European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2007

30.4.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-kontribut tal-KESE għall-prijoritajiet tal-UE fid-69 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2025/2007)

Relatur:

Maria NIKOLOPOULOU

Konsulenta

Laura KAUN (għar-relatur, Grupp II)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.10.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

4.2.2025

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

26.2.2025

Sessjoni plenarja Nru

594

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

167/03/01

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Ewropa f’dawn l-aħħar deċennji, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-pass tal-progress, ikunu aktar ambizzjużi, isemmgħu leħinhom dwar l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili, u jimblukkaw kwalunkwe rigress tad-drittijiet tan-nisa, li jinsabu taħt pressjoni, b’mod partikolari mill-partiti politiċi tal-lemin estrem.

1.2.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE, l-Istati Membri u l-partiti politiċi jieħdu impenn biex jattiraw lin-nisa lejn il-politika billi jiġġieldu kontra l-isterjotipi, joffru taħriġ u joħolqu spazji sikuri online u offline, u jikkunsidraw miżuri li jinkoraġġixxu l-elezzjoni u l-ħatra tan-nisa f’pożizzjonijiet ewlenin, bħal kwoti, listi alternanti (1), kopresidenza, mandati maqsuma u li jiġu proposti kandidati rġiel u nisa.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jallokaw biżżejjed riżorsi għall-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom biex itemmu l-vjolenza kontra n-nisa u jfassluhom f’konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-prevenzjoni tal-femminiċidju u tal-vjolenza kontra n-nisa teħtieġ leġiżlazzjoni adegwata, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ fl-iskejjel, u li n-nisa jkollhom indipendenza finanzjarja. Huwa meħtieġ taħriġ speċjali għall-persunal kollu li huwa f’kuntatt mas-superstiti (il-pulizija, is-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-assistenti soċjali, l-avukati u l-imħallfin), u għandhom jiġu stabbiliti faċilitajiet ta’ kura u postijiet ta’ kenn fir-reġjuni kollha.

1.4.

Il-KESE jemmen li qafas ta’ tranżizzjoni ġusta tal-UE għandu jinkludi strateġija tal-ħiliet biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri li kienu jeżistu minn qabel. L-UE jeħtiġilha timmappja l-ħtiġijiet tal-ħiliet, tiżviluppa programmi ta’ taħriġ adegwati, tagħti spinta lill-intraprenditorija tan-nisa fis-setturi ekoloġiċi, u tnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lin-nisa u lill-bniet fin-Nofsinhar Globali u fiż-żoni rurali, li huma affettwati b’mod sproporzjonat mill-kriżi planetarja tripla.

1.5.

Sabiex titnaqqas id-differenza diġitali bejn il-ġeneri, il-KESE jissuġġerixxi investiment fit-taħriġ fil-litteriżmu diġitali, aċċess affordabbli għall-internet, apparat diġitali u proġetti teknoloġiċi mmexxija min-nisa u l-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-karrieri STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) għan-nisa u l-bniet. Il-perspettivi tan-nisa jridu jiġu inklużi fit-tfassil, l-iżvilupp u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-algoritmi, sabiex l-intelliġenza artifiċjali tkun soċjalment sensittiva u inklużiva.

1.6.

Sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fir-responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa u n-nisa jiġu megħjuna jibqgħu fis-suq tax-xogħol, il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal Garanzija Ewropea għall-Kura, li tinkludi l-kura tat-tfal, sabiex ikun hemm servizzi tal-kura tas-saħħa u tal-kura affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għall-persuni li jgħixu fl-UE. Bħala l-aħħar alternattiva, il-persuni li jindukraw li jitilqu mis-suq tax-xogħol għandu jkollhom aċċess għal xbieki ta’ sikurezza bħal liv tal-familja mħallas itwal, skemi ta’ introjtu bażiku u “krediti għall-kura” għall-pjani tal-pensjoni, skont ir-regoli nazzjonali.

1.7.

Il-KESE jappella biex tissaħħaħ il-viżjoni oriġinali tad-dikjarazzjoni ta’ Beijing għar-riżoluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti u l-bini tal-paċi lokali u għal strateġija fit-tul b’saħħitha u ambizzjuża tal-UE dwar politika barranija inklużiva li tqiegħed l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tal-bniedem, id-diplomazija tan-nisa u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tagħha.

