri l-għajnuna kontroċiklika tista’ tiggarantixxi prezz, bejgħ u saħansitra marġni fuq medda twila ta’ żmien. Bejn l-2019 u l-2023 fl-Istati Uniti, l-għajnuna għall-kriżijiet immobilizzat baġit ta’ EUR 77 biljun (7).

3.10.

Il-KESE jtenni l-importanza ta’ produzzjoni tal-ikel b’saħħitha, reżiljenti u sostenibbli fl-Ewropa, li tkun tista’ tiffaċċja kriżijiet futuri. Huwa impossibbli l-Ewropa tinkiseb dan jekk testernalizza l-produzzjoni tagħha. Il-KESE jqis li din it-tħejjija għall-futur ma tistax tinkiseb b’approċċ ibbażat fuq is-suq biss. Il-KESE jemmen li t-tranżizzjoni lejn approċċ kontroċikliku tista’ tappoġġja l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Dan kollu jimxi id f’id mal-bini ta’ riżervi strateġiċi, li huma essenzjali (1) biex jiġu koperti l-ħtiġijiet bażiċi tal-ikel tal-popolazzjoni Ewropea, (2) biex jiġu żgurati provvisti industrijali permezz ta’ livell għoli ta’ produzzjoni, u (3) biex jiġu appoġġjati l-pajjiżi ġirien f’każ ta’ kriżi ekonomika/ġeopolitika (eż. l-Ukrajna). Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni ta’ elementi kontroċikliċi fl-istrumenti tal-PAK wara s-sena 2027 biex tirreaġixxi għall-pressjoni kbira li s-settur agrikolu qed jesperjenza mis-swieq, ħafna drabi minħabba prezzijiet baxxi jew flutwazzjoni kbira ħafna tagħhom.

3.11.

Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ fond ta’ prevenzjoni bħala l-“istrument għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu” (8), li ġie ppruvat fl-Italja u fi Franza. Dan il-fond mutwu jista’ jikkumpensa għal telf kbir ta’ introjtu minħabba perikli fis-suq (rati tal-kambju, prezzijiet tal-input). Dan jikkomplementa skemi oħra u jista’ jiġi ffinanzjat b’mod kollettiv mill-bdiewa, mill-operaturi downstream, mir-reġjuni tal-Istati Membri u mill-Ewropa. Fl-Italja (9), jista’ jiġi ffinanzjat sa 70 % minn fondi pubbliċi (PAK/FAEŻR, u/jew fondi nazzjonali).

PAK: il-ħtieġa li jissaħħu l-għodod għall-ġestjoni tar-riskji u l-kriżijiet

3.12.

Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi żgurat li l-iskemi tal-assigurazzjoni jikkomplementaw l-għodod tal-PAK u jsaħħu l-għodod tagħha għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Filwaqt li l-pagamenti diretti jipprovdu l-ewwel saff ta’ stabbilizzazzjoni tal-introjtu, dawn mhumiex imfassla biex jirrispondu għal kriżijiet klimatiċi jew tas-suq li jiġu għal għarrieda. Il-PAK toffri xi appoġġ għall-istrumenti tal-assigurazzjoni klimatika u għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu, iżda l-implimentazzjoni tagħhom kienet modesta wisq u mhux uniformi madwar l-UE. Bejn l-2014 u l-2017, ġew żborżati biss EUR 380 miljun mill-PAK bħala appoġġ tal-għodod għall-ġestjoni tar-riskju, jiġifieri inqas minn 1 % tal-baġit tal-PAK (10).

3.13.

L-Artikolu 19 tal-PAK jistipula li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li sa 3 % tal-pagamenti diretti li għandhom isiru lil bidwi għandhom jiġu ddedikati għall-kontribuzzjoni ta’ dak il-bidwi għal għodda għall-ġestjoni tar-riskju, iżda din il-possibbiltà rari tintuża mill-Istati Membri. Il-KESE jqis li huwa importanti li jittejjeb u jiġi promoss l-użu ta’ din il-lieva mill-Istati Membri, sabiex isaħħu l-implimentazzjoni ta’ ċerti għodod, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ fondi mutwi.

3.14.

Min-naħa l-oħra, id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE (11) mniedi f’Jannar 2024 jirrakkomanda r-riforma tar-riżerva agrikola attwali biex tkun immirata aħjar għar-riskji eċċezzjonali u katastrofiċi. Skont Farm Europe, dan il-fond, b’kapital stmat ta’ EUR 2 biljun, huwa konsistenti mal-ħtieġa li jiġu żviluppati modi ġodda u prattiċi ta’ ġestjoni tar-riskji, waqt li jinżamm livell suffiċjenti ta’ finanzjament dirett. Sal-lum, il-PAK riformata tinkludi riżerva finanzjarja ġdida ta’ mill-inqas EUR 450 miljun fis-sena. Għall-KESE, ir-riżerva għall-agrikoltura għandha tiżdied b’mod sinifikanti, sabiex jiġu żgurati appoġġ effettiv tal-prezzijiet u strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet (12).

