|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1979 |
11.4.2025 |
P10_TA(2024)0063
Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew - rapport annwali 2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2024 dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2023 (2024/2056(INI))
(C/2025/1979)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2023, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 24(3), 228 u 298(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta’ Settembru 2001, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta’ Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta’ Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 148(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A10-0016/2024), |
|
A. |
billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2023 ġie ppreżentat formalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-18 ta’ April 2024 u billi l-Ombudsman, is-Sa Emily O’Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta’ Settembru 2024 fi Brussell; |
|
B. |
billi l-Artikoli 20, 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa’ lmenti li jikkonċernaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha; |
|
C. |
billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li “[s]abiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ” u li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”; |
|
D. |
billi l-Artikolu 41 tal-Karta jistabbilixxi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”; |
|
E. |
billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistabbilixxi li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew legali li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew f’każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha”, |
|
F. |
billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jiddikjara li “fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”; |
|
G. |
billi l-Ombudsman Ewropew tista’ tipproponi rakkomandazzjonijiet u tissuġġerixxi rimedji u rakkomandazzjonijiet ta’ titjib immirati biex isolvu diversi aspetti ta’ amministrazzjoni ħażina; |
|
H. |
billi fl-2023 l-Ombudsman fetħet 398 inkjesta, li minnhom 393 kienu bbażati fuq ilmenti u 5 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 372 inkjesta (369 ibbażati fuq ilmenti u 3 inkjesti fuq inizjattiva proprja); |
|
I. |
billi fl-2023, il-maġġoranza l-kbira tal-inkjesti kienu jinvolvu l-Kummissjoni (250 inkjesta jew 62,81 %), filwaqt li warajha kien hemm l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (47 inkjesta jew 11,81 %), il-Parlament Ewropew (16-il inkjesta jew 4,02 %), u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) (11-il inkjesta jew 2,76 %); billi l-inkjesti li kien fadal kienu mqassma kif ġej: il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (7 inkjesti jew 1,76 %), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (7 inkjesti jew 1,76 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (6 inkjesti jew 1,51 %), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (6 inkjesti jew 1,51 %), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (5 inkjesti jew 1,26 %), aġenziji oħra tal-UE (33 inkjesta jew 8,27 %) u istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-UE (12-il inkjesta jew 3,01 %); |
|
J. |
billi fl-2023, l-akbar perċentwal tal-inkjesti tal-Ombudsman kien jikkonċerna lill-Kummissjoni, fejn l-attivitajiet amministrattivi tagħha jirċievu attenzjoni pubblika konsiderevoli, peress li hija l-eżekuttiv tal-UE; |
|
K. |
billi fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2023, f’99 każ (26,6 %) instab li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina, f’206 każijiet (55,4 %) instabet soluzzjoni jew soluzzjoni parzjali, jew il-każ ġie riżolt min-naħa tal-istituzzjoni, f’4 każijiet (12,4 %) ma kienx iġġustifikat li ssir aktar investigazzjoni filwaqt li f’27 każ (7,3 %) instabet amministrazzjoni ħażina; |
|
L. |
billi t-tliet punti ta’ tħassib ewlenin fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2023 kienu t-trasparenza u r-responsabbiltà (eż. l-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti) (34,2 %), il-kultura tas-servizz (21,5 %) u r-reklutaġġ (15,3 %); billi tħassib ieħor jinkludi l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal, l-użu xieraq tad-diskrezzjoni (inkluż fi proċeduri ta’ ksur), il-ġestjoni xierqa tal-proċeduri ta’ ksur, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, ir-rispett għad-drittijiet proċedurali, l-għotjiet, l-akkwist, il-kuntratti, l-etika, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u l-ġestjoni finanzjarja tajba; |
|
M. |
