European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/437

16.1.2025

Strateġija Ewropea dwar il-Ġustizzja elettronika 2024-2028

(C/2025/437)

I.   Introduzzjoni

1.

It-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 67-89) jipprevedi l-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, fejn l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) hija ta' rilevanza partikolari.

2.

Bħala parti mill-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali ewlieni fl-Unjoni Ewropea, minqux kemm fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust.

3.

L-użu ta' mezzi u għodod teknoloġiċi żdied fis-soċjetajiet tagħna f'dawn l-aħħar snin, wara li ġie aċċellerat b'mod partikolari mill-pandemija tal-COVID-19, u b'hekk irriżulta f'aspettattivi dejjem akbar fir-rigward tas-servizzi diġitali.

4.

Is-sistema ġudizzjarja, bħala fornitur ta' servizzi pubbliċi essenzjali, tħaddan id-diġitalizzazzjoni u l-isfidi assoċjati. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja għandha l-għan li tiffaċilita u ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, tagħmel is-sistema ġudizzjarja aktar effettiva u effiċjenti, filwaqt li tiffaċilita l-ħidma tal-professjonisti tal-ġustizzja (1), u tqarribha lejn iċ-ċittadini, u b'hekk toffri servizzi tal-ġustizzja aħjar lil kulħadd.

A.    Kuntest

5.

L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġustizzja elettronika għall-2019-2023 inkludew tliet objettivi strateġiċi li għadhom validi sal-lum, partikolarment: l-aċċess għall-informazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja; komunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, iċ-ċittadini, u l-professjonisti tal-ġustizzja; u l-interoperabbiltà bejn l-applikazzjonijiet u l-oqsma ġudizzjarji.

6.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2) tenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma fost l-objettivi ewlenin tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

7.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għamlu sforzi sinifikanti biex iħaffu l-proċess ta' diġitalizzazzjoni u biex irawmu l-użu tas-servizzi diġitali fil-Ġustizzja elettronika sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

8.

Wara l-Komunikazzjoni, l-enfasi tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea fuq il-Ġustizzja elettronika tqiegħdet b'mod sod fuq azzjoni leġiżlattiva.

9.

L-adozzjoni tar-Regolament dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta' data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX) (3) pprovdiet qafas xieraq għall-iskambju ta' informazzjoni ġudizzjarja permezz ta' servizzi siguri.

10.

Ir-Regolamenti dwar in-Notifika ta' Dokumenti (4) u l-Kumpilazzjoni ta' Xhieda (5) jistabbilixxu qafas legali għad-diġitalizzazzjoni ta' dawn iż-żewġ strumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali li skonthom l-użu tas-sistema tal-IT deċentralizzata b'punti ta' aċċess interoperabbli bbażata fuq e-CODEX għal komunikazzjonijiet rilevanti ser ikun obbligatorju minn Mejju 2025. Ir-Regolament dwar l-Evidenza Elettronika (6) huwa strument ta' kooperazzjoni ulterjuri li jiddiġitalizza l-komunikazzjoni f'materji kriminali.

11.

Ir-Regolament u d-Direttiva dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera u l-aċċess għall-ġustizzja (il-“Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni”) (7) huma pilastri ewlenin li fuqhom ser tkun ibbażata l-Ġustizzja elettronika fis-snin li ġejjin. L-implimentazzjoni ta' dawn l-atti legali ser tkun il-prijorità ewlenija għall-perjodu kopert minn din l-Istrateġija. L-atti ta' implimentazzjoni għall-24 strument legali kopert mill-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni ser ikollhom jiġu diskussi fil-kumitati mar-rappreżentanti tal-Istati Membri. Is-sistema tal-IT deċentralizzata għal dawk l-istrumenti ser ikollha tiġi stabbilita permezz ta' punti ta' aċċess nazzjonali, li jgħaqqdu l-każijiet tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza u/jew soluzzjonijiet nazzjonali. Fl-istess waqt, il-prinċipji tal-komunikazzjoni elettronika kif ukoll il-punt ta' aċċess elettroniku Ewropew stabbiliti fil-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni għandhom jitqiesu bħala bażi għal kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika Ewropea.

12.

Riżultat tal-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u r-rappreżentanti legali tagħhom ser ikunu jistgħu jikkomunikaw b'mod elettroniku permezz tal-punt ta' aċċess elettroniku Ewropew. L-awtoritajiet ser ikunu jistgħu jiskambjaw data dwar materji ċivili, kummerċjali u kriminali b'implikazzjonijiet transfruntiera permezz ta' kanali diġitali siguri u affidabbli.

13.

L-inizjattivi leġiżlattivi msemmija hawn fuq, kif ukoll atti leġiżlattivi oħra li jrawmu d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, huma akkumpanjati minn għadd ta' inizjattivi mhux leġiżlattivi rilevanti, inkluż il-konsolidazzjoni tal-użu u l-iżvilupp tas-sistema e-CODEX, li għandhom jiġu rregolati u miżmuma mill-eu-LISA wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-tlestija b'suċċess tal-proċess ta' trasferiment/akkwiżizzjoni fl-2024.

14.

Ir-rwol tal-Istati Membri ser ikun daqstant importanti, peress li l-konnessjoni mal-e-CODEX tibqa' prerogattiva nazzjonali. L-interkonnessjoni ta' sistemi nazzjonali addizzjonali permezz tal-e-CODEX turi li l-awtoritajiet kompetenti, il-professjonisti legali u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jinteraġixxu b'mod rapidu, sigur u affidabbli. Filwaqt li tkompli fuq l-e-CODEX, is-Sistema ta' Skambju Diġitali ta' Evidenza Elettronika (eEDES) qed timmatura fis-software ta' implimentazzjoni ta' referenza, u l-iskambju ta' strumenti bħall-Ordnijiet ta' Investigazzjoni Ewropej bejn diversi Stati Membri huwa diġà realtà llum.

15.

Dan kollu ta' hawn fuq juri l-impetu sinifikanti li ngħata lill-qasam tal-Ġustizzja elettronika u kif qed jimxi progressivament minn approċċ ibbażat fuq il-parteċipazzjoni volontarja f'inizjattivi ta' diġitalizzazzjoni għal approċċ obbligatorju bbażat fuq atti leġiżlattivi li jipprovdu ċertezza legali akbar. Dan juri wkoll il-progress li sar fit-tisħiħ tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.

16.

Bla dubju, l-Unjoni Ewropea għadha qed tiffaċċa sfidi fl-iżvilupp ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja. Dawn l-isfidi huma wkoll opportunità importanti, u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jkomplu l-ħidma tagħhom biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-ġustizzja. Il-qafas legali sod u ż-żieda fil-maturità ta' xi wħud mis-sistemi elettroniċi ewlenin huma kruċjali għal dan l-isforz.

