European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/510

28.1.2025

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur vitivinikulturali, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(C/2025/510)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

NOTIFIKA TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Los Balagueses”

PDO-ES-A0941-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 29.10.2024

DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET GĦALL-EMENDA APPROVATA

1.   EMENDA TAL-PARAMETRI ANALITIĊI

Deskrizzjoni:

Ir-rekwiżit tal-limiti f’ċerti parametri jiġi eliminat u t-tolleranzi f’parametri oħra jiġu mmodifikati.

Il-punt 2.a tal-Ispeċifikazzjoni u l-punt 4 tad-Dokument Iniku huma emendati.

Din hija emenda standard peress li ma tbiddilx l-isem, l-użu tal-isem jew il-kategorija tal-prodott u ma hemm l-ebda riskju li tiġi kkanċellata r-rabta jew li jiġu implikati restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni, li ma jiġux inklużi fil-każijiet ta’ emendi tal-Unjoni tal-Artikolu 24.3 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

L-emenda tal-parametri analitiċi fl-inbejjed prodotti skont id-DOP Los Balagueses hija ġġustifikata mill-fatturi li ġejjin:

1.

Varjazzjoni tal-fatturi kemm abijotiċi kif ukoll dawk bijotiċi kkawżati mit-tibdil fil-klima matul l-aħħar 10 snin. Dawn il-fatturi huma dejjem aktar eteroġeni fir-rigward taż-żmien meta saret l-applikazzjoni fl-2009, fejn kienet ibbażata fuq rekord klimatiku ta’ madwar 5 snin qabel l-applikazzjoni u ma kien hemm l-ebda għarfien taċ-ċirkostanzi tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, f’dak iż-żmien, il-parametri analitiċi kienu aktar regolari.

Illum il-ġurnata l-klima nbidlet b’mod sinifikanti, u kisbet ħsad sħun ħafna u oħrajn aktar friski fil-perjodu tal-maturazzjoni, għalhekk hemm parametri li għandhom jitneħħew bħall-pH, iz-zokkor riduċenti, l-Indiċi Totali tal-Polifenol (TPI Total Polyphenol Index), u l-intensità tal-kulur.

Minħabba dan ta’ hawn fuq, dawn il-parametri bħalissa mhumiex importanti meta niġu biex ikollna espressjoni ta’ territorju bħall-Pago de los Balagueseses. Għalhekk fadal biss il-parametri li jesprimu l-post u essenza b’tolleranzi adegwati għal din il-bidla fil-klima, bħall-kontenut ta’ alkoħol, li jesprimi prodott ta’ ċerta oriġini, l-aċidità totali li hija s-sinsla ta’ prodott bħall-inbid u l-aċidità volatili li se tesprimi nbid mingħajr difetti. Madankollu, ġiet miżjuda sentenza mat-tmiem tat-tabelli tal-parametri analitiċi li jindikaw li, għal-limiti mhux previsti, se titħares il-leġiżlazzjoni eżistenti.

Id-data meteoroloġika storika tal-istazzjon l-eqreb taż-żona (id-dataIVIA) ġiet evalwata u ġiet osservata varjazzjoni sinifikanti ta’ dawn fl-aħħar 10 snin. Hemm tendenza ċara fiż-żieda fit-temperatura medja f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll żieda fit-temperaturi minimi. Is-sigħat ta’ kesħa naqsu wkoll meta mqabbla mal-ewwel snin.

Din il-varjazzjoni fil-fatturi klimatiċi taffettwa l-parametri analitiċi b’mod agronomiku u enoloġiku. B’dan l-aġġustament tal-parametri li għandhom isiru, aħna nippreservaw l-essenza ta’ DOP, u nħallu barra parametri oħra li huma aktar dwar tip ta’ produzzjoni.

2.

Il-varjazzjoni fil-fatturi tat-tendenza tal-konsumatur tispjega l-ommissjoni ta’ ċerti parametri bħad-diossidu tal-kubrit totali, peress li l-konsumaturi jridu dejjem aktar inbejjed mingħajr sulfiti miżjuda jew b’dożi baxxi ħafna minħabba li huma allerġen regolat mill-UE. Bħalissa, it-tekniki tal-produzzjoni jippermettu li dan it-tip ta’ nbid jiġi prodott mingħajr iż-żieda ta’ dan l-allerġen.

L-użu tal-parametri bħat-TPI u l-Internsità tal-Kulur (CI Colour Intensity) qed jonqos ukoll minħabba li konsumaturi ġodda jogħġbuhom aktar l-inbejjed eħfef b’inqas tannini li jinfluwenzaw il-kulur tal-inbid. Dan ifisser li ma għadux fattur importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-inbejjed attwali u mhux se jkun għall-inbejjed futuri.