billi fl-2023, l-Ombudsman wettqet ukoll inkjesti u inizjattivi strateġiċi usa’ fi kwistjonijiet sistemiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE, li jkopru l-aċċess għad-dokumenti, id-drittijiet fundamentali, kwistjonijiet etiċi, ir-responsabbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u r-reklutaġġ ta’ impjegati taċ-ċivil tal-UE; |
|
N. |
billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom drittijiet wesgħin ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-amministrazzjoni tal-UE; billi l-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja fejn talbet lill-Kummissjoni tindirizza b’mod urġenti d-dewmien sistematiku fit-trattament tagħha tat-talbiet għal aċċess għad-dokument sabiex tiżgura li tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti fil-liġi tal-UE dwar l-aċċess pubbliku (ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2)); billi din l-inkjesta żvelat li meta individwi jitolbu rieżami ta’ deċiżjoni ta’ aċċess, magħrufa bħala talba konfermatorja, il-Kummissjoni tonqos milli tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti fil-liġi f’85 % tal-każijiet, bil-maġġoranza tat-tweġibiet jaslu wara 60 jum; billi dan id-dewmien spiss wassal biex l-informazzjoni miksuba ma tkunx aktar utli għar-rikjedenti, u ma tħallihomx ikollhom vuċi fi żminijiet rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; |
|
O. |
billi fl-2023 l-Ombudsman ippubblikat rapport speċjali wara l-inkjesta strateġika tagħha dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti; billi l-Uffiċċju tal-Ombudsman issottometta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew bil-għan li jfittex l-appoġġ tiegħu sabiex il-Kummissjoni tiġi persważa taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, peress li huwa tal-opinjoni li ċ-ċittadini huma intitolati jistennew prattiki aħjar minn amministrazzjoni miftuħa, moderna u orjentata lejn is-servizzi tal-UE; |
|
P. |
billi r-rapport speċjali ġie diskuss fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament u wassal għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tittratta t-talbiet ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti” (3), adottata fl-14 ta’ Marzu 2024, li fiha l-Parlament esprima tħassib kbir dwar id-dewmien estrem fil-proċess tal-Kummissjoni li tagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti mitluba u talab lill-Kummissjoni tirretifika dan id-dewmien sistematiku u sinifikanti; billi l-Parlament indika li se jikkunsidra li juża l-istrumenti parlamentari kollha disponibbli biex jindirizza l-kwistjoni; billi r-riżoluzzjoni rreferiet ukoll għan-negozjati dwar ix-xiri tal-vaċċini kontra l-COVID-19 u appellat għal żvelar xieraq mill-Kummissjoni, għal trasparenza aktar proattiva b’riżorsi umani aktar iddedikati biex jiġu indirizzati l-applikazzjonijiet konfermatorji u għal attitudni aktar miftuħa u kostruttiva lejn ir-rikjedenti; |
|
Q. |
billi l-Ombudsman enfasizzat il-ħtieġa ta’ monitoraġġ u infurzar xierqa tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda tal-Parlament dwar l-etika; |
|
R. |
billi l-Ombudsman irrikonoxxiet il-progress sinifikanti fit-tisħiħ tar-regoli dwar l-etika fil-Parlament wara l-Qatargate iżda esprimiet tħassib dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom; billi l-Ombudsman fetħet inkjesta separata dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar imħallsa għall-Kummissjoni minn partijiet terzi mill-2021; |
|
S. |
billi t-trasparenza hija parti vitali minn soċjetà demokratika u għodda importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt għall-ogħla livell ta’ trasparenza u billi l-ogħla livell ta’ aċċessibbiltà għad-dokumenti pubbliċi huwa essenzjali biex tiġi żgurata r-responsabbiltà; |
|
T. |
billi fl-2023, l-Uffiċċju tal-Ombudsman kompla jqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-rwol tal-Ombudsman fiż-żamma ta’ standards għoljin ta’ ħidma fl-amministrazzjoni tal-UE u fil-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini; |
|
1. |
Japprova r-rapport annwali għall-2023 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u jfaħħar il-preżentazzjoni eċċellenti tagħha tal-aktar fatti u ċifri importanti rigward il-ħidma tal-Ombudsman fl-2023; |
|
2. |
Jifraħ lil Emily O’Reilly għall-ħidma eċċezzjonali tagħha u għall-isforzi bla heda tagħha biex tappoġġja d-demokrazija billi ssaħħaħ r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, u biex tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE tirrispondi għat-tħassib taċ-ċittadini; |
|
3. |
Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-kooperazzjoni kostruttiva kontinwa tal-Ombudsman Ewropew mal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, kif ukoll mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; |