B.    Kamp ta' applikazzjoni

17.

Din l-Istrateġija tapplika għall-Istati Membri kollha u għandha sservi ta' ispirazzjoni għall-atturi kollha tal-Unjoni Ewropea involuti fil-proċess tat-trasformazzjoni diġitali fil-qasam tal-ġustizzja.

18.

Din tapplika mill-2024 sal-2028. Minħabba l-ħeffa tal-iżviluppi teknoloġiċi, ikun utli li jsir rieżami li jippermetti aġġustament tal-objettivi strateġiċi u tal-azzjonijiet relatati. Evalwazzjoni u reviżjoni possibbli għandhom għalhekk jitwettqu fit-tieni nofs tal-2026, sabiex jadattaw, jekk ikun meħtieġ, għall-isfidi u l-kapaċitajiet li jkunu qed jevolvu.

C.    Għan tal-Istrateġija

19.

Din l-Istrateġija għandha tiggwida t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja fil-qasam tal-ġustizzja madwar l-Unjoni Ewropea.

20.

B'mod partikolari, din l-Istrateġija għandha l-għan li tidentifika l-objettivi strateġiċi u operazzjonali u l-prinċipji li għandhom jiġu rrispettati meta jitwettaq dan il-proċess ta' trasformazzjoni diġitali, sabiex ikun hemm fis-seħħ miżuri organizzattivi u metodoloġiċi, sabiex jiġu identifikati l-faċilitaturi ewlenin li jiffaċilitaw u jrawmu d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll li jippromwovu mekkaniżmi li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u s-segwitu tal-progress fl-inizjattivi tal-Ġustizzja elettronika.

21.

Għandhom jiġu kkunsidrati azzjonijiet speċifiċi relatati ma' kwistjonijiet li jinqalgħu fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali (vidjokonferenzi, fajls diġitali, eċċ.), filwaqt li jippermettu l-flessibbiltà biex jiġu inkorporati azzjonijiet ġodda b'rispons għall-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati minn teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali (IA).

22.

B'mod partikolari, dawn l-objettivi għandhomjiġu segwiti b'mod parallel fil-ġustizzja ċivili u kriminali, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet speċifiċi għat-trasformazzjoni diġitali f'dawn iż-żewġ oqsma tal-ġustizzja.

23.

Dawn l-objettivi u l-azzjonijiet assoċjati magħhom għandhom ikunu akkumpanjati minn proċess ta' segwitu biex jiġu evalwati l-implimentazzjoni u l-effettività tagħhom. Għalhekk, ikun utli li jinħoloq mekkaniżmu kollaborattiv ta' segwitu biex jiġi analizzat u evalwat il-progress. Dan l-eżerċizzju kollaborattiv għandu jippermetti li l-progress jiġi rintraċċat billi tinġabar informazzjoni dwar proġetti u inizjattivi rilevanti li jew huma ffinanzjati taħt programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jew iffinanzjati nazzjonalment, kif ukoll billi jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri.

24.

Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja toffri benefiċċji konkreti u dejjiema billi tnaqqas l-ispejjeż relatati mal-aċċess għall-ġustizzja u l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji, l-investimenti f'diversi azzjonijiet jistgħu ikunu jeħtieġu finanzjament. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jfittxu finanzjament għal azzjonijiet relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja permezz tad-diversi strumenti finanzjarji inklużi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament.

II.   Prinċipji

A.    Prinċipji sostanzjali

a.   Rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali

25.

Il-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni teħtieġ enfasi qawwija fuq l-effettività tal-protezzjoni garantita mid-drittijiet fundamentali eżistenti. Inizjattivi fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali tal-ġustizzja jeħtieġ li jirrispettaw l-indipendenza ġudizzjarja u l-konformità mal-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li huma komuni għall-Istati Membri. Inizjattivi bħal dawn għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni bir-reqqa tal-punt sa fejn jipproteġu d-drittijiet ta' kulħadd. Għandha tittieħed azzjoni b'mod partikolari fil-kuntest tal-ġustizzja kriminali, fejn l-użu ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni mill-bogħod jista' jippreżenta riskji serji għad-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati, b'mod partikolari d-dritt għal proċess ġust, id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess u d-dritt tad-difiża. Barra minn hekk, il-ħolqien ta' teknoloġiji innovattivi jista' jwassal għal sfidi u riskji fundamentalment ġodda, pereżempju, ksur taċ-ċibersigurtà, approfondiment tad-distakk diġitali jew diskriminazzjoni inkonxja minħabba algoritmi jew settijiet ta' data preġudikati.

b.   Aċċess għall-ġustizzja

26.

L-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali ulterjuri u element ewlieni tal-istat tad-dritt. It-trasformazzjoni diġitali ta' dawn l-aħħar deċennji biddlet ħajjet in-nies b'mod profond u ser tkompli tagħmel dan. Is-sistemi ġudizzjarji qed jiffaċċaw dawn id-domandi li qed jevolvu, u qed jagħmlu l-possibbiltajiet teknoloġiċi adatti disponibbli għaċ-ċittadini. Id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, kif ukoll l-użu tal-IA fis-sistemi ġudizzjarji, għandhom potenzjal enormi biex ikomplu jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea kollha. Pereżempju, hemm każijiet fejn l-IA tista' tintuża għal skopijiet b'riskju baxx u tkun ta' għajnuna kbira kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

c.   Ċentriċità fuq in-nies

27.

F'konformità mad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (8), kwalunkwe sforz fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja għandu jkun iffukat fuq il-ħtiġijiet tan-nies. In-nies huma fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea.

28.

Is-servizzi ċċentrati fuq in-nies huma aċċessibbli għal kulħadd, mfassla għall-ħtiġijiet tan-nies u jikkonformaw ma' standards ta' kwalità għolja. Il-ħtiġijiet tal-persuni kollha, inkluż dawk li ma għandhomx ħiliet jew għodod diġitali, għandhom jiġu ssodisfati b'mod ugwali billi jiġu permessi parteċipazzjoni u involviment effettivi fi proċedimenti ġudizzjarji. Iċ-ċaqliq tal-enfasi fuq il-perspettiva tan-nies u li s-sistemi ġudizzjarji jsiru aktar aċċessibbli, effettivi u trasparenti għalhekk ser ikunu essenzjali għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn in-nies u l-istituzzjonijiet pubbliċi.

d.   Jitnaqqas id-distakk diġitali

29.