Fir-rigward tal-PH, jitħalla barra peress li huwa assoċjat mal-parametru tal-aċidità totali espress f’aċidu tartariku li żammejna.

2.   TĦASSIR TAL-KELMA “CRIANZA” FID-DESKRIZZJONI TAL-INBEJJED ĦOMOR.

Deskrizzjoni:

It-terminu “Crianza” jitħassar mill-inbejjed ħomor.

Il-punt 2(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa emendat u ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard peress li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

Il-kelma “crianza” ġiet inkluża fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott inizjali bħala mezz biex il-konsumatur jiġi infurmat dwar il-maturazzjoni tal-inbejjed ħomor fil-bettija. Fi kliem ieħor, din il-kelma ntużat fis-sens ta’ nbid immaturat. Madankollu, minħabba li l-istess kelma hija wkoll terminu tradizzjonali regolat b’rekwiżit minimu ta’ maturazzjoni ta’ sentejn qabel ma jidħol fis-suq, it-terminu “maturazzjoni” jitħassar mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott peress li huwa qarrieqi u jista’ jiġi interpretat f’dan it-tieni sens.

Din id-DOP ma tużax it-terminu tradizzjonali “crianza” peress li l-inbid jimmatura biss fi btieti għaż-żmien li jitqies xieraq enoloġikament u s-sentejn mhux dejjem japplikaw.

3.   BIDLIET FIT-TIPI TA’ NBEJJED.

Deskrizzjoni:

It-tip ta’ nbid “Vino tinto” “crianza” (Garnacha tintorera, Tempranillo u Merlot)” jitneħħa u jiġu introdotti t-tipi li ġejjin: “Vino tinto (Bobal)” u “Vino blanco (Tardana)”.

Il-punt 2(b) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa emendat u ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

Din hija emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni, peress li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

Bobal u Tardana huma introdotti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bħala varjetajiet ġodda ta’ għeneb. Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-inbejjed b’varjetà waħda ta’ dawn il-varjetajiet hija miżjuda wkoll mal-Ispeċifikazzjoni.

Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni organolettika tal-inbid multivarjat ta’ Garnacha tintorera, Tempranillo u Merlot titneħħa minħabba li hija duplikata fid-deskrizzjoni tal-inbid multivarjat magħmul mill-Merlot, mill-Garnacha tintorera u minn Tempranillo.

4.   VARJAZZJONI FIR-RENDIMENTI TAL-GĦENEB U FL-ESTRAZZJONI TAL-INBID.

Deskrizzjoni:

Ir-rendiment ta’ estrazzjoni ta’ aktar minn 70 % huwa inkluż u l-limiti fuq ir-rendimenti massimi għal kull ettaru jiżdiedu: minn 7 500 a 7 950 kg/ettaru, għall-ħomor; u minn 9 000 għal 10 000 kg/ettaru, għall-bojod.

Il-punt 3 u 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 5 tad-Dokument Uniku huma emendati.

Peress li l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott jinżammu jew jiżdiedu, din hija emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni, peress li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

Bit-titjib teknoloġiku ta’ għasir aħjar mingħajr tant atmosferi ta’ pressjoni minħabba l-investiment magħmul fil-fabbrika tal-inbid ta’ għasir tal-inbid pnewmatiku l-aktar avvanzat, jinkisbu rendimenti ta’ estrazzjoni li jżidu l-kwalità, li tagħmilha meħtieġa li jinbidlu r-rendimenti għal kull ettaru.

It-titjib fil-kisba tal-ilma permezz tal-investiment tal-pannelli fotovoltajċi biex il-vitikultura ssir sostenibbli u jiġi eliminat l-użu tal-fjuwil mas-sett tal-ġeneraturi, iffavorixxa ż-żieda fil-produzzjoni fil-parametri tal-kwalità definiti fil-Pago.

5.   ESTENSJONI TAŻ-ŻONA DEMARKATA.

Deskrizzjoni:

Jiżdiedu l-irqajja’ ta’ art b’karatteristiċi simili li jmissu ma’ xulxin. Fil-preżent, Los Balagueses huwa magħmul mill-plott 127 roqgħa tal-art 372 u żoni (4, 9, 34 u 35) u roqgħa tal-art 57 żoni (15, 2, 46, 95) u huwa maħsub biex iżid iż-żoni (23, 11, 97, 7, 8, 99 u 1) tar-roqgħa tal-art 57.

Il-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni u l-punt 6 tad-Dokument Uniku huma emendati.

L-estensjoni tal-vinja fil-Pago de los Balagueses titqies ukoll bħala emenda standard skont l-Artikolu 24(4) tar-R (UE) 2024/1143, peress li ma tbiddilx ir-rabta.

