|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1774 |
31.3.2025 |
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2025 – Tartu Agro vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-59/25)
(C/2025/1774)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Partijiet
Rikorrent: Tartu Agro AS (Tartu, l-Estonja) (rappreżentanti: T. Järviste u M. A. Rohtla, kif ukoll L. Hääl u B. Koppel, avukati)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli; |
|
— |
tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Novembru 2024 li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat SA.39182 (2017/C) (ex 2017/NN) (ex 2014/CP), li tikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna allegatament illegali lil Tartu Agro (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”); |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk tar-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi:
|
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikors huwa ammissibbli |
|
— |
Ir-rikors huwa ammissibbli, sa fejn mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti hija l-allegata benefiċjarja tal-għajnuna. Din id-deċiżjoni għalhekk tikkonċernaha b’mod dirett u individwali. |
|
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni la osservat ir-regoli tal-oneru tal-prova tagħha stess u lanqas l-istruzzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. |
|
— |
Il-Qorti Ġenerali tat indikazzjonijiet lill-Kummissjoni, fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2022, Tartu Agro vs Il-Kummissjoni, T-150/20 (EU:T:2022:443), li kellhom iwassluha għall-konklużjoni li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, iżda l-Kummissjoni ma segwiethomx meta adottat id-deċiżjoni tagħha. |
|
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-evalwazzjoni, dwar jekk l-ammont tal-kera fil-kuntratt ta’ kera kienx jikkorrispondi mal-valur tal-suq, bażikament kisret id-dispożizzjonijiet ġuridiċi proċedurali u sostantivi, kif ukoll interpretat il-fatti b’mod żbaljat. |
|
— |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm għajnuna mill-Istat fuq il-bażi ta’ data irrilevanti u inkompleta. |
|
— |
Il-Kummissjoni wettqet żbalji dwar l-evalwazzjoni fil-mertu, dwar jekk il-ftehim ta’ kera jikkorrispondix mal-valur fis-suq. Hija kien imissha kkonstatat li l-investimenti fit-titjib tal-artijiet, l-ispejjeż marbuta mal-manteniment tal-artijiet u mat-titjib tal-kwalità tal-ħamrija kienu inklużi kollha fil-kera. Il-Kummissjoni applikat bażi ta’ paragun mhux xieraq. |
|
— |
Il-Kummissjoni ma qisitx l-kuntest temporali kif ukoll il-kundizzjonijiet ekonomiċi meta ffissat il-kera. |
|
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali sostantivi u proċedurali sa fejn użat il-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex tevalwa jekk it-tranżazzjoni kinitx konformi mas-suq. |
|
— |
Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti li jiżguraw il-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
— |
Il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest viġenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kera, il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ dak iż-żmien kif ukoll l-istandards ta’ interpretazzjoni applikabbli f’dak il-mument. |
|
5. |
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ, il-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat. |
|
— |
Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, għas-sena 2004, abbażi tar-rapport tal-Uus Maa, li l-iskala tal-prezz kienet tirrifletti l-iżvilupp tal-prezz f’dan il-perijodu. |
|
— |
Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, għas-snin 2005 sa 2019, li d-data tal-awtorità tal-artijiet għandha tintuża sabiex tiġi stabbilita l-bażi ta’ paragun għall-prezz tas-suq annwali. |
|
— |
Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li 3 061,9 ettari tal-art mikrija kienu fil-parti l-kbira mhux disponibbli għal ċerti għanijiet. |
|
6. |
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat sa fejn ikklassifikat il-fatti tal-każ bħala għajnuna ġdida. |
|
— |
Kull allegata għajnuna jew nuqqas ta’ għajnuna kienet ingħatat qabel l-adeżjoni tal-Estonja mal-Unjoni u, fil-mument ta’ din l-adeżjoni mal-Unjoni, kienet kompletament intemmet wara li l-impriża kienet ġiet ipprivatizzata fl-2001 u r-rikorrenti u l-proprjetarji tal-ishma tagħha kienu ġew amalgamati fl-2002. |
|
7. |
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u evalwat il-fatti b’mod żbaljat sa fejn ikkunsidrat li l-għajnuna kienet intemmet biss parzjalment. |
|
— |
Il-Kummissjoni kien imissha waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna mill-Istat li allegatament tirriżulta mill-kuntratt ta’ kera kienet waqfet kompletament sa mhux iktar tard mill-amalgamazzjoni tar-rikorrenti u tal-proprjetarji tal-ishma tagħha, li seħħet fl-2002, b’tali mod li din l-għajnuna kienet intemmet kompletament. |
|
8. |
It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret dispożizzjonijiet legali sa fejn obbligat lir-Repubblika tal-Estonja tirkupra l-għajnuna, bi ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
|
— |
Minn ċirkustanzi partikolari kien jirriżulta li l-irkupru fil-konfront tar-rikorrenti kien ser ikun estremament inġust – ir-rikorrenti ma kinitx obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ għajnuna legali. |
|
— |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 252 final tal-24 ta‘ Jannar 2020 dwar l-għajuna mill-Istat SA.39182 (2017/C) (ex 2017/NN) (ex 2014/CP), ir-rikorrenti kellha aspettattivi leġittimi kif ukoll ukoll ċertezza li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li kellu jiġi rkuprat ma kienx ser jiżdied. |
|
9. |
Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni essenzjalment kisret dispożizzjonijiet legali u interpretat b’mod żbaljat il-fatti tal-każ sa fejn qieset li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern. |
|
— |
Minkejja li l-parteċipanti kienu stabbilixxew b’liema mod il-kuntratt ta’ kera kien ikkontribwixxa sabiex jiġi ffavorit l-iżvilupp ekonomiku, il-Kummissjoni ma kinitx indirizzat dan il-punt fir-rigward tal-mertu tiegħu. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1774/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)