Biex jiġi promoss xenarju ġust u bbilanċjat tal-ġustizzja madwar l-Ewropa, huwa essenzjali li jitnaqqas id-distakk diġitali li joħloq inugwaljanza fl-aċċess għall-ġustizzja. Dan mhuwiex biss sors potenzjali ta' esklużjoni għaċ-ċittadini, iżda wkoll ostaklu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. Dan il-prinċipju jkopri wkoll il-ħtieġa li ssir ħidma lejn livell allinjat ta' diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri kollha tal-UE. Billi nikkondividu l-aħjar prattiki u sforzi, nistgħu kollettivament navvanzaw it-trasformazzjoni diġitali tal-ġustizzja, filwaqt li nżommu perspettiva ċċentrata fuq in-nies, filwaqt li niżguraw li jiġu protetti u rispettati d-drittijiet ta' kulħadd.

e.   Awtonomizzazzjoni diġitali tal-utenti

30.

46 % taċ-ċittadini Ewropej (9) bħalissa m'għandhomx ħiliet u riżorsi diġitali bażiċi. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, huma għandhom jiġu pprovduti bil-ħiliet diġitali meħtieġa biex jaċċessaw is-servizzi diġitali. It-trasformazzjoni diġitali tal-ġustizzja trid għalhekk tinkludi l-awtonomizzazzjoni diġitali tal-utenti u l-bini tal-kapaċitajiet tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-taħriġ għall-professjonisti tal-ġustizzja. Il-promozzjoni tal-użu ta' għodod u riżorsi diġitali fost il-professjonisti tal-ġustizzja ser ittejjeb il-kapaċità tagħhom li jinnavigaw kemm l-oqfsa legali nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej b'mod effettiv, u b'hekk tiġi żgurata l-konsistenza.

f.   Sostenibbiltà

31.

Kull servizz tal-Ġustizzja elettronika għandu jiġi implimentat u operat b'mod sostenibbli, li jfisser li l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali tiegħu jista' jiġi mbassar u sostnut fit-tul.

B.    Prinċipji ta' tħaddim

a.   Prinċipju ta' darba biss

32.

Il-prinċipju ta' “darba biss” għandu jingħata kunsiderazzjoni partikolari meta jiġu pprovduti servizzi ġudizzjarji, sabiex jiġu evitati proċeduri żejda u piżijiet bla bżonn fuq iċ-ċittadini u biex isir tentattiv ta' użu mill-ġdid, fejn possibbli, ta' informazzjoni li tkun għadha valida mdaħħla fis-sistema. Il-prinċipju ta' darba biss japplika filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt għall-privatezza tad-data u d-dritt li wieħed jintesa.

b.   Diġitali b'mod awtomatiku

33.

It-tħaddin ta' approċċ “diġitali b'mod awtomatiku” ser jissimplifika l-proċessi, inaqqas il-burokrazija u jtejjeb l-effiċjenza ġenerali tal-proċedimenti legali. Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi legali ser twitti t-triq għal sistema ġudizzjarja aktar aċċessibbli u faċli għall-utent, li tkun ta' benefiċċju kemm għall-professjonisti legali kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Din is-sistema ġudizzjarja ġdida għandha tkun maħsuba bħala servizz diġitali, għalkemm jeħtieġ li jinżammu alternattivi mhux diġitali sabiex dawk li ma jipparteċipawx bis-sħiħ fl-iżviluppi teknoloġiċi jingħataw protezzjoni legali effettiva u aċċess għall-ġustizzja.

c.   Interoperabbiltà u ċibersigurtà

34.

F'dinja fejn l-informazzjoni tiċċirkola liberament, l-iżgurar tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi ġudizzjarji huwa kruċjali (10). Il-prijoritizzazzjoni tal-interoperabbiltà ser tippermetti komunikazzjoni u skambju ta' data mingħajr xkiel bejn sistemi differenti, ittejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn diversi entitajiet u istituzzjonijiet legali u b'hekk tneħħi l-ostakli bejn is-sistemi legali nazzjonali differenti.

35.

Barra minn hekk, l-interoperabbiltà ttaffi r-riskji taċ-ċibersigurtà u l-effetti ta' lock-in li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ koordinat fost l-Istati Membri. L-użu tat-teknoloġiji diġitali fil-qasam tal-ġustizzja huwa kwistjoni sensittiva ħafna, u għalhekk l-istandards tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku jridu jiġu ssodisfati fir-rigward tas-sigurtà tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà (11), u l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data trid tiġi rispettata bis-sħiħ.

d.   Ġustizzja dinamika

36.

Il-ġustizzja trid tkun flessibbli u adattiva għall-ħtiġijiet tas-soċjetà li dejjem jinbidlu. Billi nikkunsidraw iċ-ċirkostanzi uniċi tal-individwi u l-istituzzjonijiet, inkluż il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom, u billi nimmaniġġaw il-bidla b'mod effettiv, nistgħu nibnu sistema ġudizzjarja aktar reżiljenti u reattiva li tadatta għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-utenti.

37.

It-teknoloġiji u d-data diġitali jista' jkollhom rwol ewlieni f'dan il-proċess. Id-diġitalizzazzjoni, l-analiżi tad-data u l-IA qed isiru dejjem aktar integrati fis-servizzi tal-ġustizzja, bl-għan li jittejbu l-effiċjenza u l-effettività. Il-pandemija tal-COVID-19 ikkontestat il-prestazzjoni tas-servizzi tal-ġustizzja u aċċellerat it-trasformazzjoni diġitali ta' tali servizzi, filwaqt li fl-istess ħin żvelat il-mistoqsijiet li qajmet tali bidla.

e.   Ġustizzja mmexxija mid-data

38.

L-importanza ta' deċiżjonijiet immexxija mid-data hija bla dubju. Għalhekk, l-inizjattivi għandhom jinkludu l-ġbir tad-data u l-analiżi tad-data, fost affarijiet oħra, peress li dawn huma essenzjali biex l-azzjoni tiġi ggwidata b'mod adegwat, filwaqt li jiġu indirizzati r-riskji assoċjati possibbli bħad-data jew il-preġudizzji teknoloġiċi.

39.

L-għan għandu jkun ukoll li jiżdied il-livell ta' trasparenza tas-sistemi ġudizzjarji, sabiex tiżdied il-fiduċja tan-nies fil-ġustizzja. L-inkoraġġiment tal-aċċess għal data tal-ġustizzja miftuħa jista' jservi bħala mezz biex in-nies u n-negozji jingħataw is-setgħa, u b'hekk jiżdiedu, fost affarijiet oħra, il-possibbiltajiet għal soluzzjoni awtonoma tat-tilwim. L-aċċess għad-data tal-ġustizzja jista' jikkontribwixxi wkoll għall-adozzjoni ta' miżuri aktar immirati bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-isfidi identifikati, kif ukoll jgħin biex jispjega l-azzjonijiet meħuda. Huwa importanti li tinfetaħ data dwar il-ġustizzja biex tippermetti inizjattivi ġodda u biex trawwem sinerġiji bejn inizjattivi bħal dawn.

