|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1633 |
24.3.2025 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte di appello di Napoli (l-Italja) fl-20 ta’ Diċembru 2024 – Orefice Generators Srl vs MZ, AV, VR, AL, RI, VO, PA, MG
(Kawża C-907/24, Orefice Generators)
(C/2025/1633)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte di appello di Napoli
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Orefice Generators Srl
Konvenuti: MZ, AV, VR, AL, RI, VO, PA, MG
Domandi preliminari
|
1) |
It-“tkeċċijiet indiretti”, jiġifieri t-terminazzjonijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, li diġà seħħew u/jew li huma prevedibbli, li jirriżultaw minn att intenzjonali tal-ħaddiem u/jew mill-aġiri tiegħu li jkunu ta’ natura li jikkawżaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni u li jkollhom rabta kawżali mal-intenzjoni tal-persuna li timpjega li twettaq u/jew timponi unilateralment bidla sinjifikattiva, mhux tranżitorja u inqas favorevoli f’element fundamentali tar-relazzjoni tax-xogħol, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (1), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE u 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE u 2001/23/KE, fir-rigward tal-baħħara (2)? |
|
2) |
Il-kunċett ta’ “tkeċċija indiretta” fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 japplika fil-każ ta’ aġiri u/jew ta’ atti kuntrattwali prevedibbli min-naħa tal-ħaddiema li jkunu ta’ natura li jikkawżaw it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol u li jkollhom rabta kawżali mal-bidla fil-post tax-xogħol tagħhom li tirriżulta minn deċiżjoni tal-persuna li timpjega li twaqqaf l-attività ta’ xogħol fl-unità ta’ produzzjoni inizjali u li tittrasferixxi fl-istess ħin lill-ħaddiema kollha, li numru tagħhom huwa meqjus bħala rilevanti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni nazzjonali, lejn unitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu mijiet ta’ kilometri ’l bogħod u li neċessarjament jeħtieġu li l-ħaddiema jitbiegħdu mill-post li miegħu jkollhom rabtiet soċjali u emozzjonali? |
|
3) |
It-“tkeċċijiet indiretti” li jkollhom rabta kawżali ma’ bidla sinjifikattiva, mhux tranżitorja u inqas favorevoli fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, li tirriżulta minn deċiżjoni tal-persuna li timpjega, mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, jikkostitwixxu atti kuntrattwali u/jew aġiri li b’mod awtonomu jistgħu jiddeterminaw, anki esklużivament, l-ilħuq tal-livell ta’ tkeċċijiet rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva 98/59 u għalhekk huma separati mill-miżuri “ekwivalenti” u/jew “assimilati” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, u għalhekk huma suffiċjenti sabiex jintlaħaq in-numru minimu ta’ tkeċċijiet previst fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, anki fl-assenza ta’ atti kuntrattwali tal-persuna li timpjega li jwasslu direttament għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol? |
|
4) |
Id-determinazzjoni tan-numru ta’ “tkeċċijiet” indikati fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, kif emendata bid-Direttiva 2015/1794, tippermetti lill-Istati Membri li adottaw leġiżlazzjoni iktar favorevoli, li tillimita għal ħamsa n-numru ta’ tkeċċijiet rilevanti sabiex jintlaħaq il-livell previst f’dan il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, jeskludu kompletament it-tkeċċijiet indiretti mill-kalkolu ta’ dan il-livell? Id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva 98/59, kif emendata bid-Direttiva 2015/1794, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni esklużivament meta jkun hemm ħames tkeċċijiet biss, li jikkonsistu f’atti kuntrattwali unilaterali tal-persuna li timpjega li jkollhom l-effett li jxolju r-relazzjoni ta’ xogħol, filwaqt li teskludi, għall-finijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni, it-terminazzjonijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, li diġà seħħew u/jew li huma prevedibbli, li jirriżultaw minn att intenzjonali tal-ħaddiema u/jew mill-aġiri tagħhom, u li jkollhom rabta kawżali ma’ bidla mhux tranżitorja u inqas favorevoli f’element fundamentali tar-relazzjoni tax-xogħol deċiża mill-persuna li timpjega, għal raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati? |
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1633/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)