|
4. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Ombudsman ta’ gwida għall-aċċess għad-dokumenti tal-UE, li għandha l-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom ta’ aċċess għad-dokumenti u tippermettilhom jiskrutinizzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE; jemmen li huwa essenzjali li ċ-ċittadini jkomplu jingħataw informazzjoni xierqa dwar ir-rwol u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Ombudsman u l-influwenza tagħha fuq l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal-UE; |
|
5. |
Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet b’segwitu għall-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni biex tindirizza talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-mod kif titratta tali talbiet, biex tindirizza d-dewmien sistemiku tagħha bħala kwistjoni ta’ urġenza u tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jikkondividi l-fehma tal-Ombudsman li d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba spiss ikunu sensittivi għall-ħin u jistgħu jitilfu r-rilevanza għar-rikjedenti jekk ikun hemm dewmien; jemmen li l-Kummissjoni jeħtiġilha tippubblika b’mod proattiv dokumenti u statistika dwar kif tittratta t-talbiet dwar l-aċċess għad-dokumenti, peress li tali informazzjoni hija kruċjali biex tittejjeb it-trasparenza dwar din il-kwistjoni u tissaħħaħ r-responsabbiltà tal-Kummissjoni lejn iċ-ċittadini; jissottolinja li t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kienet il-fokus ta’ ħafna inkjesti tal-Ombudsman, b’mod partikolari fir-rigward tal-lobbjar; |
|
6. |
Jissottolinja li l-aċċess pubbliku għad-dokumenti huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u pedament tad-demokrazija Ewropea; ifakkar li l-iżviluppi teknoloġiċi u soċjetali mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jirrikjedu l-allinjament tiegħu mal-kuntest diġitali l-ġdid; f’dan ir-rigward, jirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir reviżjoni ta’ dan ir-regolament u jħeġġeġ lill-Kunsill jimpenja ruħu f’negozjati kostruttivi mal-Parlament u mal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tiegħu, sabiex dawn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE jinbidlu f’mudelli eżemplari ta’ trasparenza u responsabbiltà pubblika għall-UE kollha; jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe negozjati dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom ikunu bbażati fuq il-pożizzjoni diġà adottata mill-Parlament u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jiġi estiż għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE, u b’hekk tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; ifakkar, f’dan il-kuntest, il-pożizzjoni tal-Parlament li “dokument” għandha tfisser kwalunkwe kontenut ta’ data jkun xi jkun il-mezz tiegħu (miktub fuq karta jew miżmum f’forma elettronika jew bħala ħoss jew irrekordjat f’forma viżwali jew awdjoviżwali)) dwar kwistjoni marbuta li taqa’ fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni (4); jisħaq li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet ikunu trasparenti fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini, kif rikonoxxut ukoll mill-Ombudsman fl-inkjesta tagħha dwar it-trasparenza tat-Trilogi (5), li fiha l-Ombudsman fehmet l-isfidi u s-sensittivitajiet partikolari fi ħdan is-sistema tal-UE ta’ negozjati interistituzzjonali iżda stiednet lill-istituzzjonijiet jagħmlu sforzi biex jegħlbu tali sfidi sabiex jippermettu l-eżerċizzju effettiv miċ-ċittadini tad-drittijiet demokratiċi tagħhom; |
|
7. |
Japprova l-konklużjonijiet tar-rapport speċjali tal-Ombudsman (6) lill-Parlament Ewropew dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza t-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti u jinsab imħasseb dwar il-valutazzjoni tal-Ombudsman li dan id-dewmien sistemiku u sinifikanti fl-ipproċessar mill-Kummissjoni tat-talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti jammonta għal amministrazzjoni ħażina; jissottolinja kemm huwa importanti li l-Kummissjoni tiddedika aktar riżorsi biex tindirizza t-talbiet konfermatorji skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ukoll il-ħtieġa ta’ trasparenza aktar proattiva u approċċ aktar kostruttiv għar-rikjedenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkoreġi din is-sitwazzjoni bħala kwistjoni ta’ prijorità billi tirriforma l-ġestjoni tagħha tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti; ifakkar lill-Kummissjoni dwar id-dritt tal-Parlament li jressaq azzjoni kontriha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u jistenna impenn ċar u inekwivoku mill-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid biex jirrimedja din is-sitwazzjoni; |