Fondi mutwi

3.15.

Il-KESE jtenni l-importanza li jitqiesu l-perikli għas-saħħa li jħallu impatt fuq il-produzzjoni agrikola bħala riskju kollettiv ġenwin, aktar milli riskju individwali, bil-potenzjal li jkollhom impatt fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, li huma essenzjali għall-prevenzjoni tat-tixrid u t-telf tal-kontroll ta’ tifqigħa, li huma wkoll ħafna aktar għaljin mill-prevenzjoni. Il-KESE jipproponi li l-UE tikkunsidra u tfassal, fil-livell tal-Istati Membri, l-iżvilupp ta’ fondi mutwi agrikoli nazzjonali għar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent, fuq il-mudell tal-Fonds national Agricole de mutualisation du risque sanitaire et environnemental (FMSE) fi Franza. Bħala mudell tal-immaniġġjar tar-riskji uniku fl-Ewropa, l-FMSE sar għodda essenzjali fi Franza biex jappoġġja l-politiki tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Huwa mmirat kemm lejn kwistjonijiet tas-saħħa kif ukoll ambjentali, u huwa ffinanzjat mill-bdiewa, l-Istat u l-UE.

3.16.

L-FMSE jista’ jintervjeni wkoll fil-qafas tal-programmi tas-saħħa ta’ interess kollettiv. Dawn il-programmi huma appoġġjati u mmexxija minn professjonisti, u jistgħu jiġu stabbiliti biex jippromovu l-prevenzjoni, l-istħarriġ u l-kontroll tal-pesti/mard. Dawn jinkludu dijanjożi tal-kuntest tas-saħħa, dettalji tal-azzjoni prevista u mekkaniżmi tal-kostijiet u ta’ finanzjament. L-azzjoni tista’ tiġi ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-membri, bil-possibbiltà ta’ finanzjament mill-Istat u/jew mill-awtoritajiet lokali.

Għodod finanzjarji pprovduti mill-PAK u l-banek

3.17.

L-aċċess għall-finanzi huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġi żgurat l-adattament tas-settur agrikolu għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza tiegħu, u fl-istess waqt tiġi indirizzata l-isfida tat-tiġdid ġenerazzjonali fuq skala Ewropea. Il-KESE jirrakkomanda li l-kapaċità ta’ investiment tal-bdiewa tiġi appoġġjata bi strumenti finanzjarji sempliċi u mhux burokratiċi. L-ewwel nett, il-KESE jirrimarka li l-istrumenti finanzjarji b’ġestjoni kondiviża taħt l-għodod volontarji u flessibbli tal-PAK (FAEŻR, FEŻR, FSE+) jistgħu jtejbu l-aċċess tal-bdiewa għall-finanzjament permezz ta’ self, garanziji u kapital, li jistgħu joffru kundizzjonijiet aħjar mis-suq (rata tal-imgħax aktar baxxa, kollateral aħjar, eċċ.).

3.18.

Fir-rigward tal-għodod finanzjarji pprovduti mill-banek, fi Franza, xi wħud minnhom qed joħolqu għodod innovattivi biex jappoġġjaw il-kapaċità ta’ investiment tal-bdiewa, bħas-“self pilota” u s-“self b’imgħax żero” offrut minn Crédit Agricole.

3.19.

Is-self pilota jipprovdi flessibbiltà akbar f’termini ta’ finanzjament, peress li jippermetti lil bidwi f’diffikultà jimmodula b’mod kuntrattwali l-ammont tal-pagamenti bankarji tiegħu jew tagħha sa massimu ta’ 30 %. Modalità oħra tippermetti li l-ħlasijiet lura tas-self jiġu sospiżi għal massimu ta’ 12-il xahar, permezz ta’ żewġ tekniki bankarji: differiment tal-pagament wara li tkun għaddiet l-ewwel sena, jew żieda fil-pagament ta’ kull xahar mingħajr ebda bidla fit-terminu tas-self. Min-naħa l-oħra, is-self b’imgħax żero huwa mfassal biex itaffi l-problemi tal-fluss tal-flus u jiffaċilita l-finanzjament, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-istabbiliment tal-attività. Għal self ta’ EUR 150 000 jew aktar, EUR 50 000 jistgħu jiġu koperti minn self b’imgħax żero.

3.20.

Il-bdiewa żgħażagħ għadhom jiffaċċjaw ostakli sinifikanti biex jiksbu l-ammont ta’ finanzjament meħtieġ biex jibdew u jsostnu negozju agrikolu. B’mod ġenerali, il-banek joqogħdu lura milli jsellfu l-flus liż-żgħażagħ li jidħlu fis-settur, l-aktar minħabba li hemm ħafna riskji assoċjati ma’ dan it-tip ta’ investiment u r-redditi spiss ikunu ferm ’il bogħod fil-futur u mhux sostanzjali biżżejjed biex ikunu attraenti ħafna.