1.8.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal aktar data intersezzjonali diżaggregata skont il-ġeneru biex jitfasslu u jiġu segwiti l-istrateġiji, għall-użu ta’ għodod tal-ibbaġitjar skont il-ġeneru u għal perspettiva tal-ġeneru fil-politika fiskali.

1.9.

Il-KESE jixtieq jara li tittieħed aktar azzjoni biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa online (speċjalment fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ falsifikazzjoni diġitali sesswali fil-pornografija), għall-kura tas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa, u biex jiġu implimentati miżuri li jindirizzaw il-vjolenza ekonomika, u li jiġi żgurat li s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati tan-nisa jiġu rispettati.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Bl-għarfien espert, id-diversità tiegħu, kif ukoll bl-impenn qawwi tiegħu li jaċċellera l-bidliet meħtieġa biex tinkiseb dinja paċifika u ġusta li fiha kulħadd jiġi ttrattat b’dinjità u rispett, il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tad-69 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa (UNCSW69) minn perspettiva Ewropea, b’azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

2.2.

Il-UNCSW69 se tiffoka fuq ir-rieżami u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing (BPfA) tal-1995 (2), u l-eżiti tat-23 sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali (3).

2.3.

L-Entità tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ugwaljanza Bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa (UN Women) identifikat sitt oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni; fl-ebda ordni partikolari (4):

Li tiġi aċċellerata l-parità bejn il-ġeneri fil-gvern nazzjonali u lokali

Li jiġu adottati u finanzjati pjani ta’ azzjoni nazzjonali biex tintemm il-vjoelnza kontra n-nisa

Li n-nisa u l-bniet ikunu fiċ-ċentru ta’ tranżizzjoni globali ġusta lejn ekonomiji ekoloġiċi

Li titnaqqas id-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali

Li l-ekonomija tal-kura tiġi trasformata biex tappoġġja t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa

Li tiġi xprunata r-responsabbiltà għall-aġenda tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà

3.   Is-sitwazzjoni attwali fl-UE

3.1.

Fl-aħħar għexieren ta’ snin, bis-saħħa tal-ħidma attiva tas-soċjetà ċivili organizzata u l-impenn tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sar progress fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livell tas-soċjetà u dak leġiżlattiv, speċjalment meta mqabbel ma’ reġjuni oħra fid-dinja. Skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), tjibna fl-oqsma tax-xogħol, tal-introjtu, tal-edukazzjoni, tar-rappreżentanza politika u tal-pożizzjonijiet ta’ poter, għalkemm il-progress kien kajman (5).

3.2.

Barra minn hekk (6), għalkemm l-isforzi biex tiġi avvanzata s-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet kellhom impatt pożittiv, għad hemm inugwaljanzi sostanzjali bejn il-ġeneri, u l-progress tal-Istati Membri mhuwiex l-istess. Għalkemm in-nisa għandhom lawrji fil-livell terzjarju aktar mill-irġiel f’xi pajjiżi (7), ħafna mill-kwistjonijiet li ilhom jeżistu llum għadhom rilevanti, bħal-livelli ogħla ta’ faqar fost in-nisa, livelli aktar baxxi ta’ impjieg u paga, nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi u l-kapital, sottorappreżentanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, edukazzjoni STEM insuffiċjenti, li kollha kemm huma jipprevjenu opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, u l-esponiment għall-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Barra minn hekk, hemm sfidi ġodda li għandhom jiġu indirizzati li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, u r-rigress tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa.

4.   Oqsma ta’ prijorità għal azzjoni ta’ UN Women fl-UE

4.1.    Parità bejn il-ġeneri fil-governanza

4.1.1.

In-nisa jikkostitwixxu madwar 51 % tal-popolazzjoni tal-UE. Wara l-elezzjonijiet tal-UE tal-2024 dawn jirrappreżentaw 39 % tal-membri tal-Parlament Ewropew (8), u diversi pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija fl-istituzzjonijiet tal-UE huma okkupati min-nisa. Il-perċentwal ta’ nisa huwa aktar baxx fil-gvernijiet nazzjonali u lokali tal-Istati Membri tal-UE (9). Perċentwal ibbilanċjat ta’ nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa approċċ ġust f’termini ta’ rappreżentanza u l-aħjar mod biex jiġi żgurat li l-politiki kollha jqisu l-perspettivi tan-nisa u tal-bniet.