40.

Protezzjoni tad-data u ċibersigurtà adegwati jridu jiġu żgurati, fi kwalunkwe każ.

f.   Sors miftuħ

41.

Hemm rikonoxximent dejjem akbar fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tal-importanza li jinħoloq u jintuża software taħt liċenzji ta' sors miftuħ fil-kuntest ta' qafas xieraq għall-protezzjoni tad-data. Il-benefiċċji ta' sors miftuħ – bħal kost totali aktar baxx tas-sjieda, stimulazzjoni tal-innovazzjoni, u trasparenza u interoperabbiltà mtejba – huma rilevanti ħafna għas-settur tal-ġustizzja. Barra minn hekk, sors miftuħ jista' jikkontribwixxi għall-iskrutinju tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji u l-fiduċja fihom.

III.   Objettivi strateġiċi u operazzjonali

42.

L-objettiv ġenerali tal-Ġustizzja elettronika għandu dejjem ikun li ttejjeb il-forniment ta' servizzi ġudizzjarji lill-pubbliku bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fid-dawl ta' dan, għandhom jiġu segwiti l-objettivi strateġiċi li ġejjin:

(a)

Titjib tal-aċċess għall-ġustizzja diġitali

(b)

Tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali

(c)

Il-ġustizzja diġitali ssir aktar effiċjenti

(d)

Promozzjoni ta' ġustizzja diġitali innovattiva

43.

Dawn l-objettivi strateġiċi jistgħu jinqasmu fl-objettivi operazzjonali li ġejjin:

A.    Titjib tal-aċċess għall-ġustizzja diġitali

44.

Il-ġustizzja diġitali ċċentrata fuq in-nies teħtieġ li l-atturi kollha u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati, mingħajr ma ħadd jitħalla jibqa' lura. Dan l-objettiv strateġiku jista' jinqasam f'bosta objettivi operazzjonali.

i.   Promozzjoni tal-aċċess universali għall-ġustizzja diġitali

45.

L-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali u wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt. Għalhekk, l-iżgurar ta' aċċess universali għall-ġustizzja, inkluż il-ġustizzja diġitali, fl-Unjoni Ewropea għandu jkun objettiv ewlieni.

46.

Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kulħadd, il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (12) u s-servizzi anċillari kollha tiegħu, inkluż il-punt ta' aċċess elettroniku Ewropew li jmiss, huma ta' importanza kbira bħala punt uniku ta' servizz għas-servizzi tal-ġustizzja diġitali.

ii.   Promozzjoni ta' servizzi ta' ġustizzja diġitali b'valur miżjud

47.

Is-servizzi tal-ġustizzja għandhom dejjem jitfasslu mill-perspettiva tal-individwi u l-professjonisti tal-ġustizzja, sabiex ikunu funzjonali u joffru valur miżjud reali lill-utenti.

iii.   Titjib u promozzjoni tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika u l-EUR-Lex

48.

Il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika u l-EUR-Lex urew li huma siewja biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja u jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji. Dawn jipprovdu aċċess għal informazzjoni diversa u jospitaw diversi sistemi online. Dawn huma aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

49.

Fil-passat, l-isforzi ffukaw fuq iż-żieda tal-kwantità ta' informazzjoni disponibbli fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika. Issa, jeħtieġ li l-ħidma tiffoka fuq it-titjib tal-istruttura tal-Portal sabiex il-kontenut ikun faċilment aċċessibbli għal kulħadd, bl-użu ta' lingwaġġ sempliċi li kulħadd jista' jifhem. L-għan huwa Portal tal-Ġustizzja Elettronika attraenti, simplifikat u aċċessibbli. Huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jkomplu jikkomunikaw u jippromwovu l-Portal lill-persuni, lin-negozji u lill-professjonisti tal-ġustizzja.

iv.   Tnaqqis tad-distakk diġitali għall-aċċess għall-ġustizzja diġitali

50.

L-aċċess universali għas-servizzi tal-ġustizzja diġitali jirrikjedi l-eliminazzjoni tal-ostakli eżistenti kollha li jipprevjenu li tali servizzi jiġu aċċessati min-nies kollha fuq termini ugwali.

51.

L-iżgurar tal-aċċessibbiltà tal-għodod tal-ġustizzja diġitali u n-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-ġustizzja diġitali mill-fażi tat-tfassil huwa tal-akbar importanza biex jintlaħaq dan l-għan.

v.   Għoti tas-setgħa lil persuni, negozji u professjonisti tal-ġustizzja

52.

L-attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet u ta' taħriġ ser jgħinu lill-utenti jaħtfu l-opportunitajiet ippreżentati mit-trasformazzjoni diġitali, billi jipprovdulhom servizzi pubbliċi effettivi u ta' kwalità għolja fil-qasam tal-ġustizzja. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-taħriġ inizjali u kontinwu mogħti lill-professjonisti tal-ġustizzja, li jappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet professjonali diġitali, f'konformità mal-istrateġiji Ewropej għat-taħriġ ġudizzjarju.

B.    Tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali

53.

Ħafna mill-objettivi ewlenin tal-ġustizzja diġitali kooperattiva ġew stabbiliti fi strumenti legali, b'mod partikolari fil-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni.

54.

Parti sinifikanti mill-isforzi tal-Istati Membri ser tkun neċessarjament iddedikata, fis-snin li ġejjin, għall-konformità mal-għanijiet ambizzjużi stabbiliti f'dak il-Pakkett, iżda jistgħu jinqalgħu sfidi addizzjonali fil-kuntest tat-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali.

i.   Titjib tal-interoperabbiltà transfruntiera

55.

L-atti leġiżlattivi dwar id-diġitalizzazzjoni, bħall-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni u r-Regolament e-CODEX, iwittu t-triq għall-interoperabbiltà ġudizzjarja transfruntiera, filwaqt li jipproponu d-diġitalizzazzjoni ta' aktar minn 20 strument ta' kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni għandu jservi bħala referenza għal kwalunkwe leġiżlazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika fl-Unjoni Ewropea.

56.

