European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1481

5.3.2025

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għas-sanzjonijiet finanzjarji proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(C/2025/1481)

1.   Introduzzjoni

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li fih il-Kummissjoni tirreferi Stat Membru lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) talli jkun naqas milli jissodisfa obbligu skont it-Trattati, hija tista’ tipproponi lill-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq dak l-Istat Membru f’żewġ sitwazzjonijiet:

meta l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti li tkun sabet ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 260(2) TFUE) (1),

meta l-Istat Membru jkun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva (l-Artikolu 260(3) TFUE).

Fiż-żewġ każijiet, is-sanzjonijiet imposti mill-Qorti jistgħu jkunu magħmula minn ħlas ta’ somma f’daqqa, bħala konsegwenza tal-kontinwazzjoni tal-ksur sal-għoti tas-sentenza tagħha jew il-konformità sħiħa, jekk tintlaħaq qabel, u ħlas ta’ penali ta’ kuljum, biex l-Istat Membru kkonċernat jiġi mħeġġeġ itemm il-ksur kemm jista’ jkun malajr wara l-għoti tas-sentenza. Il-Kummissjoni tipproponi ammont għas-sanzjonijiet finanzjarji lill-Qorti, iżda huwa f’idejn il-Qorti, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha ( 2 ), li tiddetermina l-ammonti li hija tqis xierqa għaċ-ċirkostanzi u proporzjonati kemm għall-ksur li jkun ġie stabbilit kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ( 3 ).

Il-possibbiltà li l-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri – u li l-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet – tmur lura għat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. Sabiex tiżgura t-trasparenza u t-trattament ugwali, mill-1996, il-Kummissjoni ppubblikat għadd ta’ komunikazzjonijiet li jistabbilixxu l-politika tagħha u l-metodoloġija li tapplika għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet finanzjarji. Permezz tal-Komunikazzjoni tagħha dwar sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur ippubblikata fl-2023 (2) (minn hawn ’il quddiem “il-Komunikazzjoni tal-2023”), il-Kummissjoni rrevediet u ssostitwiet il-Komunikazzjonijiet preċedenti kollha f’dan il-qasam. Iċ-ċifri u d-data użati għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet finanzjarji ġew aġġornati fl-2024 (3).

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2023, il-Kummissjoni introduċiet metodu ta’ kalkolu tal-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu li jiddependi (b’piż ta’ 2/3) fuq il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istat Membru u (b’piż ta’ 1/3) fuq il-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

Fil-25 ta’ April 2024, il-Qorti tat sentenza fil-kawża C-147/23, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja,  (4) li fiha eżaminat, fost oħrajn, il-metodu ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji introdotti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023.

F’dik is-sentenza, il-Qorti ddeċidiet li l-metodu tal-Kummissjoni “ [...] huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li teżisti korrelazzjoni bejn id-daqs tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru u l-kapaċità ta’ ħlas tagħha, li ma huwiex neċessarjament il-każ. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku kif jirriżulta mill-imsemmi metodu jwassal għal separazzjoni tal-fattur “n” mill-kapaċità reali ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jwassal għall-iffissar ta’ fattur “n” li ma jikkorrispondix neċessarjament għal din il-kapaċità. [...] Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinkludi fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n” it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju demografiku”.”  (5)

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza reċenti, jeħtieġ li jiġi rivedut il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni biex tipproponi sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur. B’mod partikolari, wara s-sentenza tal-Qorti, il-kalkolu tal-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu jew tal-fattur n (it-Taqsima 3.4 tal-Komunikazzjoni tal-2023) għandu jiddependi biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tissostitwixxi t-taqsima 3.4 tal-Komunikazzjoni tal-2023, kif ukoll l-Anness I tagħha, li taġġorna ċ-ċifri rilevanti bl-aħħar data makroekonomika.

2.   Il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu

L-ammont tal-pagament ta’ penali għandu jiżgura li l-penali jkun kemm proporzjonat kif ukoll dissważiv. L-effett ta’ deterrent tal-pagament ta’ penali għandu żewġ aspetti. Is-sanzjoni trid tkun għolja biżżejjed biex tiżgura li:

l-Istat Membru jtemm il-ksur (għalhekk trid tkun ogħla mill-benefiċċju li l-Istat Membru jikseb mill-ksur),

l-Istat Membru ma jirrepetix il-ksur.

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent ivarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa definit bħala proporzjon tal-prodott domestiku gross (PDG) (6) tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbel mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri. Dan jirrappreżenta l-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas fir-rigward tal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Formula

Kif stabbilit fit-taqsima 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal-2023, il-Kummissjoni tapplika l-istess fattur n għall-kalkolu tas-somma f’daqqa bħal dak għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali.

Il-fatturi n għal kull Stat Membru huma stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness, flimkien mas-somom f’daqqa minimi fil-punt 5 tal-Anness.

