|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1438 |
10.3.2025 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2024 – Imerys PCC France vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-673/24)
(C/2025/1438)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Imerys PCC France (Arles, Franza) (rappreżentanti: H. Estreicher, A. Bartl u A. Martínez Perea, avukati)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
— |
tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2620 tat-30 ta’ Lulju 2024 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti biex il-gassijiet serra jitqiesu li saru marbuta kimikament b’mod permanenti fi prodott (1); |
|
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
|
1. |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni aġixxiet ultra vires billi eċċediet is-setgħat iddelegati tagħha taħt l-Artikolu 290 TFUE. |
|
— |
Ir-rikorrenti ssostni li, fl-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ETS”) (2), skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-att ikkontestat, billi talbet kwoti għal CO2 marbut b’mod permanenti ma’ prodotti li jistgħu jinħarqu wara ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Dan l-approċċ jippreżumi emissjonijiet għall-prattiki kollha tat-trattament tal-iskart mingħajr ma jitqies ir-rilaxx attwali ta’ CO2, kuntrarjament għall-intenzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, permezz tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4 u l-Anness, il-Kummissjoni introduċiet indebitament lista pożittiva ta’ prodotti eżentati, li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(3b) billi trendi l-kriterji tiegħu żejda u bidlet l-iskop tagħha. Din l-emenda tikkostitwixxi modifika ta’ element essenzjali tad-Direttiva ETS mingħajr mandat leġiżlattiv, u b'hekk tiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat fl-intier tiegħu. |
|
2. |
It-tieni motiv ibbażat, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. |
|
— |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-fatti rilevanti kollha bir-reqqa u b’mod imparzjali, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Unjoni, meta llimitat il-lista pożittiva li tinsab fl-Anness għal erba’ applikazzjonijiet u għall-karbonati minerali. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat provi sostanzjali li turi li bosta applikazzjonijiet u materjali addizzjonali jissodisfaw il-kriterji taħt l-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva ETS. |
|
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. |
|
— |
Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jimponi miżuri li jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva ETS, u b’hekk jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(b) tal-att ikkontestat jimponi rekwiżiti li l-operaturi ma jistgħux jissodisfaw minħabba l-inkapaċità li jbassru t-trattament tal-prodott fi tmiem il-ħajja, li jrendu l-Artikolu 12(3b) inapplikabbli u jippreġudikaw l-iskop tiegħu. Barra minn hekk, il-lista pożittiva prevista fl-Anness teskludi setturi mingħajr proċedura ta' inklużjoni trasparenti, u b’hekk tpoġġi piżijiet finanzjarji mhux iġġustifikati fuq l-operaturi. Dawn il-miżuri huma sproporzjonati u jinjoraw l-alternattivi disponibbli, bħaċ-ċertifikazzjonijiet tat-tneħħija tal-karbonju u l-impożizzjoni fuq l-inċineraturi ta’ kwoti ta’ CO2. |
|
4. |
Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
— |
Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jillimita b’mod inġustifikat l-Anness għal għażla żgħira ta’ prodotti relatati mal-kostruzzjoni, minkejja li hemm provi li prodotti oħra, bħaż-żebgħa u l-materjal għall-mili, jissodisfaw l-istess kriterji ta’ nuqqas ta’ inċinerazzjoni u ta’ ħażna fit-tul ta’ CO2. Il-Kummissjoni ma tatx ġustifikazzjoni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament, li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Unjoni. |
|
5. |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi. |
|
— |
Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jikser dawn il-prinċipji billi jintroduċi obbligi mhux ċari u imprevedibbli, b’mod partikolari permezz tal-lista pożittiva restrittiva tiegħu u tar-riinterpretazzjoni tal-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva ETS. Dawn il-bidliet jimminaw id-dipendenza tar-rikorrenti fuq eżenzjonijiet tal-qbid permanenti ta’ CO2, ifixklu d-deċiżjonijiet kummerċjali u jwasslu għal dannu finanzjarju u operuttiv potenzjali. |
(1) ĠU L, 2024/2620
(2) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631). Innota l-verżjoni konsolidata ta’ din id-direttiva, wara l-emenda: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:02003L0087-20240301
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1438/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)