Barra minn hekk, l-inizjattivi ta' suċċess tal-Istati Membri li jiskambjaw każijiet reali fuq e-CODEX bl-użu tas-sistemi nazzjonali tagħhom jew tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea juru l-pilastri li bihom ser tiġi appoġġata t-trasformazzjoni diġitali tal-komunikazzjonijiet ġudizzjarji. Fid-dawl ta' dan, għandha tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-livell tad-data u dak funzjonali bejn is-sistemi tal-Istati Membri kif ukoll mas-sistemi tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni Ewropea.

57.

Kif diġà ssemma, wieħed mill-kompiti prijoritarji li għandu jiġi indirizzati ser ikun l-implimentazzjoni tal-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni. Dan ser jirrikjedi l-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni għal 24 strument legali f'materji ċivili, kummerċjali u kriminali u l-iżvilupp tas-sistemi tal-IT deċentralizzati korrispondenti li jikkonsisti f'implimentazzjoni ta' referenza u/jew implimentazzjonijiet nazzjonali. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni ser jiġu adottati f'erba' lottijiet bejn issa u tmiem il-perjodu tal-Istrateġija fl-2028, u kull waħda mis-sistemi tal-IT korrispondenti ser tibda topera sentejn wara l-adozzjoni tal-lott rilevanti. Il-kisba ta' dan ser tirrikjedi investiment konsiderevoli f'termini ta' ħin u riżorsi mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-eu-LISA. Huwa kruċjali li l-atturi kollha jimpenjaw ruħhom għal dan il-kompitu u, fost affarijiet oħra, jaħtru esperti kompetenti biex jiddiskutu d-diġitalizzazzjoni tal-istrumenti legali rilevanti.

58.

Fl-aħħar nett, id-diġitalizzazzjoni standardizzata tal-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ser twitti t-triq għall-interoperabbiltà futura tal-ġustizzja ma' oqsma oħra.

ii.   Servizzi ta' komunikazzjoni f'ħin reali

59.

F'dinja diġitali li qed tevolvi, is-servizzi ta' komunikazzjoni f'ħin reali għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali. Wieħed minn dawn is-servizzi huwa l-vidjokonferenzi, fejn diġà qed isir progress mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew f'dak tal-Unjoni Ewropea.

60.

Il-ħafna sfidi li ġejjin, bħall-identifikazzjoni tal-parteċipanti, u l-importanza mogħtija lill-vidjokonferenzi fil-Pakkett tad-Diġitalizzazzjoni jiggarantixxu li dan l-objettiv ser ikompli jkun importanti fis-snin li ġejjin. Eżempju ieħor huwa l-interpretazzjoni diġitali f'ħin reali bl-użu tal-IA, li, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qed tinstema', tista' tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest ta' seduti ta' smigħ bi preżenza fiżika u mill-bogħod filwaqt li jiġu evitati l-ispejjeż, id-dewmien u d-diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-interpreti.

C.    Il-ġustizzja diġitali ssir aktar effiċjenti

61.

L-effiċjenza għandha ħafna aspetti, iżda kollha jwasslu għal Unjoni Ewropea aħjar u aktar sostenibbli.

i.   Promozzjoni tal-ġustizzja orjentata lejn id-data

62.

Il-ħolqien ta' ġustizzja orjentata lejn id-data għandu jitqies bħala għan trasversali ta' importanza ewlenija minn ħafna perspettivi. Id-data tippreżenta opportunitajiet kbar biex jittejbu l-effiċjenza u l-kwalità tas-settur tal-ġustizzja:

a)

Minn perspettiva ġenerali, il-ftuħ tad-data tal-ġustizzja, filwaqt li jitqiesu r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, irawwem it-trasparenza, li huwa valur fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

b)

Minn perspettiva ekonomika, id-data miftuħa tippermetti l-ġenerazzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, peress li d-data tikkontribwixxi għall-biċċa l-kbira tal-faċilitaturi diġitali ewlenin tagħna, bħall-IA.

c)

L-iżvilupp tas-sistemi tal-IA jiddependi, fil-biċċa l-kbira, mid-disponibbiltà komprensiva ta' settijiet tad-data kbar, strutturati u li jinqraw mill-magni. Meta jiġi deċiż li din id-data ssir pubblika, trid tingħata attenzjoni biex kemm jista' jkun jittaffew il-preġudizzji mhux intenzjonati u jitnaqqas ir-riskju ta' diskriminazzjoni involontarja.

d)

Minn perspettiva teknoloġika, l-orjentazzjoni tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ġustizzja lejn id-data tiffaċilita l-interoperabbiltà.

e)

Minn perspettiva amministrattiva, l-orjentazzjoni tal-inizjattivi lejn id-data tikkontribwixxi għal teħid ta' deċiżjonijiet infurmat u għażla aħjar tal-prijoritajiet.

f)

Minn perspettiva soċjali, l-orjentazzjoni tal-inizjattivi għad-data tgħin biex jiġu enfasizzati l-benefiċċji tal-ġustizzja diġitali (pereżempju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, it-tnaqqis fl-ivvjaġġar, eċċ.).

ii.   Teknoloġiji għall-effiċjenza tal-ġustizzja diġitali

63.

Jeżistu teknoloġiji li jtejbu b'mod ċar l-effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja. Bħala lista mhux eżawrjenti ta' għodod biex tiżdied b'suċċess l-effiċjenza, ta' min jenfasizza teknoloġiji bħall-anonimizzazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati, l-allokazzjoni awtomatika tal-kawżi, l-għodod ta' traskrizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-proċedimenti u l-evidenza miġbura mill-qorti, l-awtomatizzazzjoni robotika tal-proċessi, u l-għodod online għas-soluzzjoni tat-tilwim.

64.

Dawn it-teknoloġiji u ħafna oħrajn jgħinu biex jitjiebu l-proċessi eżistenti u tiżdied l-effiċjenza tal-ġustizzja, filwaqt li l-ħaddiema tal-qorti ikunu jistgħu jindirizzaw kompiti b'valur miżjud ogħla.

iii.   Promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni ta' xi attivitajiet wiċċ imb wiċċ fil-ġustizzja

65.

Id-dinja qed tevolvi malajr lejn diġitalizzazzjoni sħiħa, u l-qasam tal-ġustizzja jrid jadatta għal din ir-realtà. F'dan ir-rigward, bħala lista mhux eżawrjenti ta' eżempji, l-assistenza wiċċ imb wiċċ liċ-ċittadini, il-proċeduri amministrattivi obbligatorji wiċċ imb wiċċ jew il-proċeduri ġudizzjarji kompletament wiċċ imb wiċċ jista' jkollhom bżonn jiġu kkunsidrati mill-ġdid.

66.

