European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/1404

10.3.2025

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-22 ta’ Ottubru 2024 – M.S.

(Kawża C-719/24, Miasto stołeczne Warszawa et)

(C/2025/1404)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.S.

Partijiet oħra fil-proċedura: Miasto stołeczne Warszawa, E.S., Komisji do spraw reprywatyzacji nieruchomości warszawskich

Domandi preliminari

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 4(2) TUE interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li temenda l-metodu ta’ elezzjoni tal-Membri tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem, il-“KRS”), li kienet fis-seħħ sa dak il-mument fl-Istat Membru kkonċernat, permezz tal-introduzzjoni, f’dan ir-rigward, ta’ leġittimità demokratika għall-qasam ġudizzjarju tal-KRS?

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 4(2) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jinftiehem fis-sens li mħallef ma huwiex imparzjali u indipendenti u l-kulleġġ ġudikanti li fi ħdanu huwa sedenti tali mħallef ma huwiex qorti indipendenti “stabbilita minn qabel bil-liġi”, meta

mħallef tal-ogħla istanza nazzjonali (is-Sąd Najwyższy), (il-Qorti Suprema, il-Polonja) jkun inħatar bl-involviment tal-KRS, li l-qasam ġudizzjarju tiegħu ma kellux leġittimità demokratika,

il-kompożizzjoni ta’ dan il-KRS ġiet ikkontestata, inkwantu mhux kostituzzjonali, minn awtorità nazzjonali li l-kompetenzi esklużivi tagħha jinkludu, fost oħrajn, l-eżami tan-natura kostituzzjonali tad-dritt nazzjonali,

il-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll ir-regoli proċedurali adottati mill-KRS fir-rigward ta’ deċiżjoni jew ta’ rakkomandazzjoni ta’ persuna speċifika għall-kariga ta’ mħallef f’qorti nazzjonali tal-aħħar istanza (is-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema) jistgħu jqajmu, fil-ħsieb tal-individwi, dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-Imħallef ikkonċernat fir-rigward tal-fatturi esterni kif ukoll fir-rigward tan-newtralità tiegħu fid-dawl tal-interessi konkorrenti quddiemu, hekk kif l-imħallef ikun inħatar fil-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza (is-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema) permezz ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni manifestament mhux trasparenti u fittizja, u li, wara l-ħatra dan l-imħallef:

a)

jieħu personalment miżuri bil-għan li jikkonferma n-natura regolari tal-proċedura li wasslet għall-ħatra tiegħu u jiddeċiedi dwar l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti għas-sempliċi raġuni li mħallef ieħor inħatar fi proċedura li tinvolvi l-KRS, li l-kompożizzjoni tiegħu huwa jikkontesta pubblikament u jiddeskrivih bħala “kompromess”, iżda li huwa kompost, konformement mad-dritt nazzjonali, minn membri li għandhom il-leġittimità demokratika meħtieġa, meta skont dan l-imħallef hija l-kompożizzjoni irregolari tal-KRS li tikkawża d-dipendenza tiegħu mill-awtorità politika, filwaqt li ma tiggarantix l-indipendenza tal-kompożizzjoni (futura) tal-qorti;

b)

jiddeċiedi, kuntrarjament għall-prinċipju nemo iudex in causa sua, dwar il-validità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija preċedentement bil-parteċipazzjoni tiegħu, li fihom titqiegħed inkwistjoni l-kompożizzjoni tal-KRS u jindika n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti li minnha jagħmel parti mħallef maħtur skont il-proċedura li tinvolvi l-imsemmi KRS fil-kompożizzjoni kkontestata;

c)

jirreferi għall-kriterji allegatament “imfassla” fid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem intiżi li juru nuqqas ta’ imparzjalità u indipendenza ta’ mħallfin oħra, liema kriterji huwa stess ma jissodisfax, u jevalwa, fil-kuntest ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza, il-persuna ta’ mħallfin oħra li tul il-karriera tagħhom servew fil-livelli kollha ta’ ġudikatura, kisbu l-livell akkademiku meħtieġ jew kisbu l-esperjenza fi professjoni legali oħra meħtieġa mid-dritt nazzjonali, fejn kisbu opinjonijiet favorevoli tal-KRS f’perijodi differenti u f’kompożizzjonijiet differenti ta’ dan il-KRS;

d)

jagħti dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar l-istatus tal-imħallfin maħtura bl-involviment tal-KRS, li tiegħu huwa jikkontesta l-kompożizzjoni, billi jiċħad lil dawn l-imħallfin l-attributi ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza in gremio, fejn jiddeskrivihom, fost oħrajn, bħala injoranti, karrieristi u ċiniċi, persuni li ma humiex imħallfin u li għandhom jitneħħew mill-ġudikatura, filwaqt li jinvoka l-allegata ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mingħajr ma jindika xi tip ta’ allegazzjoni konkreta kontrihom fir-rigward tal-imġieba tagħhom sew qabel kif ukoll wara l-ħatra tagħhom fil-kariga ta’ mħallef;

e)

pubblikament isostni proposti għal riforma tad-dritt nazzjonali fformulati u ppreżentati mir-rappreżentanti tal-awtorità politika fir-rigward tar-regolamentazzjoni futura tal-istatus tal-imħallfin maħtura bl-involviment tal-KRS, li tiegħu jikkontesta l-kompożizzjoni, li l-effett tagħhom tkun it-tneħħija tal-imħallfin kollha mill-funzjonijiet li għalihom ikunu nħatru skont proċedura li tinvolvi l-KRS, kuntrarjament għar-regolamentazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, kif ukoll, barra minn hekk, proċedura dixxiplinari intiża għat-tkeċċija ta’ mħallef mill-professjoni minħabba involviment f’din il-proċedura ta’ promozzjoni;

f)

jislet diversi vantaġġi minn bidla fl-awtorità politika inkluż billi jipparteċipa f’attivitajiet ta’ organi li jiddependu minn din l-awtorità;

g)

inkwantu persuna li tissodisfa l-funzjonijiet ta’ president ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza (is-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema), huwa jirċievi, mingħajr ebda proċedura prevista minn dispożizzjoni legali, rappreżentanti ta’ awtorità politika bil-għan li jressaq quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) proċeduri fir-rigward ta’ kawża speċifika li din l-awtorità għandha interess għar-riżoluzzjoni tagħha, u fejn, fost oħrajn, dan it-tressiq iseħħ b’nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ordni ta’ kif għandhom jitressqu l-kawżi quddiem dik il-qorti u tal-kompetenza tiegħu;

h)

inkwantu persuna li tissodisfa l-funzjonijiet ta’ president ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza (is-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema), b’rabta mal-iskadenza tat-terminu tal-qadi ta’ dawn il-funzjonijiet, huwa jirrifjuta jlaqqa’ l-assemblea ta’ mħallfin bil-għan li jiġi elett, konformement mad-dritt nazzjonali, suċċessur f’din il-kariga, billi jqajjem dubju dwar il-leġittimità tal-imħallfin, li l-istatus tagħhom jikkontesta, biex jipparteċipaw f’dik l-assemblea, billi jinvoka l-ħtieġa urġenti li dawn jiġu esklużi mill-ġudikatura biex b’dan il-mod jiġi stabbilit mill-ġdid l-Istat tad-dritt?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jinftiehem fis-sens li qorti nazzjonali tal-aħħar istanza (is-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema) għandha obbligu tikkostitwixxi kulleġġ ġudikanti mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ tali persuna u għandha tieħu konjizzjoni tal-kawża mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ tali persuna (jew persuni) f’kulleġġ ġudikanti ieħor previst mid-dritt nazzjonali?


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1404/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)