European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/539

3.2.2025

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2024 minn Silgan Holdings Inc., Silgan Holdings Austria GmbH, Silgan International Holdings BV, Silgan Metal Packaging Distribution GmbH u Silgan White Cap Manufacturing GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-2 ta’ Ottubru 2024 fil-Kawża T-589/22, Silgan Holdings et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-845/24 P)

(C/2025/539)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Silgan Holdings Inc., Silgan Holdings Austria GmbH, Silgan International Holdings BV, Silgan Metal Packaging Distribution GmbH, Silgan White Cap Manufacturing GmbH (rappreżentanti: D. Seeliger, Y.-K. Gürer, E. Venot, R. Grafunder, H. Wollmann, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2024 fil-Kawża T-589/22, Silgan Holdings et vs Il-Kummissjoni, sa fejn din ċaħdet ir-rikors tagħhom;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 4761 final tat-12 ta’ Lulju 2022 (Każ AT.40522 – Imballaġġi tal-metall, inizjalment “Pandora”) (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali u kif ukoll dawk sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jallegaw, fir-rigward tal-punti 33 et seq. u b’mod partikolari l-punti 39 u 40 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. Meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun diġà attiva f’każ u l-proċeduri tagħha jkunu jinsabu fi stadju avvanzat, il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti bidu għal proċeduri u tieħu f’idejha l-investigazzjonijiet biss sa fejn dan ikun iġġustifikat fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stipulat fid-dritt primarju. Il-Qorti Ġenerali kellha, għalhekk, tinterpreta l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) b’mod iktar strett skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jew – sussidjarjament – tiddikjara dan l-artikolu inapplikabbli minħabba ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà sa fejn din tat bidu għall-proċedura.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw, fir-rigward tal-punti 49 et seq. u b’mod partikolari l-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-projbizzjoni ta’ użu ħażin ta’ poter. Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni kienx fil-fatt meħtieġ sabiex tiżgura infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi fin-negattiv u għaldaqstant tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet abbużat mid-diskrezzjoni tagħha meta tat bidu għall-proċedura u barra minn hekk kisret il-prinċipji ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ ġudikant leġittimu.

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-punti 69 et seq. u b’mod partikolari fil-punt 78 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni kienx fil-fatt meħtieġ sabiex tiżgura infurzar effettiv tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji u kellha tasal għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ. Barra min hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-fatt li l-Kummissjoni ħadet f’idejha l-investigazzjoni ġie tard wisq sabiex ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li l-allegati vantaġġi tal-fatt li l-Kummissjoni ħadet f’idejha l-investigazzjoni huma sproporzjonati meta mqabbla mal-iżvantaġġi sostnuti minn Silgan.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti ġie interpretat u applikat b’mod żbaljat fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata. Fil-punt 105, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma ntweriex li l-Kummissjoni kienet iddevjat mill-Komunikazzjoni dwar in-Network (3). Minflok, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-kundizzjonijiet għal distribuzzjoni mill-ġdid ta’ każijiet taħt din il-komunikazzjoni – fid-dawl ukoll tal-punti 18, 19 u 54 – ma kinux issodisfatti u li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni kien sar tard wisq sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmija Komunikazzjoni.

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE. Il-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat fil-punti 61 et seq. u b’mod partikolari fil-punt 65 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni kienet osservat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża. Is-sempliċi riferiment fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-proċedura nfetħet fuq talba tal-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Kartelli) ma kienx suffiċjenti. Dak li huwa deċiżiv fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni sarx skont il-liġi jew le f’dan il-każ ma kienx jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Bundeskartellamt kienx talab lill-Kummissjoni tieħu f’idejha l-investigazzjoni, iżda pjuttost ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni laqgħet din it-talba.


(1)  Sunt fil-ĠU 2023, C 57, p. 5.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/539/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)