4.1.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-partiti politiċi u lill-UE jieħdu impenn li jiksbu l-ugwaljanza fil-korpi governattivi malajr kemm jista’ jkun billi jadottaw il-miżuri li jqisu li huma l-aktar adatti. Il-prerekwiżiti biex jiġu attirati aktar nisa lejn il-politika huma l-ġlieda kontra l-isterjotipi, it-turija ta’ mudelli ta’ referenza eżistenti, it-taħriġ u l-mentoraġġ tan-nisa fit-tfassil tal-politika u r-rappreżentanza politika, il-ħolqien ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u l-ħolqien ta’ spazji kompletament demokratiċi (online u offline) fejn in-nisa u l-irġiel jistgħu jiddiskutu u jieħdu deċiżjonijiet b’tolleranza żero għal kwalunkwe tip ta’ nuqqas ta’ rispett jew imġiba ħażina. Il-miżuri jistgħu jinkludu l-iffissar ta’ kwoti għal-listi elettorali, il-ħolqien ta’ listi elettorali alternanti,l-introduzzjoni ta’ kopresidenza għal pożizzjonijiet ewlenin, it-tqassim tal-mandati, u proposti li jinkludu kandidat raġel u kandidat mara matul il-proċessi tal-għażla għal pożizzjonijiet ewlenin.

4.2.    Pjani ta’ azzjoni nazzjonali biex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa

4.2.1.

Il-vjolenza fiżika u psikoloġika online u offline kontra n-nisa u l-bniet hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tbiegħed lin-nisa lil hinn minn ċerti postijiet tax-xogħol, spazji pubbliċi u politika, tirrestrinġihom, ma tħallihomx jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar tpoġġi d-demokraziji tagħna f’riskju. It-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa (10) huwa kruċjali biex titnaqqas il-vjolenza ekonomika, bħall-kontroll ekonomiku, l-isfruttament u s-sabotaġġ (11).

4.2.2.

Il-KESE jilqa’ l-innovazzjoni regolatorja li ġġib magħha Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa minn approċċ intersettorjali (12). It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva se jipprovdu l-għodod leġiżlattivi lill-Istati Membri biex jipproteġu lin-nisa.

4.2.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni 190 tal-ILO dwar il-Vjolenza u l-Fastidju (13) u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul (14), u jitlob li r-ratifika tagħhom tiġi promossa fost pajjiżi li jaderixxu mal-UE fil-futur.

4.2.4.

L-imsieħba soċjali jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jiġu indirizzati l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol. Fid-dawl tad-Direttiva (UE) 2024/1385 (15) adottata u l-Konvenzjoni 190 tal-ILO, l-imsieħba soċjali tal-UE jistgħu jiddiskutu l-possibbiltà li jaġġornaw il-ftehim qafas awtonomu Ewropew tal-2007 dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, li għandu jiġi implimentat fl-Istati Membri kollha.

4.2.5.

Il-pjani nazzjonali u reġjonali jridu jiġu ffinanzjati b’mod adegwat, ikollhom objettivi, indikaturi u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ ċari, u jiġu żviluppati bl-involviment tas-soċjetà ċivili, waqt li jiġi żgurat li jittieħed approċċ komprensiv u interdixxiplinari.

4.2.6.

Sabiex jiġu miġġielda l-femminiċidju, il-vjolenza kontra n-nisa u l-istereotipi ta’ ħsara marbuta mal-ġeneru fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll fil-media u fil-media soċjali, għandu jkun hemm kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-ġenituri, għall-persuni li jindukraw u għall-għalliema, u għandha tiġi promossa l-edukazzjoni sesswali fl-iskola. It-taħriġ dwar it-trawma u kif għandhom jiġu ttrattati s-superstiti għandu jkun obbligatorju għall-pulizija, għall-persunal tal-kura tas-saħħa, għall-assistenti soċjali, għall-avukati u għall-imħallfin.

4.2.7.