3.21.

Min-naħa tiegħu, Crédit Mutuel Alliance Fédérale, stabbiliet self għall-installazzjoni agrikola, b’rata ssussidjata ta’ 2 %, riżervat għall-mexxejja tal-proġetti li huma impenjati fl-agrikoltura li l-prattiki tagħhom, fil-qafas tal-PAK 2023-2027, huma rikonoxxuti bħala li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni agroambjentali. Toffri wkoll sussidji speċifiċi għad-dijanjostika u ċ-ċertifikazzjonijiet ambjentali.

3.22.

Il-KESE jenfasizza wkoll diversi rakkomandazzjonijiet mid-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura tal-UE (13), li jindikaw l-importanza ta’: 1) l-istabbiliment ta’ indikaturi ta’ tranżizzjoni u kriterji ta’ referenza ċari, fi ħdan qafas regolatorju koerenti u simplifikat (attività bankarja għandha tqis id-dimensjoni fit-tul tal-agrikoltura u l-investimenti tagħha, u dan jirrikjedi d-definizzjoni ta’ trajettorji ta’ tranżizzjoni ċari u li jistgħu jinkisbu appoġġjati minn data affidabbli); 2) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-atturi ta’ finanzjament pubbliku (il-BEI, il-FEI, il-BPI) u privat fl-Istati Membri tal-UE, 3) il-kunsiderazzjoni ta’ qafas ġdid li jqis aħjar ir-riskji assoċjati mat-tranżizzjonijiet; u 4) il-promozzjoni tal-aċċess għall-assigurazzjoni agrikola. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jitnieda djalogu bejn il-Kummissjoni u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

4.   Għodod biex jiġi żgurat l-introjtu tal-bdiewa u tittejjeb is-setgħa tan-negozjar tagħhom

4.1.

Il-liġijiet ġodda dwar il-katina alimentari fi Spanja, li jmorru lil hinn mill-prattiki kummerċjali inġusti tal-UE, jirrappreżentaw titjib sinifikanti fl-operat tal-katina alimentari. Il-liġi Spanjola tipprojbixxi l-bejgħ bi prezzijiet orħos mill-kost u tirrikjedi li kull ħolqa fil-katina alimentari tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet kollha ta’ aktar minn EUR 1 000 irid ikollhom kuntratt bil-miktub u l-kuntratti kollha jridu jiġu rreġistrati f’reġistru diġitali. L-Aġenzija għall-Informazzjoni u l-Kontroll tal-Ikel tiġbor l-ilmenti, timmonitorja l-konformità u tippubblika sanzjonijiet għall-ksur. Barra minn hekk, hemm Osservatorju tal-Katina, li huwa responsabbli għall-analiżi tal-kostijiet u tal-prezzijiet. Il-multi għall-ksur tal-leġiżlazzjoni jiġu ppubblikati meta jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha possibbli biex tiġi evitata ħsara għar-reputazzjoni minħabba allegazzjonijiet ta’ prattiki inġusti li fl-aħħar mill-aħħar jiġi muri li ma twettqux.

4.2.

Element ewlieni tal-liġi Spanjola dwar il-katina alimentari hija l-projbizzjoni fuq il-bejgħ bi prezzijiet orħos mill-kost. Dan jinkiseb billi x-xerrej jiġi pprojbit milli jixtri b’telf jew bi prezz inferjuri mill-kostijet tal-operatur preċedenti. L-istabbiliment tal-kost tal-produzzjoni għal prodotti, varjetajiet, kalibri, razez tal-annimali u setturi differenti huwa ta’ sfida u għadu ma ġiex żviluppat mir-regolamentazzjoni Spanjola.

4.3.

Il-KESE jqis li l-mudelli Spanjoli u Franċiżi jridu jiġu analizzati fil-fond biex jiġi studjat jekk jindirizzawx b’mod effettiv il-problemi ewlenin fil-katina alimentari u b’mod partikolari jekk isaħħux il-pożizzjoni tal-bdiewa u jekk jiżgurawx prezzijiet ġusti tul il-katina alimentari. Abbażi tas-suġġerimenti tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta’ dawn ir-regolamenti nazzjonali dwar il-prezzijiet agrikoli fuq il-pożizzjoni tal-bdiewa u ta’ atturi oħra fil-katina, fuq il-kompetittività tagħhom, fuq il-kompetizzjoni tul il-katina tal-provvista kif ukoll fuq il-konsumaturi.

4.4.

