European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1473

28.2.2025

Konklużjonijiet tal-Kunsill

dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

(C/2025/1473)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.   

JISSOTTOLINJA l-importanza tal-promozzjoni u t-tisħiħ ta’ standards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inkluż fil-qasam tat-tassazzjoni ġusta, u t-trasparenza tat-taxxa, u tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dinji;

2.   

JAPPREZZA l-kooperazzjoni produttiva kontinwa dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (“Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta”) u l-biċċa l-kbira tal-ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja;

3.   

JILQA’ l-progress li sar fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti bil-passi attivi meħuda sal-iskadenzi maqbula, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-kriterji dwar it-trasparenza fiskali tal-lista tal-UE; JILQA’ l-passi promettenti reċenti li ttieħdu minn xi ġuriżdizzjonijiet li ilhom elenkati għal perjodu ta’ żmien estiż; u JISTIEDEN lil dawn il-ġuriżdizzjonijiet ikomplu b’dawn l-isforzi biex jikkollaboraw mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u jsolvu l-kwistjonijiet li fadal bil-ħsieb ta’ aġġornamenti futuri tal-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa;

4.   

JIDDISPJAĊIH li t-Turkija ma għamlet l-ebda progress ma’ Stat Membru wieħed dwar l-iskambju awtomatiku effettiv ta’ informazzjoni; ITENNI l-appell tiegħu lit-Turkija biex tibda r-relazzjonijiet ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni pendenti ma’ Stat Membru wieħed u biex tikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tat-22 ta’ Frar 2021, il-5 ta’ Ottubru 2021, l-24 ta’ Frar 2022, l-4 ta’ Ottubru 2022, l-14 ta’ Frar 2023, is-17 ta’ Ottubru 2023, l-20 ta’ Frar 2024 u t-8 ta’ Ottubru 2024; ITENNI li l-iskambju effettiv awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha huwa kondizzjoni biex it-Turkija tissodisfa l-kriterju 1.1 tal-lista tal-UE; JISTIEDEN lill-Grupp biex jgħarraf lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward u jkompli jindirizza l-kwistjonijiet pendenti fejn ma sar ebda progress;

5.   

JAPPROVA r-Rapport tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta kif jinsab fid-dokument ST 6044/25;

6.   

JAPPROVA għalhekk il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa kif tinsab fl-Anness I;

7.   

JAPPROVA s-sitwazzjoni attwali rigward l-impenji meħuda mill-ġuriżdizzjonijiet li jikkooperaw biex jimplimentaw l-istandards ta’ governanza tajba tat-taxxa, kif jinsab fl-Anness II.


ANNESS I

Il-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa

1.   Is-Samoa Amerikana

Is-Samoa Amerikana ma tapplika l-ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li hija dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u ma ħaditx l-impenn li tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

2.   Anguilla

Anguilla tiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore maħsuba biex jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali billi tonqos milli tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta’ sustanza skont il-kriterju 2.2.

Anguilla ħadet l-impenn li tindirizza n-nuqqasijiet fir-rigward tal-qafas tagħha għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba identifikati mill-Forum Globali u li titlob analiżi fil-fond mill-Forum Globali qabel l-24 ta’ Lulju 2026.

3.   Fiġi

Fiġi ma ffirmax u ma rratifikax il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandu reġimi preferenzjali tat-taxxa dannużi (Inċentiv tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fuq id-Dħul (ICT) Oriġinali, Kumpaniji tal-Esportazzjoni), u għadu ma solviex dawn il-kwistjonijiet.

4.   Guam

Guam ma japplika ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmax u ma rratifikax, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huwa dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u ma ħax l-impenn li jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

5.   Palau

Palau ma ffirmax u ma rratifikax il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata u għadu ma solviex din il-kwistjoni.

6.   Il-Panama

Il-Panama għandha reġim ta’ eżenzjoni ta’ dħul minn sorsi barranin dannuż u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

Il-Panama ħadet l-impenn li tindirizza n-nuqqasijiet fir-rigward tal-qafas tagħha għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba identifikati mill-Forum Globali u li titlob analiżi fil-fond mill-Forum Globali qabel is-17 ta’ Lulju 2026.

7.   Il-Federazzjoni Russa

Il-Federazzjoni Russa għandha reġim preferenzjali ta’ taxxa dannuż (International Holding Companies) u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

8.   Samoa

Samoa għandha reġim preferenzjali ta’ taxxa dannuż (Kumpanija Offshore) u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

9.   Trinidad u Tobago

Trinidad u Tobago ma għandhomx determinazzjoni ta’ mill-inqas “Fis-seħħ, iżda huwa meħtieġ titjib” dwar ir-rekwiżiti ewlenin 1 u 2 fir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji. Trinidad u Tobago ma għandhomx klassifikazzjoni ta’ mill-inqas “ ‘Fil-Biċċa l-Kbira Konformi’ ” mill-Forum Globali għall-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba, ma jimplimentawx l-istandard minimu tal-BEPS dwar ir-rapportar għal kull pajjiż u għadhom ma solvewx dawn il-kwistjonijiet.

10.   Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti

Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti ma japplikaw l-ebda skambju awtomatiku ta’ informazzjoni finanzjarja, ma ffirmawx u ma rratifikawx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta’ taxxa dannużi (Programm ta’ Żvilupp Ekonomiku, Kumpaniji Eżentati, Att Regolatorju dwar Ċentru Bankarju Internazzjonali), u ma ħadux l-impenn li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

11.   Vanuatu

Vanuatu jiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore li għandhom l-għan li jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali u għadu ma solviex din il-kwistjoni.

Vanuatu qed jistenna analiżi fil-fond mill-Forum Globali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba.


ANNESS II

Is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet kooperattivi biex jimplimentaw prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa

1.   Trasparenza

1.1   Skambju awtomatiku ta’ informazzjoni

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja hija mistennija tiskambja informazzjoni b’mod effettiv mas-27 Stat Membru kollha skont l-iskeda ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 6 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 2021, il-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2021, il-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022, il-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2022, il-paragrafu 7 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2023, il-paragrafu 7 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2023, il-paragrafu 5 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2024 u l-paragrafu 5 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2024:

it-Turkija

1.2   Sħubija fil-Forum Globali u klassifikazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin qed jistennew analiżi fil-fond mill-Forum Globali:

Antigua u Barbuda, il-Belize, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi u s-Seychelles

2.   Tassazzjoni Ġusta

2.1   L-eżistenza ta’ reġimi ta’ taxxa dannużi

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi reġim tat-taxxa preferenzjali fl-ambitu tal-Forum dwar Prattiki ta’ Taxxa Dannużi (FHTP) sal-31 ta’ Diċembru 2023, qed tistenna valutazzjoni finali mill-FHTP:

l-Eswatini (żona ekonomika speċjali)

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi reġim ta’ eżenzjoni ta’ dħul minn sorsi barranin dannuż sal-31 ta’ Diċembru 2025:

il-Brunei Darussalam

3.   Prevenzjoni tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti

3.2   Implimentazzjoni tal-istandard minimu tas-CbCR (Azzjoni 13 tal-BEPS)

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja ħadet l-impenn li timplimenta l-istandard minimu tas-CbCR u li tattiva r-relazzjonijiet ta’ skambju tas-CbCR mal-Istati Membri kollha tal-UE. Hija ffirmat il-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti dwar is-CbCR u qiegħda fil-proċess li tieħu l-passi meħtieġa biex tattiva relazzjonijiet ta’ skambju tas-CbCR mal-Istati Membri kollha tal-UE:

il-Vjetnam


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1473/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)