Jeħtieġ li jingħata finanzjament għal servizzi lokali ta’ kwalità għas-superstiti fir-reġjuni kollha, u jeħtieġ li l-postijiet ta’ kenn ikollhom spazji biżżejjed, kif ukoll timijiet speċjalizzati u diversifikati, u li jagħtu attenzjoni partikolari lit-tfal. Huwa ta’ importanza kbira li jinħolqu spazji sikuri biex is-superstiti jiġu mħeġġa jirrapportaw l-abbuż, u li tiġi żviluppata strateġija kontra l-faqar li tgħinhom jaċċessaw is-suq tax-xogħol u jiksbu indipendenza finanzjarja.

4.2.8.

Huma meħtieġa miżuri biex jipproteġu u jisseparaw lit-tfal minn dawk li jabbużawhom, jagħtu ażil lil nisa migranti abbużati sabiex ikunu jistgħu jevitaw id-deportazzjoni, jirrikonoxxu t-tipi kollha ta’ vjolenza, inkluż dik imwettqa minn sieħeb intimu, u tiġi żviluppata definizzjoni ta’ stupru bbażata fuq il-kunsens.

4.3.    Tranżizzjoni ġusta

4.3.1.

In-nisa u l-bniet huma affettwati b’mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, peress li dawn jaggravaw u jipperpetwaw l-inugwaljanzi li jeżistu diġà, speċjalment fiż-żoni rurali u fin-Nofsinhar Globali (16). Fl-istess ħin, il-biċċa l-kbira tal-industriji li huma affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, bħat-trasport, l-enerġija, il-ġestjoni urbana, l-akkomodazzjoni u l-agrikoltura, huma ddominati mill-irġiel.

4.3.2.

Pakkett ta’ politika tal-UE dwar tranżizzjoni ġusta għandu jinkludi strateġija għall-ħiliet biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi eżistenti minn qabel bejn il-ġeneri u jiġi żgurat li l-politiki għat-tranżizzjoni ġusta jtejbu b’mod attiv l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Huwa meħtieġ li jiġu mmappjati l-ħtiġijiet tal-ħiliet, jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ adegwati u jiġi stabbilit aċċess sinifikanti u infurzabbli għal sigħat ta’ taħriġ ikkumpensati bis-sħiħ (17).

4.3.3.

It-tisħiħ tal-intraprenditorija tan-nisa b’mod ġenerali, u fis-setturi ekoloġiċi b’mod partikolari, kif ukoll it-tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol se jagħmlu lill-UE aktar kompetittiva. L-aċċess għall-art u l-finanzjament jaċċelleraw it-tranżizzjoni għan-nisa fiż-żoni rurali. In-nisa jeħtiġilhom ikollhom l-istess opportunitajiet, assi, ħiliet u għarfien espert bħall-irġiel sabiex ifasslu t-tranżizzjoni ekoloġika, jikkontribwixxu għaliha u jibbenefikaw bis-sħiħ minnha.

4.4.    Id-disparità diġitali bejn il-ġeneri

4.4.1.

Id-distakk diġitali fl-aċċess tal-unitajiet domestiċi għall-internet fl-Istati Membri tal-UE naqas, iżda għadu aktar akut fiż-żoni rurali. Madankollu, 19 % biss tal-ispeċjalisti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u wieħed minn kull tliet gradwati fl-iSTEM huma nisa (18).

4.4.2.

Il-kawżi tad-differenza diġitali bejn il-ġeneri huma diversi, u l-miżuri li jindirizzawhom iridu jimmiraw oqsma differenti: is-sistema edukattiva mit-tfulija sal-età adulta, is-suq tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, is-servizzi pubbliċi u d-distakk diġitali b’mod ġenerali. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat approċċ multidixxiplinari li jgħaqqad flimkien aspetti differenti tal-innovazzjoni (teknoloġiċi, soċjali, kulturali, eċċ) (19). Il-finanzjament, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u l-kollaborazzjoni mal-kumpaniji huma meħtieġa biex jiġu implimentati programmi għall-aċċess għall-internet u l-litteriżmu diġitali, jinħolqu punti ta’ konnettività komuni, jiġi pprovdut apparat diġitali, u jkun hemm investiment fi proġetti teknoloġiċi mmexxija min-nisa.

4.4.3.