Il-KESE qed jipproponi li l-Kummissjoni tistudja l-impatti possibbli fuq il-kompetittività tal-operaturi tal-katina alimentari u fuq iċ-ċertezza legali tal-estensjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti biex tipprovdi għal projbizzjoni fl-UE kollha fuq il-bejgħ bi prezzijiet inferjuri mill-kost (14). Din se tipprovdi għal prezzijiet aktar ġusti u vijabbli u tippermetti lill-produtturi primarji jirkupraw introjtu raġonevoli mis-suq u jkopru l-kostijiet addizzjonali tar-regolamentazzjoni u tal-istandards ogħla imposti mill-UE, iżda l-effetti fuq il-katina alimentari kollha, kif ukoll fuq il-konsumaturi, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa. Tkun konformi mal-objettiv stabbilit fid-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE għal agrikoltura li l-introjtu ewlieni tagħha jiġi mis-suq u li tappoġġja metodi ta’ produzzjoni sostenibbli (15).

4.5.

Approċċ aktar olistiku għall-kuntratti sostenibbli tal-katina tal-provvista huwa l-eżempju bbażat fuq il-volontarjat kif promoss minn Coldiretti fl-Italja, li tadotta approċċ usa’ ta’ sistemi sħaħ intergradati għall-katina tal-valur mill-produttur sal-konsumatur. Dan il-mudell jippromovi t-trasparenza u relazzjonijiet kummerċjali tajbin tul il-katina kollha, li min-naħa tagħha ssaħħaħ il-profittabbiltà u tiggarantixxi prezz minimu għall-bidwi.

4.6.

L-għarfien dwar il-kostijiet reali tal-produzzjoni, tal-prezzijiet u tal-marġnijiet fl-elementi kollha tal-katina alimentari huwa essenzjali għat-trasparenza, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali inġusti u l-istrumenti tal-kriżi tas-suq. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf osservatorju dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-marġnijiet u l-prattiki kummerċjali fil-katina tal-provvista tal-ikel (16).

4.7.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni ttejjeb iċ-ċentru diġitali li għandha diġà għall-ġbir tal-prezzijiet u l-marġnijiet tas-suq tul il-katina alimentari kollha, b’rispett tal-kunfidenzjalità u r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u billi tikkunsidra eżempji internazzjonali oħra bħas-Servizz ta’ Kummerċjalizzazzjoni Agrikola tal-Istati Uniti (17).

4.8.

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fi strutturi bħall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kooperattivi u l-organizzazzjoni interprofessjonali biex tiżdied is-setgħa tan-negozjar tagħhom fil-katina alimentari huwa essenzjali biex jinkisbu prezzijiet aktar ġusti u introjti vijabbli għall-produtturi primarji. Il-bdiewa individwali huma l-prendituri tal-prezzijiet, b’setgħa ta’ negozjar limitata meta jbigħu l-prodotti tagħhom lil proċessuri jew bejjiegħa bl-imnut ħafna akbar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-bdiewa li jaħdmu permezz ta’ kooperattivi jew organizzazzjonijiet tal-produtturi.

4.9.

Il-liġi Egalim (18) fi Franza hija eżempju ta’ dan u għandha l-għan li tiżgura relazzjonijiet kummerċjali aktar ibbilanċjati fil-katina alimentari agrikola permezz ta’ prezzijiet aktar ġusti għall-bdiewa. Għandha wkoll l-għan li ttejjeb l-ikel ta’ kwalità għolja u sostenibbli. Il-liġi għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fin-negozjati kummerċjali billi treġġa’ lura l-proċess tal-kostruzzjoni tal-prezzijiet, u tippermetti lill-produtturi primarji permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom jinnegozjaw kuntratti max-xerrejja abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni.

4.10.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tipprevedi mudell ta’ politika ġdid li jirrikonoxxi u jsaħħaħ formalment il-pożizzjoni ta’ negozjar tas-settur tal-biedja fil-katina alimentari billi jgħaqqad lill-kooperattivi, u lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali u dawk tal-produtturi. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li jiġi stabbilit proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim (19). Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OKS (Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fi Prodotti Agrikoli) li jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu ta’ medjazzjoni għall-partijiet biex isolvu tilwim dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti bil-miktub iżda jemmen li huwa essenzjali mekkaniżmu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Permezz ta’ negozjar tal-prezzijiet min-naħa tal-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-ispejjeż addizzjonali ta’ standards ambjentali, tax-xogħol u tal-benesseri tal-annimali għoljin tal-UE jistgħu jiġu inklużi fil-kuntratti tal-prezzijiet (20).

4.11.

Hemm 22 000 kooperattiva Agri li huma proprjetà ta’ 7 miljun bidwi madwar l-UE (21). It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kooperattivi u ż-żieda fl-appoġġ għall-istabbiliment u l-operat tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi se jgħinu wkoll biex tittejjeb is-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa fil-katina alimentari.

4.12.

L-iżvilupp ulterjuri ta’ mekkaniżmi relatati mal-ipprezzar tal-kuntratti, l-ipprezzar tal-futuri u l-iħħeġġjar jista’ jkollu rwol pożittiv fit-tnaqqis tar-riskji u fiż-żieda taċ-ċertezza dwar prezzijiet ġusti u dħul vijabbli għall-bdiewa.

4.13.