|
8. |
Jieħu nota tal-inkjesta tal-Ombudsman dwar sa liema punt il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea japplikaw id-dritt tal-UE u d-deċiżjonijiet tal-QĠUE fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti leġiżlattivi, li fiha l-Ombudsman saħqet fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess pubbliku f’waqtu għad-dokumenti leġiżlattivi kif ukoll li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE; jirrikonoxxi l-importanza tat-trattament f’waqtu tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti mill-istituzzjonijiet kollha fit-trawwim ta’ sens ta’ fiduċja fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, li huwa bbażat fuq il-prinċipji ewlenin tat-trasparenza u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-QĠUE; ifakkar li skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jirrifjutaw biss li jiżvelaw dokumenti leġiżlattivi f’ċirkostanzi eċċezzjonali u r-raġunament tagħhom biex jagħmlu dan irid ikun ibbażat fuq fatti speċifiċi u tanġibbli; |
|
9. |
Jinnota l-intenzjoni tal-Ombudsman li twettaq inkjesta usa’ dwar kif il-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni ambjentali u l-informazzjoni relatata mal-emissjonijiet fl-ambjent huwa interpretat mill-Kummissjoni; jinsab partikolarment imħasseb li l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi aċċess għal dokumenti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-industrija taċ-ċeramika rrapportati fl-ambitu tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet; jiddispjaċih li l-Kummissjoni rrifjutat is-soluzzjoni proposta tal-Ombudsman u naqset li tiżgura t-trasparenza meħtieġa kif ukoll li tagħti l-effett sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (7) u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, f’konformità mad-dritt tal-UE u l-ġurisprudenza relatata tal-QĠUE, u tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-ambjent; huwa mħasseb li r-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdi aċċess għad-dokumenti kollha mitluba dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rrapportati fl-ambitu tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, jestendi għal aktar faċilitajiet industrijali, minbarra l-industrija taċ-ċeramika, u jistieden lill-Ombudsman tkompli s-sensibilizzazzjoni dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni bil-ħsieb li tkabbar it-trasparenza; ifakkar li għadd konsiderevoli ta’ petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew jikkonċernaw in-nuqqas ta’ informazzjoni ambjentali jew l-aċċess limitat għaliha; |
|
10. |
Jistieden lill-Kunsill jippermetti aċċess pubbliku sħiħ għall-opinjoni legali dwar id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 (8) dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea, kif irrakkomandat mill-Ombudsman, li sabet evidenza ta’ amministrazzjoni ħażina f’din il-kwistjoni; |
|
11. |
Jappoġġja lill-Ombudsman fl-isforzi tagħha biex tkompli tikkontribwixxi għall-kjarifika ta’ x’jikkostitwixxi dokument tal-UE u jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sabiex jadattaw il-prattiki amministrattivi tagħhom biex iqisu l-mezzi ta’ komunikazzjoni li qed jevolvu; jissottolinja li d-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess pubbliku għall-informazzjoni japplika għal dokumenti fiżiċi bil-miktub u elettroniċi, kif ukoll għal reġistrazzjonijiet awdjo u awdjoviżivi relatati mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jfakkar li l-messaġġi testwali relatati max-xogħol u l-messaġġi istantanji jitqiesu bħala “dokumenti” skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jiddispjaċih għall-każijiet fejn il-Kummissjoni naqset milli tagħti aċċess pubbliku għal dokumenti fil-forma ta’ emails jew messaġġi testwali, bħal dawk rigward l-abbozz ta’ strateġiji tal-UE dwar il-ħamrija, il-foresti u l-adattament għat-tibdil fil-klima jew skambji bejn il-President tal-Kummissjoni u l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ kumpanija farmaċewtika fir-rigward tax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19; |
|
12. |
Japprezza l-impenn tal-Ombudsman li tiddefendi d-drittijiet fundamentali fl-azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni; jinnota li l-Ombudsman talbet kjarifika ulterjuri mill-Kummissjoni dwar kif biħsiebha tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u t-Tuneżija, fi sforz biex tiżgura li l-UE tikkonforma mal-obbligi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif deskritt fit-Trattati u fil-Karta; |
|
13. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex tfassal valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-faċilitajiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni ffinanzjati mill-UE, wara inkjesta rilevanti fuq inizjattiva proprja mill-Ombudsman; |
|
14. |
Jilqa’ l-inkjesti tal-Ombudsman wara l-iskandlu tal-Qatargate fil-Parlament; jappoġġja bil-qawwa l-konklużjonijiet tal-Ombudsman li r-regoli etiċi u kontra l-korruzzjoni tal-UE jeħtieġ li jiġu rispettati u msaħħa mill-istituzzjonijiet tal-UE u li l-implimentazzjoni tar-riformi tal-Parlament f’dan il-qasam trid tiġi mmonitorjata kif xieraq u infurzata fil-livelli kollha; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament u l-Kummissjoni dejjem jagħtu attenzjoni mill-qrib lill-prattiki ta’ lobbjar diretti u indiretti sabiex jidentifikaw il-lakuni u n-nuqqasijiet li jistgħu jikkompromettu t-trasparenza u r-responsabbiltà u jżidu r-riskju ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali; jilqa’ l-progress sinifikanti li sar fil-Kodiċi ta’ Kondotta attwali għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-integrità u t-trasparenza, u jħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli, fejn xieraq, timmonitorja l-proċess ta’ implimentazzjoni tiegħu; jissottolinja li r-regoli dwar l-etika għandhom jiġu segwiti b’mod rigoruż sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet Ewropej; |
|
15. |
Jenfasizza r-rwol essenzjali ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kontrolli u bilanċi istituzzjonali fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; |
|
16. |
Jieħu nota tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman dwar ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess fil-Kummissjoni, speċjalment fil-qasam tal-Fond Ewropew għad-Difiża, inkluż il-fatt li l-Kummissjoni mhijiex meħtieġa tippubblika l-ismijiet tal-esperti li hi tikkonsulta fir-rigward tal-proġetti relatati mal-Fond Ewropew għad-Difiża; f’dan il-kuntest, jindika s-suġġeriment tal-Ombudsman li l-Kummissjoni għandha tippubblika b’mod proattiv id-dikjarazzjonijiet ta’ interess magħmula mill-membri tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u, jekk meħtieġ, temenda r-regoli rilevanti li jirregolaw il-Bord; |
|
17. |
Jieħu nota tal-istedina tal-Ombudsman lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex itejjeb ir-regoli tiegħu dwar il-kunflitti ta’ interess u jsaħħaħ ir-rwol ta’ sorveljanza tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità tiegħu, wara ċ-ċaqliq tal-Viċi President tiegħu biex isir l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ bank promozzjonali nazzjonali; iħeġġeġ lill-Ombudsman, f’dan ir-rigward, tkompli tiffoka fuq il-kwistjoni tal-perjodi ta’ preklużjoni u r-revolving doors minn membri għolja tal-persunal tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards etiċi ta’ trasparenza u responsabbiltà pubblika; |
|
18. |
Jilqa’ l-bidliet tal-Kummissjoni fil-gwida interna tagħha dwar l-akkwist pubbliku, ivvalutati b’mod pożittiv mill-inkjesta tal-Ombudsman, li jsaħħu t-trattament tagħha tal-kunflitti ta’ interess professjonali potenzjali fis-sejħiet għall-offerti; |
|
19. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex iżżid it-trasparenza fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trattament tagħha tat-talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti relatati mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tkompli tippubblika valutazzjonijiet preliminari tat-talbiet għal pagament tal-Istati Membri; |
|
20. |
Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ombudsman li tiftaħ inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar id-dewmien tal-Kummissjoni relatat mal-ġestjoni tar-riskju ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, li l-għan tagħha huwa li teżamina d-dewmien fl-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet biex jiġu mitigati r-riskji ta’ sustanzi kimiċi speċifiċi u fit-tqegħid ta’ sustanzi kimiċi fil-lista ta’ sustanzi fejn l-użu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel; |
|
21. |
Jinsab imħasseb li l-Ombudsman identifikat diversi kwistjonijiet ta’ trasparenza fl-interazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-industrija tat-tabakk; jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tkompli tivvaluta l-esponiment tad-dipartimenti tagħha għal-lobbjar mill-industrija tat-tabakk; ifakkar lill-Kummissjoni li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha huma firmatarji tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk u li għalhekk huma obbligati, jistabbilixxu u jimplimentaw il-politiki tas-saħħa pubblika tagħhom fir-rigward tal-kontroll tat-tabakk, jieħdu azzjoni biex jipproteġu dawn il-politiki minn interessi kummerċjali u drittijiet akkwiżiti oħra tal-industrija tat-tabakk; |