Peress li d-diġitalizzazzjoni qed tittrasforma l-impjiegi attwali u toħloq impjiegi ġodda, huwa vitali li jiġu promossi l-edukazzjoni u l-karrieri STEM fost in-nisa u l-bniet biex jiżdied l-għadd ta’ nisa f’dawn l-oqsma, peress li dan se jtejjeb il-pożizzjoni tagħhom, l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

4.4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ it-Task Force dwar “In-Nisa fid-Dinja Diġitali”, il-Kunsill Women4Cyber, u l-inizjattiva “Digital4Her”. Huwa importanti li jiġu żviluppati u appoġġjati aktar in-networks Ewropej tan-nisa fil-qasam diġitali.

4.4.5.

Jeħtieġ li ssir enfasi speċjali fuq it-tfassil, l-iżvilupp u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-algoritmi, inkella jkun hemm ir-riskju li jiġu rreplikati u amplifikati l-preġudizzji u l-istereotipi eżistenti tal-ġeneru fid-data li jużaw, pereżempju fir-reklutaġġ, fil-komunikazzjoni tal-media, fir-reklamar, fid-divertiment, eċċ. In-nisa jammontaw għal 30 % tal-ħaddiema fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali (20). Dan in-nuqqas ta’ diversità jwassal biex dawn l-għodod jirriflettu l-preġudizzju eżistenti, u jistgħu jinjoraw jew jifhmu ħażin il-perspettiva tan-nisa u ta’ gruppi emarġinati oħra. Se tkun opportunità mitlufa jekk ma tiġix żviluppata IA soċjalment sensittiva u inklużiva li tbiddel id-dinja tagħna.

4.5.    Distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura

4.5.1.

Għalkemm għad hemm aktar irġiel li jaħdmu milli nisa u l-perċentwali jvarjaw fost l-Istati Membri, in-nisa qed jidħlu dejjem aktar fis-suq tax-xogħol. Is-sistema attwali tagħna tat-tqassim tal-ħin li hija bbażata fuq il-kunċett li l-jum jinqasam f’sigħat ta’ rqad, ta’ xogħol u ta’ divertiment, tinjora l-ħin li rridu nqattgħu f’responsabbiltajiet relatati mal-kura. Flimkien mal-istereotipi marbuta mal-ġeneru, dan ipoġġi piż żejjed fuq in-nisa li jew jaħdmu part-time biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-familja tagħhom jew iqattgħu inqas ħin fl-irqad jew fid-divertiment. L-eċċess ta’ responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa jaffettwa b’mod negattiv lin-nisa, peress li jew jimmina l-karrieri professjonali u s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxi għad-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet, jew iwassal għal eżawriment fiżiku u mentali, u faqar tal-ħin.

4.5.2.

Il-kura tan-nies issostni l-ekonomiji tagħna, peress li tiżgura l-benesseri tal-adulti li jaħdmu u l-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, l-ekonomija tal-kura, li tinkludi wkoll xogħol mhux imħallas, għandha titqies bħala responsabbiltà kollettiva, biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet individwali u tas-soċjetà kif ukoll l-inugwaljanzi sistemiċi. Meta jitqies li aktar nisa huma impjegati fis-settur tal-kura, b’pagi aktar baxxi, huwa importanti li x-xogħol tagħhom jiġi vvalutat, billi jittejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jiġu attirati aktar irġiel.

4.5.3.

Il-KESE jġedded il-proposta tiegħu għal Garanzija Ewropea għall-Kura, sabiex jiġu appoġġjati servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi ta’ kura affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għall-persuni fl-UE. Din tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kura u tippromovi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-persuni li jindukraw, inklużi dawk li jindukraw b’mod informali. Il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u l-ħtieġa ulterjuri għal servizzi ta’ kura speċjalizzati se jaffettwaw is-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Il-KESE jappella għal Strateġija Ewropea għall-Anzjani u Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli bbilanċjat bejn il-ġeneri dwar il-Kura fit-Tul biex jinħolqu b’mod konġunt is-servizzi tal-kura ta’ għada (21).

4.5.4.

Il-ġenituri żgħażagħ għandhom ħtieġa urġenti għal indukrar tat-tfal li jkun affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja biex ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Meta jerġgħu lura għax-xogħol, jeħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu l-karrieri tagħhom.

4.5.5.