Għodod oħra li jistgħu jgħinu biex iżidu s-setgħa tan-negozjar u jtejbu l-introjtu tal-azjendi agrikoli jinkludu:

spazju inċentivat fuq l-ixkafef għall-prodotti lokali fis-supermarkets sabiex jiġu appoġġjati katina tal-provvista qasira u l-prodotti lokali;

qed jiġi propost li l-UE tinvestiga l-impatt tal-marki kummerċjali fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet u t-trasferiment ta’ spejjeż ogħla lill-fornituri primarji;

distributuri awtomatiċi fl-azjendi agrikoli li jippermettu l-bejgħ dirett;

VAT imnaqqsa biex tiffavorixxi prodotti agroalimentari li joriġinaw minn produzzjoni fuq skala żgħira u sostenibbli;

appoġġ pubbliku għal skemi tajbin għas-saħħa u sostenibbli bejn il-produtturi u l-konsumaturi.

4.14.

Is-sħubijiet bejn il-bliet u ż-żoni rurali dwar is-sostenibbiltà tal-ikel jistgħu jgħinu biex jiżdied l-introjtu tal-bdiewa, bħall-inizjattivi tal-programmi tal-ICLEI tal-gvern lokali (22). L-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-opportunità huma d-dimensjonijiet ewlenin. Mudelli bbażati fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u fuq il-bijodistretti kif ukoll l-agrikoltura appoġġjata mill-komunità għandhom jiġu mħeġġa u promossi. Eżempji qawwija ta’ progress f’dan il-qasam jinkludu leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli u mandatorju għall-prodotti tal-ikel u tal-catering fl-Italja u l-approċċ ta’ kummerċ ġust applikat fil-Belt ta’ Ghent.

4.15.

Il-KESE jfakkar li l-produtturi primarji jeħtieġu għajnuna addizzjonali fit-tranżizzjoni lejn produzzjoni newtrali għall-klima (23). Din l-għajnuna tista’ tkun f’diversi forom, pereżempju billi l-kontribwenti tal-UE jintalbu jagħmlu kontribuzzjoni addizzjonali ġusta għal servizz ambjentali siewi li altrimenti ma jitwettaqx, jew billi jiġi introdott kontribut għas-sostenibbiltà għat-tranżizzjoni li ovvjament mhux se jiġi ffinanzjat kompletament mill-PAK li jmiss. Barra minn hekk, il-KESE jqis li s-swieq għandhom jixprunaw u jiffinanzjaw ukoll is-sostenibbiltà sabiex l-ispejjeż addizzjonali ma jiġux sfurzati lura fuq il-produttur primarju bħala l-aktar ħolqa dgħajfa fil-katina.

4.16.

L-edukazzjoni dwar l-ikel hija essenzjali biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ konsum tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli. Il-programmi tal-edukazzjoni dwar l-ikel għandhom jingħataw prijorità fl-iskejjel, u jkunu ffukati fuq l-iżgurar ta’ nutrizzjoni bbażata fuq ix-xjenza u edukazzjoni u litteriżmu dwar is-sikurezza tal-ikel, kif ukoll jitfgħu dawl fuq xi jfissru prodotti lokali u staġjonali u kif għandhom jittieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri responsabbli. Huwa meħtieġ ukoll tikkettar tal-ikel fl-UE kollha li jkun affidabbli, komprensiv, ibbażat fuq ix-xjenza, komparabbli u trasparenti. Sabiex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-konsumaturi u l-ħtiġijiet tas-suq biex jappoġġjaw il-prodotti tal-bdiewa Ewropej, huwa essenzjali li jiġu eżaminati l-preferenzi tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-aspettattivi u r-rekwiżiti tagħhom għat-tikkettar ta’ dawn l-oġġetti tal-ikel. Dan jinkludi l-identifikazzjoni tal-kwalitajiet li għandhom jiġu enfasizzati, strateġiji effettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni għal tali prodotti, u prattiki adegwati ta’ tikkettar. L-identifikazzjoni ta’ segmenti tal-konsumatur u ta’ karatteristiċi speċifiċi għall-pajjiż tkun meħtieġa wkoll. Dan jista’ jinvolvi t-twettiq ta’ stħarriġ esploratorju fl-UE kollha bbażat fuq approċċ kwalitattiv u kwestjonarju tal-konsumatur biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiż u s-segmenti tal-konsumatur. L-aħjar prattiki eżistenti għal mudelli ta’ negozju bbażati fuq ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra fl-UE għandhom jiġu mmappjati, u għandhom jiġu identifikati wkoll segmenti tal-konsumatur li potenzjalment jistgħu jkunu involuti f’inizjattivi bħal dawn (eż. bijodistretti (24), agrikoltura appoġġjata mill-komunità, u kuntratti ta’ katina ta’ provvista qasira (25)).

4.17.