|
22. |
Ifakkar fl-obbligu imperattiv tal-istituzzjonijiet tal-UE li jiżguraw is-servizzi ta’ uffiċjali indipendenti u kwalifikati sew reklutati b’mod miftuħ u b’bilanċ ġeografiku xieraq bejn in-nazzjonalitajiet u l-lingwi. jirrimarka li l-Ombudsman wettqet inkjesta dwar kif l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) iwettaq testijiet ta’ “preselezzjoni” bħala parti minn proċedura għar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid fis-servizz ċivili tal-UE, u identifikat kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni ta’ testijiet li jitwettqu esklużivament mill-bogħod; jistieden lill-EPSO jtejjeb il-proċeduri ta’ reklutaġġ tiegħu billi jiżgura li r-rekwiżiti tekniċi ma jkunux ta’ żvantaġġ għal ċerti kandidati u jipprovdi informazzjoni ċara lill-kandidati; huwa tal-fehma li l-kandidati għandhom jingħataw l-għażla, jekk jixtiequ, li jipparteċipaw f’dawn it-testijiet filwaqt li jkunu fiżikament preżenti f’ċentru tal-ittestjar, kif kienet il-prattika komuni qabel il-pandemija tal-COVID-19; |
|
23. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2023, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew kompla jippubbliċizza r-rwol tiegħu u jippromwovi l-ħidma tiegħu mal-akbar udjenza possibbli u pparteċipa fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2023); jisħaq fuq l-importanza tad-diskussjoni organizzata mill-Ombudsman bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament dwar il-konformità mal-qafas ta’ integrità tal-amministrazzjoni tal-UE; |
|
24. |
Jilqa’ l-inkjesti tal-Ombudsman b’segwitu għal ilmenti minn persuni b’diżabbiltà, u jinkoraġġixxiha fil-ħidma tagħha bħala parteċipant attiv fil-Qafas tal-UE għall-UNCRPD; jenfasizza l-importanza tal-impenn tal-Ombudsman li timmonitorja l-implimentazzjoni mill-amministrazzjoni tal-UE tal-UNCRPD u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jagħtu l-akbar attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fl-inkjesti relatati mad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà; japprezza l-presidenza tal-Ombudsman fl-2023 tal-Qafas tal-UE għall-UNCRPD u l-ħidma kontinwa tagħha bħala membru ta’ dak il-qafas; |
|
25. |
Jisħaq li l-“Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà” (9) ġie adottat fis-17 ta’ April 2019 u li l-iskadenza stabbilita fih għat-traspożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri kienet it-28 ta’ Ġunju 2022; jissottolinja li l-iskop ewlieni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà kien li jagħmel il-ħajja aktar faċli għal mill-anqas 87 miljun persuna b’diżabbiltà, filwaqt li jiffaċilita l-aċċess tagħhom għal, fost affarijiet oħra, it-trasport pubbliku, is-servizzi bankarji, il-kompjuters, is-settijiet tat-televixin, il-kotba elettroniċi u l-ħwienet online; jiddispjaċih ħafna li l-Istati Membri kollha għadhom qed jonqsu milli jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa u konsistenti tiegħu u qed ikomplu jakkumulaw dewmien, kif ikkonfermat mill-proċedimenti ta’ ksur li għaddejjin bħalissa mnedija kontrihom kollha mill-Kummissjoni; jistieden lill-Ombudsman tqajjem dan il-ksur serju ħafna tad-dritt tal-UE, li jimmina serjament id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, bħala parti mill-attivitajiet ġenerali mwettqa fil-qafas tal-UE għall-UNCRPD, sabiex tgħin ħalli tinstab soluzzjoni f’dan ir-rigward bħala kwistjoni ta’ prijorità; |
|
26. |
Jilqa’ l-inkjesta tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tapplika r-regola skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE dwar l-irduppjar tal-allowance għat-tfal biex tassisti fil-kura tat-tfal b’diżabbiltajiet; jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, li tipproċedi għall-amministrazzjoni kollha tal-UE biex tirrevedi r-regoli applikabbli sabiex tiżgura valutazzjoni sostantiva individwali tal-applikazzjonijiet kollha għal dan it-tip ta’ allowance; |
|
27. |
