|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/384 |
27.1.2025 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja) fl-4 ta’ Novembru 2024 – LC vs Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione Internazionale di Roma – Sezione procedure alla frontiera II
(Kawża C-758/24, Alace (1) )
(C/2025/384)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale ordinario di Roma
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: LC
Konvenut: Commissione Territoriale per il riconoscimento della Protezione Internazionale di Roma – Sezione procedure alla frontiera II
Domandi preliminari
|
1) |
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 36, 37 u 38 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (2), moqrija wkoll flimkien mal-premessi 42, 46 u 48 tagħha, u interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (u tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)), jipprekludi leġiżlatur nazzjonali, li għandu s-setgħa li jippermetti l-ħolqien ta’ listi ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u li jirregola l-kriterji li għandhom jiġu segwiti u s-sorsi li għandhom jintużaw għal dan il-għan, milli jipproċedi wkoll sabiex jindika direttament, permezz ta’ att leġiżlattiv primarju, Stat terz bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu? |
|
2) |
Fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 36, 37 u 38 tal-istess direttiva, moqrija wkoll flimkien mal-premessi 42, 46 u 48 tagħha, u interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (u tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB), jipprekludi lil-leġiżlatur milli jindika pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu mingħajr ma jagħmel is-sorsi użati biex jiġġustifikaw tali indikazzjoni aċċessibbli u verifikabbli, u b’hekk jipprevjeni lil applikant għal ażil milli jikkontestaha, u lill-qorti milli teżamina l-oriġini, l-awtorità, l-affidabbiltà, ir-rilevanza, l-attwalità, il-kompletezza, u fi kwalunkwe każ b’mod ġenerali l-kontenut, u li tagħmel l-evalwazzjonijiet tagħha stess dwar l-eżistenza tal-kundizzjonijiet materjali għal tali indikazzjoni, stipulati fl-Anness I tad-Direttiva? |
|
3) |
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 36, 37 u 38 tal-istess direttiva, moqrija wkoll flimkien mal-premessi 42, 46 u 48 tagħha, u interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (u tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB), għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul il-proċedura mħaffa mal-fruntiera [għall-persuni li ġejjin] minn pajjiż ta’ oriġini indikat bla periklu, il-qorti tista’ fi kwalunkwe każ tuża informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini, billi tislitha b’mod indipendenti mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 37(3) tad-Direttiva, li tkun utli sabiex tiġi aċċertata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet materjali għal tali indikazzjoni, stipulati fl-Anness I tad-Direttiva? |
|
4) |
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 36, 37 u 38 tal-istess direttiva, kif ukoll l-Anness I tagħha, moqrija wkoll flimkien mal-premessi 42, 46 u 48 tagħha, u interpretati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (u tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB), jipprekludi pajjiż terz milli jiġi ddefinit bħala “ta’ oriġini bla periklu” jekk ikun hemm, f’dak il-pajjiż, kategoriji ta’ persuni li għalihom huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet materjali għal tali indikazzjoni, stipulati fl-Anness I tad-Direttiva? |
(1) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/384/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)