Skont l-Artikolu 39 tat-Trattat ta’ Ruma, objettiv ewlieni tal-PAK huwa li jiġi żgurat standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa. L-introjtu tal-azjendi agrikoli tal-UE huwa madwar 40 % inqas meta mqabbel mal-introjtu mhux agrikolu (26). Il-pagamenti diretti huma l-aktar strument importanti fil-PAK biex jappoġġjaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli. Is-sehem medju tal-UE tal-pagamenti diretti fl-introjtu tal-fattur agrikolu fl-2017-21 kien ta’ 23 %.

4.18.

Il-KESE jqis li l-pagamenti diretti tal-PAK huma indispensabbli biex jiġi appoġġjat id-dħul tal-azjendi agrikoli tal-UE u jridu jiġu protetti u mtejba fir-riforma li jmiss tal-PAK (27). Il-KESE jqis li l-pagament dirett għandu jkun immirat aħjar lejn il-bdiewa attivi. Il-KESE jqis ukoll li l-pagamenti diretti sostanzjali huma kritiċi għall-preżervazzjoni tal-mudell tal-azjendi agrikoli tal-familja tal-UE u r-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura fl-UE.

4.19.

L-infiq tal-PAK bħala perċentwal tan-nefqa tal-UE naqas b’mod drammatiku minn 73 % fl-1980 għal 23,6 % biss fl-2022 (28). Bejn l-1990 u l-2021-2027, il-kost baġitarju tal-PAK, meta mqabbel mal-introjtu nazzjonali gross tal-UE, se jkun naqas minn 0,54 % għal 0,32 % (29). Sabiex il-baġit attwali tal-PAK għall-2021-2027 ikollu l-istess valur li kellu meta ġie stabbilit fl-2020, ikun jeħtieġ li jiżdied għal EUR 481 biljun. Sal-2034, it-tmiem tal-QFP li jmiss, biex jinżamm il-valur tagħha għall-2020 huwa stmat li l-PAK jeħtieġ li tiżdied b’EUR 166 biljun fil-baġit 2021-2027 (30).

4.20.

Sabiex tissodisfa l-ambizzjonijiet tagħha, u tilħaq l-objettivi addizzjonali eżistenti u ġodda tiegħu kif mitlub mis-soċjetà tal-UE, il-KESE qed jipproponi li l-baġit tal-PAK jerġa’ jiġi stabbilit għal livell ta’ 0,5 % tal-PDG tal-UE. Sistema tal-ikel tal-UE reżiljenti u sostenibbli appoġġjata minn baġit b’saħħtu tal-PAK hija ġġustifikata bis-sħiħ u twassal għal benefiċċji kbar għas-soċjetà tal-UE inkluż:

Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-ikel tal-UE;

Il-provvista ta’ provvista stabbli ta’ ikel ta’ kwalità għolja u affordabbli;

Iż-żamma taż-żoni rurali u l-ekonomiji rurali permezz tal-biedja, l-impjiegi agroalimentari u s-setturi assoċjati bħat-turiżmu;

Is-salvagwardja tal-azjendi agrikoli tal-familja biex ikollhom introjtu raġonevoli u vijabbli;

Il-kisba tal-miri tat-tibdil fil-klima;

Is-salvagwardja tal-bijodiversità;

Ir-restawr tan-natura;

Iż-żamma tal-pajsaġġi;

Is-sekwestru tal-karbonju;

L-iżgurar ta’ standards għoljin tal-benesseri tal-annimali;

It-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti;

Iż-żamma tas-saħħa tal-ħamrija u l-bijodiversità;

It-tħeġġiġ taż-żgħażagħ biex jidħlu fis-settur tal-biedja u ż-żamma tal-għadd ta’ bdiewa;

L-għoti ta’ servizzi pubbliċi mhux imħallsa mis-suq.

4.21.

Il-KESE jemmen li r-reċiproċità rigward l-ekwivalenza tal-istandards u kundizzjonijiet ekwivalenti fil-produzzjoni tal-azjendi agrikoli u l-istandards ta’ sostenibbiltà jridu jiġu minquxa fid-diskussjonijiet u l-ftehimiet kollha tal-politika kummerċjali tal-UE (31). Ftehimiet kummerċjali li huma żbilanċjati u li jonqsu milli jissodisfaw l-istandards ta’ produzzjoni u sostenibbiltà tal-UE bħall-ftehim tal-Mercosur jipperikolaw il-kredibbiltà u joħolqu rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u ma għandhomx jiġu appoġġjati.

4.22.

Il-KESE jemmen li l-adeżjoni tal-pajjiżi differenti hija possibbli biss jekk il-baġit tal-PAK jiżdied u jekk jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur agroalimentari, inklużi l-ispejjeż tal-produzzjoni aktar baxxi ta’ xi wħud mill-operaturi ġodda (32).

4.23.

Il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ Fond Agri għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Ikel (33), apparti l-PAK, biex jipprovdi appoġġ għall-investiment fil-forma ta’ self u għotjiet lill-bdiewa u lis-settur agroalimentari matul it-tranżizzjoni. Il-bdiewa żgħażagħ huma dawk li jaffordjaw l-inqas jimplimentaw agrikoltura sostenibbli u għalhekk għandhom ikunu l-aktar appoġġjati.

