|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/898 |
17.2.2025 |
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka
(Kawża C-879/24)
(C/2025/898)
Lingwa tal-kawża: Id-Daniż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Sasinowska u U. Nielsen, bħala aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
— |
tikkonstata li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 39(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (1) u taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2021/1233 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/2397 fir-rigward tal-miżuri ta’ tranżizzjoni għar-rikonoxximent ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi (2), billi ma ħax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva qabel is-17 ta’ Jannar 2022 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi lill-Kummissjoni, |
|
— |
tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka jħallas lill-Kummissjoni ammont fiss ta’ EUR 2 289,60 għal kull jum ta’ dewmien mill-jum wara t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, jiġifieri mis-17 ta’ Jannar 2022, u sal-jum meta jkun temm il-ksur jew, jekk ma jkunx temmu, sad-data tas-sentenza li ser tingħata f’din il-kawża, b’ammont minimu ta’ EUR 1 599 000, |
|
— |
fil-każ li l-ksur imsemmi iktar ’il fuq ikompli wara l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka jħallas lill-Kummissjoni multa ta’ EUR 20 542,80 għal kull jum ta’ dewmien, ikkalkolata mid-data tal-għoti tas-sentenza u sad-data li fiha r-Renju tad-Danimarka jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva, |
|
— |
tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tipprevedi miżuri tranżitorji sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-validità taċ-ċertifikati ta’ kwalifika, tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord maħruġa qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ traspożizzjoni tagħha, u sabiex tagħti lill-membri tal-ekwipaġġ tas-sengħa żmien raġonevoli sabiex japplikaw għal ċertifikat ta’ kwalifika tal-Unjoni jew ċertifikat ieħor irrikonoxxut bħala ekwivalenti. Madankollu, bl-eċċezzjoni tal-liċenzji fuq ir-Renu, dawn il-miżuri tranżitorji ma japplikawx għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika, għall-kotba tar-rekords tas-servizz u għall-ġurnali ta’ abbord maħruġa minn pajjiżi terzi li attwalment huma rrikonoxxuti mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti nazzjonali tagħhom jew skont ftehimiet internazzjonali, applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2017/2397.
Id-Direttiva (UE) 2021/1233 tistabbilixxi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati, tal-kotba tar-rekords tas-servizz jew tal-ġurnali ta’ abbord maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz.
Iż-żewġ direttivi joffru ċertezza legali lill-individwi u lill-operaturi ekonomiċi tas-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Bħala tali, huma jikkostitwixxu elementi importanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
L-Artikolu 39(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 jipprevedi eċċezzjoni favur l-Istati Membri li ma għandhomx passaġġi fuq l-ilma interni marbuta man-netwerk navigabbli ta’ Stat Membru ieħor u fejn in-navigazzjoni f’passaġġi fuq l-ilma interni ssir fil-forma ta’ vjaġġi limitati ta’ interess lokali jew fuq bażi staġjonali. Madankollu, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 39(3) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 li l-Istati Membri li jgawdu mid-deroga għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni għall-persuni li joperaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali tagħhom.
Il-Kummissjoni bagħtet intimazzjoni lid-Danimarka fl-24 ta’ Marzu 2022. Fit-28 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lid-Danimarka. Madankollu, id-Danimarka għadha ma ttrasponietx iż-żewġ direttivi fid-dritt Daniż u ma informatx lill-Kummissjoni dwar dan.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/898/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)