Dan ma jfissirx li l-kanali wiċċ imb wiċċ għandhom jiġu abbandunati. Il-kuntatt wiċċ imb wiċċ huwa essenzjali f'ċerti każijiet u joħloq impressjoni ta' ġustizzja umana. Madankollu, il-kanali diġitali għandhom jintużaw aktar.

D.    Promozzjoni ta' ġustizzja diġitali innovattiva

67.

It-teknoloġiji l-ġodda ma għandhomx ifixklu d-drittijiet tal-individwi, u jridu jintużaw b'rispett sħiħ tad-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal difiża kif minqux fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

68.

F'dak is-sens, l-Unjoni Ewropea ħadet rwol ewlieni fir-rikonċiljazzjoni tat-teknoloġiji trasformattivi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u fl-iżgurar ta' salvagwardji kontra riskji possibbli.

i.   Ingranaġġ ta' teknoloġiji innovattivi

69.

It-tħaddin ta' teknoloġiji innovattivi bħala opportunitajiet biex il-ġustizzja titqarreb lejn iċ-ċittadini, biex jissaħħaħ il-funzjonament tal-qrati u biex l-imħallfin jiġu assistiti fil-ħidma tagħhom ta' kuljum, fost eżempji oħra, huwa objettiv fundamentali. Dan għandu jsir b'mod responsabbli li jirrispetta r-regoli u l-valuri tal-Unjoni Ewropea.

ii.   Promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenzi innovattivi

70.

L-innovazzjoni mhijiex biss dwar it-tfixkil u t-teknoloġiji emerġenti. Tip ta' innovazzjoni hija wkoll li l-affarijiet isiru b'mod differenti, speċjalment jekk dan iwassal għal titjib fil-qasam tal-ġustizzja.

71.

Għalhekk, il-promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenzi innovattivi fost l-Istati Membri tista' tkun ta' benefiċċju reċiproku kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. Pereżempju, il-konferenzi organizzati mill-Presidenzi b'rotazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll il-webinars organizzati mill-Kummissjoni Ewropea dwar użi differenti għall-IA fil-qasam tal-ġustizzja jew fora oħra li jinvolvu esperti, kienu ta' suċċess kbir.

72.

Dan kollu għandu jirriżulta f'benefiċċji tanġibbli għal kulħadd (professjonisti tal-ġustizzja, negozji, ċittadini, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea), jaċċellera t-trasformazzjoni diġitali, itejjeb l-effiċjenza, iwassal għall-ġbir ta' esperjenza siewja, itejjeb l-aċċess għall-informazzjoni ġudizzjarja, jiffaċilita l-ipproċessar ta' kawżi ġudizzjarji transfruntiera u jarmonizza l-kunċetti u l-proċeduri ġudizzjarji madwar l-Unjoni Ewropea.

73.

Il-korp preparatorju tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jittratta l-Ġustizzja elettronika stabbilixxa ruħu bħala forum għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet importanti relatati ma' sfidi legali u fattwali. L-avvanzi esponenzjali fis-suq tat-teknoloġija legali għandhom il-potenzjal li jittrasformaw il-mod li bih tiffunzjona s-soċjetà u speċifikament is-sistema ġudizzjarja. Kwistjonijiet fundamentali relatati mal-applikazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji trasformattivi għandhom jiġu indirizzati fil-Grupp ta' Ħidma rilevanti.

IV.   Pjan ta' azzjoni

A.    Fini

74.

Dan il-pjan ta' azzjoni għandu l-għan li jidentifika l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi deskritti fl-Istrateġija. Għal dan l-għan, jippermetti l-inkorporazzjoni dinamika ta' azzjonijiet biex jiġu allinjati kemm mal-attivitajiet li għaddejjin kif ukoll mal-attivitajiet skedati għas-snin li ġejjin jew li għadhom mhumiex magħrufa. Barra minn hekk, jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti aġġornamenti regolari tal-inizjattivi meħuda biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fit-taqsima 3 ta' din l-Istrateġija.

75.

Il-pjan ta' azzjoni jidentifika l-azzjonijiet u l-oqsma ta' ħidma li għaddejjin u dawk mistennija. L-azzjonijiet, il-proġetti u l-inizjattivi kollha, kemm jekk inklużi fil-pjan ta' azzjoni kif ukoll jekk huma ppjanati għall-inklużjoni, għandhom jimmiraw lejn il-kisba ta' dawn l-objettivi filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fit-taqsima 2 ta' din l-Istrateġija.

76.

Il-proġetti u l-inizjattivi tal-Ġustizzja elettronika huma msejsa fuq il-prinċipju ta' azzjoni volontarja, ħlief f'każijiet fejn strument legali speċifiku jimponi obbligi. Kemm l-azzjonijiet obbligatorji (dawk li joriġinaw minn atti legali), kif ukoll l-azzjonijiet mhux obbligatorji huma marbuta ma' qasam ta' ħidma wieħed jew aktar.

77.

Il-pjan ta' azzjoni għandu l-għan li jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tal-isforzi li nbdew taħt il-pjan ta' azzjoni preċedenti (Pjan ta' Azzjoni 2019-2023), filwaqt li jadotta approċċ aktar flessibbli. Minflok ma jelenka proġetti u inizjattivi speċifiċi, jiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-azzjonijiet li fihom jistgħu jiġu inklużi proġetti u inizjattivi differenti.

78.

Dan l-approċċ għandu l-għan li jistruttura aħjar il-ħidma f'termini ta' sinerġiji, koordinazzjoni, monitoraġġ u rappurtar, sabiex tiġi ffaċilitata l-governanza ġenerali u tinżamm il-flessibbiltà.

B.    Identifikazzjoni tal-oqsma u l-azzjonijiet ta' ħidma

79.

L-oqsma ta' ħidma ewlenin li ġew identifikati fil-qasam tal-Ġustizzja elettronika huma dawn li ġejjin:

1)

e-CODEX: żvilupp ulterjuri tas-sistema tal-IT deċentralizzata, inkluż l-interoperabbiltà u l-profili u l-karatteristiċi ta' sigurtà

2)

Portal tal-Ġustizzja elettronika: servizzi tal-informazzjoni u interkonnessjonijiet ma' sorsi esterni

3)

Punti ta' aċċess elettroniċi: portali proċedurali u servizzi ta' interfaċċa tal-utent relatati

4)

Applikazzjonijiet f'Ħin Reali: vidjokonferenzi, traduzzjoni u traskrizzjoni bil-magni, interpretazzjoni u servizzi ta' applikazzjonijiet f'ħin reali oħra

5)

Data: liġi u każistika; data legali u ġudizzjarja

6)

L-IA u servizzi innovattivi oħra tal-IT fil-qasam tal-ġustizzja

7)

Oqsma oħra ta' ħidma

80.