Bħala l-aħħar alternattiva, in-nisa u l-irġiel li jitilqu mis-suq tax-xogħol biex jieħdu ħsieb il-membri tal-familja għandhom jiġu appoġġati minn xbieki ta’ sikurezza, bħal liv tal-familja mħallas għal perjodu itwal, skemi ta’ introjtu bażiku u “krediti għall-kura” għall-pjani tal-pensjoni skont ir-regoli nazzjonali.

4.6.    Aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà

4.6.1.

Il-KESE jilqa’ l-ħidma tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Jeħtieġ li nallinjaw il-valuri ewlenin tagħna fl-azzjoni kollha tagħna, interna u esterna, fil-politiki kollha tagħna bħall-politika barranija, is-sigurtà, id-difiża, il-kummerċ, l-iżvilupp, u l-azzjoni klimatika, u nsaħħu l-viżjoni oriġinali tad-Dikjarazzjoni ta’ Beijing għar-riżoluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi lokali.

4.6.2.

Il-movimenti soċjali tan-nisa semmgħu ħafna l-pożizzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-gwerra, il-kunflitt u l-inġustizzja, biex tiġi żgurata rappreżentanza ugwali u ġusta fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u ssensibilizzaw dwar l-abbuż tan-nisa f’żoni ta’ kunflitt. Għaldaqstant, il-perspettivi tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ser ikunu ta’ benefiċċju għat-tnaqqis tat-tensjoni u l-proċessi ta’ paċi. In-negozjati għall-paċi mmexxija min-nisa wrew li huma aktar probabbli li jirriżultaw f’paċi dejjiema (22).

4.6.3.

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni rapida ta’ strateġija fit-tul b’saħħitha u ambizzjuża tal-UE dwar politika barranija inklużiva li tpoġġi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diplomazija tan-nisa u l-ġustizzja soċjali fil-qalba tagħha. Dan jista’ jittratta l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, fid-dawl tal-intersezzjonalità tagħha ma’ forom oħra ta’ diskriminazzjoni. Dan jista’ jgħin ukoll biex minflok fuq is-sigurtà militarizzata l-enfasi ssir fuq is-sigurtà tan-nies u n-natura, aktar investiment fil-protezzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti, u l-għoti tas-setgħa lill-persuni ċivili.

4.6.4.

Il-KESE jistieden lill-UE tappoġġja bil-qawwa l-ġlieda kontra l-apartheid abbażi tal-ġeneru f’żoni ta’ kunflitt, bħall-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sudan, u l-Jemen.

4.7.    Enfasi fuq il-futur

4.7.1.

Biex nimxu ’l quddiem lejn ugwaljanza effettiva bejn il-ġeneri jeħtiġilna nindirizzaw l-intersezzjoni ma’ forom oħra ta’ diskriminazzjoni (eż. l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, l-oriġini, id-diżabilità, l-isfond soċjoekonomiku, l-età). Hija meħtieġa aktar data intersezzjonali diżaggregata skont il-ġeneru biex jitfasslu u jiġu segwiti l-istrateġiji u biex il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet jinżammu responsabbli.

4.7.2.

Is-sistemi tas-saħħa u t-trattamenti farmaċewtiċi u mediċi tagħna għandhom jagħtu aktar attenzjoni lill-ispeċifiċitajiet bijoloġiċi tal-irġiel u tan-nisa. Huma meħtieġa aktar riċerka u data sabiex tittejjeb is-saħħa fiżika u mentali tan-nisa. Is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati għad iridu jissaħħu fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li n-nisa kollha li jeħtieġu attenzjoni b’mod preventiv jew bħala trattament ikunu jistgħu jaċċessawha.

4.7.3.

Il-KESE jieħu nota tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “My Voice, My Choice” (Il-Vuċi Tiegħi, l-Għażla Tiegħi) (23), li tipproponi alternattivi f’każ li l-Istati Membri ma jiżgurawx aċċess sikur u legali għall-abort.

4.7.4.

Jeħtiġilna nesploraw aktar kif nużaw il-baġits nazzjonali u tal-UE biex intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri jużaw għodod ta’ bbaġitjar skont il-ġeneru fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju u lenti tal-ġeneru fil-politika fiskali. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali huma kruċjali wkoll biex jiġu identifikati l-oqsma li għandhom jiġu indirizzati (24).

4.7.5.

Il-KESE jfaħħar lill-UE għall-involviment strutturali tad-delegati taż-żgħażagħ fit-tħejjija tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa u jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu l-istess u jiżguraw rwol attiv għaż-żgħażagħ.