Raġunijiet:

Hija maħsuba biex iżżomm diversi żoni maġenb iż-żona ddefinita li jidhru fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott sabiex ikunu parti mid-DOP Los Balagueses.

Iż-żoni proposti għall-estensjoni jinsabu ħdejn l-irqajja’ art li bħalissa jifforma d-DOP, u jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet u l-fatturi li jaffettwaw dawn iż-żoni huma l-istess.

6.   INTRODUZZJONI TA’ VARJETAJIET ĠODDA.

Deskrizzjoni:

Il-varjetà ħamra Bobal u l-varjetà bajda Tardana huma introdotti.

Il-punt 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 7 tad-Dokument Uniku huma emendati.

Din hija emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni, peress li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

Dan huwa dovut għall-espansjoni taż-żona demarkata. Il-varjetajiet Bobal u Tardana għandhom ċiklu itwal biex jindirizzaw il-varjazzjonijiet futuri kkawżati mit-tibdil fil-klima u jiksbu l-bilanċ fl-inbejjed li kisbu tant rikonoxximenti internazzjonali. Huma varjetajiet awtoktoni tal-Komunità Valenzjana u dejjem aktar fid-domanda mis-suq attwali.

7.   AĠĠORNAMENT TA’ UĦUD MID-DATA.

Deskrizzjoni:

Fil-punt 8(b) tal-ispeċifikazzjoni, ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni eżistenti huma aġġornati. U fil-punt 9, id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti u tal-korp ta’ kontroll iddelegat.

Il-punti 8(b) u 9 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huma emendati u d-dokument uniku mhuwiex affettwat.

Din hija emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni, peress li ma tinvolvi l-ebda waħda mill-bidliet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Raġunijiet:

L-emenda tal-bqija tal-aspetti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tintuża biex isir dan it-titjib.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Los Balagueses

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika:

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-nomenklatura magħquda

22 – XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbid aħmar

DESKRIZZJONI QASIRA

Kulur intens, aħmar ċirasa. Noti intensi ta’ għeneb misjur, ta’ tut, ta’ lampun u ta’ għajnbaqar f’armonija mal-veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar u mal-kwalità tal-ballut. Fuq il-palat hemm struttura iżda bellusija u tannini misjura b’finitura twila u friska.

Għal-limiti mhux previsti, se titħares il-leġiżlazzjoni eżistenti.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): –

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 13,5

Aċidità totali minima: 5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 10

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): –

2.   Inbid abjad

DESKRIZZJONI QASIRA

Ċar, ileqq, isfar lewn it-tiben. Bħala riħa, huwa frisk, b’aromi ta’ frott abjad u ta’ frott eżotiku, ta’ ananas u ta’ mango. Fuq il-palat għandu struttura tajba, xaħmija, finitura twila u friska.

Għal-limiti mhux previsti, se titħares il-leġiżlazzjoni eżistenti.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): –

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): 12

Aċidità totali minima: 6 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 8,3

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): –

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

Prattika enoloġika speċifika

Rendiment tal-estrazzjoni: > 70 %

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Varjetajiet ħomor

7 950 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

68 ettolitru għal kull ettaru

2.   Varjetajiet bojod

10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

75 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-inbejjed protetti tinsab fil-muniċipalità ta’ Requena, imqassma kif ġej: Il-plott 127 roqgħa tal-art 372 u żoni (4,9,34 u 35), u roqgħa tal-art 57 żoni (15,2,46,95) u żoni (23,11,97,7,8,99 u 1).

7.   Varjetà(jiet) tal-għeneb tal-inbid

BOBAL

CHARDONNAY

GARNACHA TINTORERA

MERLOT

PLANTA NOVA - TARDANA

SAUVIGNON BLANC

SYRAH

TEMPRANILLO

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Il-vinja tinsab f’żona inklinata li, minbarra li tiffavorixxi d-drenaġġ tal-ilma u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-għeruq fil-fond, tottimizza l-esponiment tal-pjanta għax-xemx, li hija favorevoli għall-maturazzjoni tal-għeneb u għall-produzzjoni għolja tal-polifenoli li mbagħad jikkontribwixxi għall-kulur u l-korpożità tal-inbejjed. L-ambjent naturali, bil-veġetazzjoni tal-foresti li ddawwar ir-razzett, jgħin lill-kultivazzjoni organika tad-dielja, peress li huma s-sors ta’ mikrofawna varjata li tiffaċilita d-dakkir, tiffavorixxi l-arjazzjoni tal-ħamrija u tipparteċipa fir-regolamentazzjoni tad-dwieli u tal-predaturi tal-għeneb mingħajr l-użu tal-pestiċidi. Il-veġetazzjoni madwar l-irqajja’ tal-art tifforma barriera naturali

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://breu.gva.es/b/SpOpz2Spgq


(1)   ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/510/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)