Jenfasizza l-importanza tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen u tal-laqgħat annwali ospitati flimkien mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali permezz tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen biex titqajjem aktar sensibilizzazzjoni dwar x’tista’ tagħmel l-Ombudsman Ewropew għaċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tipparteċipa fl-iskambji ta’ esperjenza u l-aħjar prattika mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jieħu nota tal-fatt li l-konferenza annwali tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen tal-2023 iffokat fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-indirizzar tal-benefiċċji u l-iżvantaġġi potenzjali tal-użu tal-IA fl-amministrazzjoni pubblika; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jużaw aħjar is-servizzi tal-Ombudsman Ewropew biex jeżerċitaw skrutinju tal-istituzzjonijiet tal-UE, jiggarantixxu t-trasparenza u t-trattament tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni; jilqa’ l-adeżjoni tal-Istituzzjoni tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bożnija-Ħerzegovina man-Network Ewropew tal-Ombudsmen; jistieden lill-Ombudsman issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali tal-ombudsmen tal-pajjiżi kandidati tal-UE sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawk il-pajjiżi biex jallinjaw ruħhom mal-istandards tal-UE f’termini ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ integrità u ta’ responsabbiltà; |
|
28. |
Jitlob li titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li għandhom il-missjoni kondiviża li jqarrbu l-istituzzjonijiet tal-UE lejn iċ-ċittadini; jesprimi l-apprezzament kbir tiegħu għall-attenzjoni u s-segwitu li l-Ombudsman tagħti lill-ilmenti kollha, inkluż ir-riferiment tal-ilmenti, li jaqgħu barra mill-mandat tagħha, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE lil awtorità rilevanti oħra jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament; iħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Ombudsman ikompli bl-isforzi tiegħu favur dak l-għan, peress li l-kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, l-informazzjoni f’waqtha u l-aċċess għad-dokumenti fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE jistgħu jżidu l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; |
|
29. |
Japprezza li r-rata ta’ aċċettazzjoni għall-2023 mill-istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri l-perċentwal ta’ tweġibiet pożittivi għall-għadd totali ta’ proposti magħmula mill-Ombudsman biex jikkoreġu jew itejbu l-prattiki amministrattivi tagħhom, kienet ta’ 81 %, u dan jirrappreżenta titjib mis-sena preċedenti; jemmen bis-sħiħ, madankollu, li l-istituzzjonijiet, l-aġenziji, il-korpi u l-uffiċċji tal-Unjoni, jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ u b’mod konsistenti mas-soluzzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti kollha tal-Ombudsman; |
|
30. |
Ifaħħar lill-Ombudsman għar-relazzjoni ta’ ħidma kostruttiva kontinwa tagħha mal-Kummissjoni, li hija l-istituzzjoni tal-UE affettwata mill-maġġoranza tal-inkjesti tal-Ombudsman; jinnota li din ir-relazzjoni tgħin lill-Kummissjoni tagħmel il-proċeduri amministrattivi tagħha aktar effiċjenti u aktar trasparenti; |
|
31. |
Japprezza u jilqa’ l-isforzi tal-Ombudsman u tal-uffiċċju tagħha biex itejbu kontinwament il-proċeduri interni tagħhom biex jiżguraw li l-ilmentaturi jkollhom esperjenza ottimali u li l-ilmenti jiġu indirizzati bl-aktar mod effiċjenti possibbli; iħeġġeġ l-isforzi tal-Ombudsman biex tkompli ttejjeb il-viżibbiltà tal-attivitajiet tagħha u jilqa’ t-titjib fis-sistema tal-ilmenti online tal-Ombudsman, li għamilha aktar faċli għall-utent; jilqa’ s-sit web multilingwi tal-Ombudsman, li jirrifletti l-impenn tal-Ombudsman li toffri assistenza fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE; jenfasizza l-importanza li jiġi garantit aċċess sħiħ għall-persuni b’diżabbiltà għall-firxa sħiħa ta’ riżorsi pprovduti mill-UE liċ-ċittadini tagħha, speċjalment permezz ta’ servizzi sistematiċi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni offruti fil-lingwi uffiċjali kollha, inkluża l-lingwa tas-sinjali; |
|
32. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet kompetenti simili. |
(1) ĠU L 253, 16.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1163/oj.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(3) ĠU C, C/2024/6560, 12.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6560/oj.
(4) Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), l-Artikolu 3, https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-7-2011-0580_MT.pdf.
(5) https://www.ombudsman.europa.eu/mt/decision/mt/69206.
(6) Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika tagħha dwar iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza talbiet għal aċċess pubbliku għad-dokumenti (OI/2/2022/OAM).
(7) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1367/oj.
(8) ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2041/oj.
(9) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi, ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/882/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1979/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)