4.7.6.

Huwa importanti li l-UE turi rieda politika, tkun ambizzjuża, isemma’ leħinna dwar l-ispazju li qiegħed jiċkien għas-soċjetà ċivili, u tibblokka r-rigress tad-drittijiet tan-nisa, inklużi dawk tas-saħħa sesswali u riproduttivi, li jinsabu taħt pressjoni, b’mod partikolari minn partiti politiċi tal-lemin estrem.

4.7.7.

Sa mill-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU, il-KESE ilu jappella għal Strateġija globali tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli u impenn fit-tul anke wara l-2030 (25). L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod komprensiv, u mhux fuq bażi ta’ wieħed b’wieħed, sabiex il-perspettiva tal-ġeneri tiġi integrata fl-oqsma kollha ta’ politika.

4.7.8.

Il-vjolenza online kontra n-nisa hija fenomenu ġdid, li jrid jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri preventivi u ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll permezz ta’ qafas legali b’saħħtu biex jiġu indirizzati l-awturi u biex il-pjattaformi online jinżammu responsabbli. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-falsifikazzjonijiet diġitali sesswali fejn l-immaġnijiet tan-nisa jintużaw fil-pornografija.

4.7.9.

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma tistax tinkiseb mingħajr il-ħidma attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, inklużi dawk li jipprovdu servizzi legali. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-involviment permezz tal-mobilizzazzjoni tal-komunità u x-xogħol volontarju, u jiffaċilitaw id-djalogu interġenerazzjonali. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jkunu involuti b’mod xieraq fid-diskussjonijiet u l-proċessi leġiżlattivi u appoġġjati finanzjarjament sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom.

Brussell, is-26 ta’ Frar 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Lista elettorali li fiha l-kandidati rġiel u nisa huma elenkati b’mod alternat.

(2)   https://www.unwomen.org/en/digital-library/publications/2015/01/beijing-declaration.

(3)   https://www.un.org/womenwatch/daw/followup/beijing+5.htm.

(4)   https://www.unwomen.org/en/digital-library/publications/2024/09/brochure-equal-is-greater-time-to-act-for-gender-equality-and-womens-empowerment-and-rights.

(5)   https://eige.europa.eu/gender-equality-index/2024.

(6)   https://eige.europa.eu/publications-resources/publications/beijing-25-fifth-review-implementation-beijing-platform-action-eu-member-states.

(7)   https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/w/ddn-20230530-3.

(8)   https://results.elections.europa.eu/mt/bilanc-bejn-is-sessi-tal-mpe/2024-2029/.

(9)   https://eige.europa.eu/gender-equality-index/2023/domain/power.

(10)   https://www.unwomen.org/en/what-we-do/economic-empowerment/facts-and-figures#87144.

(11)   https://eige.europa.eu/sites/default/files/documents/EIGE_Factsheet_EconomicViolence.pdf.

(12)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 93.

(13)   https://normlex.ilo.org/dyn/nrmlx_en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_ILO_CODE:C190.

(14)   https://www.coe.int/en/web/istanbul-convention.

(15)  Direttiva (UE) 2024/1385 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (ĠU L, 2024/1385, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1385/oj).

(16)   https://www.fao.org/socioeconomic-research-analysis/resources/unjust-climate/the-unjust-climate/en.

(17)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Lejn proposta leġiżlattiva għal tranżizzjoni ġusta u għodod ta’ politika tal-UE li jippermettu Patt Ekoloġiku Ewropew aktar soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2025/772, 11.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/772/oj).

(18)  Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali 2022: https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/desi.

(19)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-disparità diġitali bejn is-sessi” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew) ( ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37).

(20)   https://www.weforum.org/publications/global-gender-gap-report-2023/.

(21)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘L-Istrateġija Ewropea għall-Kura’ ” (COM (2022) 440 final) ( ĠU C 140, 21.4.2023, p. 39).

(22)   https://wps.unwomen.org/participation.

(23)   https://eci.ec.europa.eu/044/public/#/screen/home.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Investiment b’perspettiva tal-ġeneru bħala mod kif intejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C 100, 16.3.2023, p. 16).

(25)   ĠU C 440, 6.12.2018, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2007/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)