5.   Għodod biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE (governanza, komunikazzjoni u finanzjament)

5.1.

Il-bdiewa Ewropej jipprovdu beni pubbliċi bażiċi għaċ-ċittadini Ewropej kollha peress li jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel: għalhekk, is-sovranità u s-sigurtà tal-ikel garantiti fit-tul għandhom ċertament ikunu parti mill-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea. L-interessi tal-bdiewa jeħtieġ li jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba tat-tfassil tal-politika.

5.2.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu ssemplifikati aktar ir-regoli tal-mudell ta’ implimentazzjoni l-ġdid għas-sussidji tal-PAK u biex dawn isiru aktar favur il-bdiewa. Dibattiti ta’ politika differenti dwar setturi agrikoli differenti li jiffukaw fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom huma essenzjali f’dan ir-rigward: it-tranżizzjoni ekoloġika mhux se taħdem mingħajr il-bdiewa u mingħajr l-appoġġ u l-involviment tagħhom.

5.3.

Il-bdiewa jeħtieġu inċentivi biex jipparteċipaw fit-tranżizzjoni ekoloġika u biex jadottaw u jadattaw għal prattiki ta’ produzzjoni aktar sostenibbli. L-adozzjoni ta’ standards ta’ sostenibbiltà għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-bdiewa Ewropej fis-suq. Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-istabbiltà tal-introjtu tal-bdiewa, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-kompetittività sabiex l-implimentazzjoni ssir aktar faċli għall-partijiet ikkonċernati kollha. Dan l-approċċ għandu jiġi promoss tul il-katina alimentari kollha, peress li l-Patt Ekoloġiku ġie implimentat biss min-naħa tal-produzzjoni. Il-Patt Ekoloġiku jeħtieġ jiġi implimentat b’mod aktar uniformi fi ħdan il-katina alimentari u l-bilanċ li jidher li ġie mfixkel bejn il-kompetittività u s-sostenibbiltà jeħtieġ li jiġi restawrat. Għadu meħtieġ qafas leġiżlattiv ċar u trasparenti għal sistemi tal-ikel sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi.

5.4.

Il-kooperazzjoni, id-djalogu professjonali u l-komunikazzjoni aħjar fis-sistemi tal-ikel huma essenzjali. Minħabba l-ħtieġa urġenti għal bidliet fil-governanza, il-KESE appella għall-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel (34) sabiex jintlaħaq approċċ aktar integrat u parteċipattiv għat-tfassil tal-politika dwar l-ikel. Il-KESE jilqa’ t-tħabbira tad-Djalogu Strateġiku tal-Bord Ewropew dwar l-Agrikoltura u l-Ikel, li jixbah ħafna lill-kunsill kif propost mill-KESE. Il-Kummissjoni għandha tinnota li l-KESE, bħala d-dar tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa lest li jipprovdi spazju ta’ tlaqqigħ għall-Bord Ewropew dwar l-Agrikoltura u l-Ikel.

It-tisħiħ tad-djalogu soċjali miftuħ fis-settur agroalimentari

5.5.

Fir-rigward tal-kundizzjonalità soċjali (35) u l-linji gwida ta’ politika tal-ILO (36) dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti fis-settur agroalimentari, il-promozzjoni ta’ djalogu tripartitiku trasparenti li jinvolvi lill-ħaddiema, lill-impjegaturi u lir-rappreżentanti tal-gvern hija punt tat-tluq ewlieni.

5.6.

It-tneħħija tal-ostakli leġiżlattivi jew amministrattivi li jistgħu jipprevjenu lill-ħaddiema u lill-impjegaturi fis-settur agroalimentari milli jiffurmaw jew jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet li jippreferu, u l-indirizzar tal-isfidi li jfixklu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha, huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-vuċi kollettiva tagħhom tingħata widen f’dawn il-proċessi peress li ma tista’ tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-bdiewa mingħajr ma jiġu involuti.

5.7.

Ir-rwol tal-imsieħba soċjali permezz tad-djalogu soċjali għandu jiġi integrat b’mod aktar effettiv fil-PAK, possibbilment billi jiġu allokati fondi biex jappoġġjaw il-ħidma tagħhom rigward dawn il-kwistjonijiet. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-kundizzjonalità soċjali tirrikjedi l-allinjament sħiħ kif ukoll l-impenn sħiħ kemm tal-UE kif ukoll tal-imsieħba soċjali nazzjonali skont l-objettivi ddikjarati.

Brussell, is-27 ta’ Frar 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Il-ġbir ta’ data dwar is-sitwazzjoni tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema staġjonali fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel fl-Istati Membri wara l-COVID-19, KESE.

(2)   Ailleurs dans le monde, ça se passe comment? (X’inhu jiġri f’partijiet oħra tad-dinja?) [mhux disponibbli bil-Malti] — Pleinchamp.