Dawn l-oqsma ta' ħidma jiġbru flimkien b'mod tematiku l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija.

81.

Il-kriterju fundamentali ġenerali għall-identifikazzjoni ta' azzjoni ġdida huwa l-allinjament tagħha ma' objettiv strateġiku u operazzjonali. L-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn il-kisba ta' dawn l-objettivi.

82.

Mingħajr preġudizzju għall-inklużjoni futura ta' azzjonijiet ġodda, it-tabella li ġejja tippreżenta lista komprensiva tal-azzjonijiet identifikati, ikkategorizzati skont l-oqsma ta' ħidma, li jew huma eżistenti jew mistennija fuq terminu qasir. Minħabba li proporzjon sinifikanti tal-isforzi li ġejjin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin jidderivaw minn atti legali, ċerti azzjonijiet huma derivati direttament minnhom.

83.

Mingħajr preġudizzju għall-atturi msemmija fil-ħames kolonna, irid jitqies li f'konformità mal-mandat tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma kompetenti għandu jsegwi d-diversi inizjattivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.

Objettivi strateġiċi

Objettivi operazzjonali

Qasam ta' ħidma ewlieni

Azzjonijiet

Atturi involuti

A.

Titjib tal-aċċess għall-ġustizzja diġitali

A.i.

Promozzjoni tal-aċċess universali għall-ġustizzja diġitali

2, 3

Disinn, implimentazzjoni u tħaddim tal-punt ta' aċċess elettroniku Ewropew u punti ta' aċċess elettroniku nazzjonali

KUMM (1)/SM (2)

 

A.ii.

Promozzjoni ta' servizzi ta' ġustizzja diġitali b'valur miżjud

Kollha

Valutazzjoni tal-benefiċċji għall-utenti finali

Ġbir tar-rispons mingħand l-utenti

KUMM/SM

 

A.iii.

Titjib u promozzjoni tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika u l-EUR-Lex

2, 5

Titjib tal-kontenut, l-aċċessibbiltà u l-operabbiltà tal-Portal tal-Ġustizzja elettronika

KUMM/SM

 

 

2, 5

Titjib tal-kontenut, l-aċċessibbiltà u l-operabbiltà tal-EUR-Lex

Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

 

A.iv.

Tnaqqis tad-distakk diġitali għall-aċċess għall-ġustizzja diġitali

7

Titjib tal-aċċessibbiltà tal-portali nazzjonali u servizzi oħra tal-Ġustizzja elettronika

KUMM/SM

 

 

2, 3, 4, 6

Assistenza lill-utenti permezz ta' assistenti ta' konverżazzjoni (chatbots, inkluż dawk li jaħdmu bl-IA), filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni ġudizzjarja

KUMM/SM

 

 

Kollha

Appoġġ għall-aċċess għal mezzi ta' materjal tal-IT għall-utenti

SM

 

 

7

Żgurar ta' aċċess ugwali għas-servizzi tal-ġustizzja diġitali madwar l-UE

KUMM/SM

 

A.v.

Għoti tas-setgħa lil persuni, negozji u professjonisti tal-ġustizzja

7

Taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja

KUMM/SM

 

 

7

Attivitajiet biex jittejbu l-ħiliet tal-utenti sabiex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja b'mezzi diġitali

KUMM/SM

B.

Tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja diġitali

B.i.

Titjib tal-interoperabbiltà transfruntiera

1

Disinn u ttestjar ta' każijiet ta' użu ġodda li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà

SM

 

 

1, 3, 4

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera (pereżempju, ir-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni u l-atti ta' implimentazzjoni tiegħu u leġiżlazzjoni attwali jew futura oħra tal-UE)

SM

 

 

1, 3

Introduzzjoni ta' punti ta' aċċess e-CODEX

SM

 

 

5

Interkonnessjoni tar-reġistri

KUMM/SM

 

 

1, 2, 5

Promozzjoni tal-użu tal-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI (3))

KUMM/SM

 

B.ii.

Servizzi ta' komunikazzjoni f'ħin reali

 

Promozzjoni tal-kmamar diġitali tal-qorti

SM

 

 

4

Titjib tal-interoperabbiltà tal-vidjokonferenzi (eż. rekwiżiti, standards jew għodod komuni għat-twettiq ta' seduti ta' smigħ mill-bogħod)

KUMM/SM

C.

Il-ġustizzja diġitali ssir aktar effiċjenti

C.i.

Promozzjoni tal-ġustizzja orjentata lejn id-data

5

Titjib tal-ġbir u l-użu ta' data legali u ġudizzjarja

SM/Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

 

 

5

Forniment ta' data miftuħa u trasparenza

SM/Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

 

C.ii.

Teknoloġiji għall-effiċjenza tal-ġustizzja diġitali

2, 3

Implimentazzjoni u promozzjoni tal-użu ta' firem u siġilli elettroniċi

Ġestjoni tal-identifikazzjoni u l-awtentiċità tal-utent

Ġestjoni tal-kunsens tal-utenti

KUMM/SM

KUMM/SM

KUMM/SM

 

 

2, 3

Jiġu permessi soluzzjonijiet li jippermettu l-ħlas elettroniku tat-tariffi

KUMM/SM

 

 

Kollha

Awtomatizzazzjoni tal-attivitajiet tal-ġustizzja

SM

 

C.iii.

Promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni ta' xi attivitajiet wiċċ imb wiċċ fil-ġustizzja

7

Żvilupp u promozzjoni ta' proċeduri diġitali remoti fil-ġustizzja (fejn possibbli)

SM

D.

Promozzjoni ta' ġustizzja diġitali innovattiva

D.i.

Ingranaġġ ta' teknoloġiji innovattivi

6

Identifikazzjoni ta' oqsma ta' applikazzjoni u l-applikazzjoni sikura tal-IA fil-qasam tal-ġustizzja, inkluż iżda mhux biss: għall-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji; bħala għodda ta' traskrizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-proċedimenti u d-dokumentazzjoni tal-evidenza miġbura mill-qorti (speech-to-text u text-to-speech); għat-traduzzjoni; għal analiżi legali ta' pereżempju, każistika u sorsi ta' big data; għall-kalkolu tal-intitolamenti għall-kumpens, pereżempju drittijiet tal-passiġġieri jew simili

KUMM/SM

 

D.ii.

Promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenzi innovattivi

Kollha

Kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-Grupp ta' Ħidma kompetenti tal-Kunsill u f'fora oħra

SM

 

 

Kollha

Faċilitazzjoni u skambju ta' informazzjoni dwar proġetti nazzjonali u multinazzjonali

SM

 

 

Kollha

Faċilitazzjoni tal-mutwalizzazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' soluzzjonijiet diġitali fost l-Istati Membri

SM

 

 

Kollha

Ħolqien ta' bullettin għall-kondiviżjoni tal-esperjenza dwar inizjattivi li għaddejjin, l-aħjar prattiki u l-aħħar żviluppi

SM/PRESIDENZA (4)

C.    Identifikazzjoni ta' proġetti u inizjattivi

84.

Il-kriterji għall-inklużjoni ta' proġett jew inizjattiva b'appoġġ għal azzjoni huma kif ġej:

a.

Il-proġett jew l-inizjattiva jridu jikkontribwixxu b'mod attiv għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija u jkunu relatati ma' azzjoni speċifika.

b.

Il-proġett jew l-inizjattiva ser tkun ospitata fi ħdan il-qasam ta' ħidma korrispondenti marbut mal-objettiv operazzjonali. Jekk il-qasam ta' ħidma ma jeżistix, dan jiġi kategorizzat taħt “oqsma ta' ħidma oħra”.

c.

Il-proġett jew l-inizjattiva trid trendi benefiċċji fil-qasam ta' ħidma deżinjat tagħha għall-akbar għadd possibbli ta' Stati Membri. Dan jimplika li r-riżultati u t-tagħlimiet meħuda għandhom jiġu kondiviżi mal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-qasam ta' ħidma.

d.

Il-proġett jew l-inizjattiva għandhom jaderixxu mar-regoli ta' rapportar, monitoraġġ u koordinazzjoni speċifiċi għall-qasam ta' ħidma rispettiv tagħhom.

85.

Dan l-approċċ jitbiegħed mill-metodoloġija tal-pjan ta' azzjoni preċedenti, li kien jinkludi lista eżawrjenti ta' proġetti. Minflok, jagħti prijorità lill-kapaċità ta' rispons fil-pront għal ċirkostanzi li jinbidlu bħall-introduzzjoni ta' atti legali ġodda, innovazzjonijiet teknoloġiċi jew ostakli mhux previsti.

V.   Mekkaniżmi ta' segwitu

86.

Din l-Istrateġija għandha l-għan li tistabbilixxi l-bażi għal mekkaniżmu ta' segwitu li jistabbilixxi kriterji pertinenti għall-monitoraġġ ta' proġetti u inizjattivi. Filwaqt li dan ifisser l-involviment attiv mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jitfassal b'tali mod li jevita l-impożizzjoni ta' piż amministrattiv żejjed.

87.

L-inkorporazzjoni ta' mekkaniżmu ta' segwitu uniformi għall-proġetti u l-inizjattivi kollha ser issaħħaħ azzjonijiet koordinati. Barra minn hekk, ser tissimplifika l-monitoraġġ tal-progress, l-istabbiliment tal-prijoritajiet, u l-ippjanar u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u/jew l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li timminimizza d-duplikazzjoni tal-isforzi.

88.

Meta jiġi identifikat proġett jew inizjattiva, dan għandu jiġi inkluż fil-mekkaniżmu ta' segwitu taħt l-objettiv strateġiku, l-objettiv operazzjonali u l-azzjoni korrispondenti. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għal kull proġett jew inizjattiva għandha tinkludi, mill-inqas:

a.

Deskrizzjoni

b.

Ambitu u għan

c.

Objettiv strateġiku u operazzjonali korrispondenti

d.

Qasam/oqsma ta' ħidma korrispondenti

e.

Benefiċċji mistennija

f.

Stati Membri u/jew organizzazzjonijiet parteċipanti, b'deskrizzjoni qasira tar-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' kull parti (speċjalment fejn għandhom rwoli differenti)

g.

Kronoloġija

h.

Sorsi ta' finanzjament (finanzjament tal-UE jew finanzjament ieħor)

i.

Interdipendenzi u sinerġiji potenzjali ma' proġetti oħra (jekk applikabbli)

j.

Status

89.

Din l-informazzjoni għandha tiġi aġġornata mill-persuni u l-entitajiet responsabbli għal kull proġett jew inizjattiva, mill-inqas darba fis-sena. Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rapportar applikabbli f'kuntesti oħra (pereżempju, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja) jew previsti f'atti leġiżlattivi, u d-duplikazzjoni tal-isforzi għandha tiġi evitata.

90.

Il-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandha tinforma b'mod regolari lill-Grupp ta' Ħidma kompetenti dwar il-progress u r-riżultati tal-proġetti u l-inizjattivi inklużi fil-mekkaniżmu ta' segwitu. Dan għandu jservi biex jipprovdi gwida dwar il-ħidma tal-Ġustizzja elettronika, f'konformità ma' din l-Istrateġija.

91.

Għodda kollaborattiva ta' segwitu għandha tkun aċċessibbli għal skopijiet ta' rapportar sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jassisti lill-Presidenza billi jospita u jiżgura l-funzjonament tal-għodda ta' segwitu.

92.

Proposti biex jiġu inklużi proġetti jew inizjattivi fil-mekkaniżmu ta' segwitu għandhom jiġu analizzati u deċiżi mill-Grupp ta' Ħidma kompetenti tal-Kunsill.

93.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi mistiedna wkoll tinforma lill-Istati Membri dwar is-sitwazzjoni attwali u r-riżultati tal-proġetti jew l-inizjattivi tagħha.

(1)  Il-professjonisti tal-ġustizzja jinkludu l-professjonisti kollha li jaġixxu fil-qasam tal-ġustizzja, inkluż il-ġuristi.

(2)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea: Strumentarju ta' opportunitajiet” COM/2020/710 final.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta' data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726, ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1–19

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) (riformulazzjoni), ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40–78

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (riformulazzjoni), ĠU L 405, 2.12.2020, p. 1–39

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2023 dwar l-Ordnijiet ta' Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta' Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' kustodja wara proċedimenti kriminali, ĠU L 191, 28.7.2023, p. 118–180

(7)  PE-CONS 50/23 u PE-CONS 51/23 rispettivament

(8)  COM(2022) 28 final.

(9)   https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/isoc_sk_dskl_i$DV_317/default/table?lang=mt

(10)  Ara f'dan ir-rigward il-qafas tal-interoperabbiltà tas-CEF u l-prinċipji tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi Ewropej.

(11)  Ara wkoll f'dan ir-rigward id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2).

(12)   https://e-justice.europa.eu/home?init=true&action=home&plang=mt

(1)  Kummissjoni Ewropea

(2)  L-Istati Membri tal-UE

(3)  Bħala referenza, jittieħdu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Każistika (ECLI) u sett minimu ta' metadata uniformi għall-każistika https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52019XG1024(01)

(4)  Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/437/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)