Kif stabbilit fit-taqsima 5 tal-Komunikazzjoni tal-2023, li kieku l-Kummissjoni kellha tipproponi sanzjonijiet finanzjarji kontra r-Renju Unit, hija tiddependi fuq l-istess formula bħal dik stabbilita f’din il-Komunikazzjoni biex tiddetermina l-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu (7).

3.   Data tal-applikazzjoni

Il-Kummissjoni tapplika r-regoli u l-kriterji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għad-deċiżjonijiet kollha li tieħu biex tirreferi kwistjonijiet lill-Qorti skont l-Artikolu 260 TFUE wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali.


(1)  Jew meta l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ma’ sentenza li tkun sabet ksur ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, ‘ ‘Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur’ ’ (ĠU C 2, 4.1.2023, p. 1).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/360 – Aġġornament tad-data użata għall-kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur (ĠU C, C/2024/1123, 26.1.2024).

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti (l-Ewwel Awla) tal-25 ta’ April 2024, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-147/23 EU:C:2024:346).

(5)  C-147/23, il-paragrafi 84-86 tas-sentenza.

(6)  Sors: PDG nominali - Eurostat. Il-Eurostat jippubblika regolarment id-data dwar il-PDG għall-Istati Membri (nama_10_pdg).

(7)  

Formula
.


ANNESS

Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti

Id-data f’dan l-Anness għandha tiġi rieżaminata u aġġornata mill-Kummissjoni fuq bażi annwali, fid-dawl tal-varjazzjonijiet fl-inflazzjoni u l-PDG tal-Istati Membri, abbażi tad-data uffiċjali ppubblikata mill-Eurostat.

1.   AMMONT B’RATA FISSA GĦALL-PAGAMENT TA’ PENALI

L-ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ penali msemmi fit-Taqsima 3.1. ta’ din il-Komunikazzjoni huwa stabbilit fil-livell ta’ EUR 3 440 kuljum.

2.   AMMONT B’RATA FISSA GĦALL-PAGAMENT TA’ SOMMA F’DAQQA

L-ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ somma f’daqqa msemmi fit-Taqsima 4.2.2. ta’ din il-Komunikazzjoni huwa stabbilit fil-livell ta’ EUR 1 150 kuljum, jiġifieri terz tar-rata fissa għall-pagamenti ta’ penali.

3.   FATTURI N

Il-fatturi n imsemmija fit-Taqsima 1 ta’ din il-Komunikazzjoni huma:

 

Fattur N  (1)

Il-Belġju

0,94

Il-Bulgarija

0,15

Iċ-Ċekja

0,50

Id-Danimarka

0,59

Il-Ġermanja

6,57

L-Estonja

0,06

L-Irlanda

0,80

Il-Greċja

0,35

Spanja

2,35

Franza

4,43

Il-Kroazja

0,12

L-Italja

3,34

Ċipru

0,05

Il-Latvja

0,06

Il-Litwanja

0,12

Il-Lussemburgu

0,12

L-Ungerija

0,31

Malta

0,03

In-Netherlands

1,68

L-Awstrija

0,74

Il-Polonja

1,18

Il-Portugall

0,42

Ir-Rumanija

0,51

Is-Slovenja

0,10

Is-Slovakkja

0,19

Il-Finlandja

0,43

L-Iżvezja

0,85

4.   SOMMA F’DAQQA TA’ REFERENZA

Is-somma f’daqqa ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa minimi għal kull Stat Membru hija stabbilita fil-livell ta’ EUR 3 208 660.

5.   SOMOM F’DAQQA MINIMI GĦAL KULL STAT MEMBRU

Is-somom f’daqqa minimi jikkorrispondu għas-somma f’daqqa ta’ referenza mmultiplikata bil-fatturi n.

Is-somom f’daqqa minimi (2) huma stabbiliti fil-livell ta’:

 

Somom f’daqqa minimi (EUR)

Il-Belġju

3 016 000

Il-Bulgarija

481 000

Iċ-Ċekja

1 604 000

Id-Danimarka

1 893 000

Il-Ġermanja

21 081 000

L-Estonja

193 000

L-Irlanda

2 567 000

Il-Greċja

1 123 000

Spanja

7 540 000

Franza

14 214 000

Il-Kroazja

385 000

L-Italja

10 717 000

Ċipru

160 000

Il-Latvja

193 000

Il-Litwanja

385 000

Il-Lussemburgu

385 000

L-Ungerija

995 000

Malta

96 000

In-Netherlands

5 391 000

L-Awstrija

2 374 000

Il-Polonja

3 786 000

Il-Portugall

1 348 000

Ir-Rumanija

1 636 000

Is-Slovenja

321 000

Is-Slovakkja

610 000

Il-Finlandja

1 380 000

L-Iżvezja

2 727 000


(1)  Abbażi tal-PDG tal-2023 estratt fl-20 ta’ Jannar 2025, u mqarrba sal-eqreb elf.

(2)  Abbażi tal-PDG tal-2023 estratt fl-20 ta’ Jannar 2025 u mqarrba sal-eqreb elf.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1481/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)