(3)   La couverture des risques en agriculture et les assurances agricoles (Il-kopertura tar-riskji fl-agrikoltura u l-assigurazzjoni agrikola [mhux disponibbli bil-Malti]).

(4)  Sal-lum, il-medja ta’ tliet snin hija bbażata fuq il-ħames snin preċedenti, esklużi l-ogħla u l-inqas valuri.

(5)  Ftehim ta’ Marrakexx tal-1994, it-tieni Anness, paragrafu 7.a, WTO.

(6)   Les aides contracycliques américaines, plus efficaces que les prix planchers? (L-għajnuna kontroċiklika Amerikana hija aktar effikaċi mill-prezz minimu? [mhux disponibbli bil-Malti]) / Agriculture Stratégies.

(7)   1-Explosion-du-budget-du-farm-bill.pdf (Żieda qawwija fil-baġit għall-Farm Bill tal-Istati Uniti [mhux disponibbli bil-Malti]).

(8)   ISR (Għodda għall-Istabbilizzazzjoni tal-Introjtu).

(9)   L’Italie a mis en place un ISR pour sécuriser le revenu des betteraviers (L-Italja tintroduċi għodda għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu biex tassigura l-introjtu tal-bdiewa li jkabbru l-pitravi taz-zokkor [mhux disponibbli bil-Malti]).

(10)   Fond Ewropew ġdid għall-kriżijiet agrikoli.

(11)   Strategic Dialogue on the Future of EU Agriculture (Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE [mhux disponibbli bil-Malti]).

(12)   ĠU C, C/2025/117, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/117/oj.

(13)   Djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE — Kummissjoni Ewropea.

(14)   ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165 u ĠU C 517, 22.12.2021, p. 38.

(15)   Strategic Dialogue on the Future of EU Agriculture (Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE [mhux disponibbli bil-Malti]).

(16)   ĠU C, C/2025/117, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/117/oj.

(17)   ĠU C, C/2025/117, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/117/oj.

(18)  Egalim 3: Bilanċ tar-relazzjoni kummerċjali bejn is-settur agroalimentari u l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar [mhux disponibbli bil-Malti].

(19)   ĠU C, C/2025/117, 10.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/117/oj.

(20)   Strategic Dialogue on the Future of EU Agriculture (Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE [mhux disponibbli bil-Malti]).

(21)   Policy Areas ta’ Copa Cogeca.

(22)   Equity served: How local governments can ensure a just transition for sustainable food systems (Ekwità: Kif il-gvernijiet lokali jistgħu jiżguraw tranżizzjoni ġusta għal sistemi tal-ikel sostenibbli [mhux disponibbli bil-Malti]).

(23)   ĠU C, C/2024/2099, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2099/oj.

(24)   Il-bijodistretti jew l-ekoreġjuni, li jinkludu l-ekosistema organika kollha mal-partijiet ikkonċernati kollha, għandhom il-potenzjal li joħolqu aktar redditu soċjali u ekonomiku fl-investiment għall-komunità u l-bdiewa b’mod partikolari. Eżempji tajbin ta’ inizjattivi bħal dawn jinkludu Cilento u l-istudji tal-każ tal-ICLEI f’Bergamo (bijodistretti li jfornu l-iskejjel).

(25)  Fl-Italja tnedew bosta inizjattivi. Pereżempju mudell alternattiv għax-xiri tal-qamħ: “Grani Antichi di Montespertoli” (Toscana); Calzolari Bakery (Emilia-Romagna) - it-tnejn huma parti mill-komunità Slow Food u jwasslu għal remunerazzjoni ġusta għall-bdiewa.

(26)   CAP at a glance (Daqqa t’għajn lejn il-PAK [mhux disponibbli bil-Malti]).

(27)   ĠU C, C/2024/2099, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2099/oj.

(28)   ĠU C, C/2024/2099, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2099/oj.

(29)   Il-Finanzjament tal-PAK: fatti u ċifri.

(30)  Data meħuda minn FarmEurope.

(31)   ĠU C 517, 22.12.2021, p. 38.

(32)   ĠU C, C/2024/6021, 23.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6021/oj.

(33)   ĠU C, C/2024/6878, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6878/oj.

(34)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 1.

(35)  Il-kunċett ewlieni tal-kundizzjonalità soċjali huwa li l-bdiewa li ma jikkonformawx mal-istandards tax-xogħol bażiċi jirriskjaw tnaqqis fis-sussidji tal-PAK tagħhom. L-Istati Membri għandhom sal-1 ta’ Jannar 2025 biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda dwar il-kundizzjonalità.

(36)   Draft policy guidelines for the promotion of decent work in the agri-food sector (ilo.org) (Abbozz ta’ linji gwida ta’ politika għall-promozzjoni ta’ xogħol deċenti fis-settur agroalimentari [mhux disponibbli bil-Malti]).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2016/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)