|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/309 |
15.1.2025 |
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
(C/2025/309)
Dan ir-Regolament li jemenda l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà jżid il-possibbiltà li jiġu żviluppati skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għas-servizzi tas-sigurtà ġestiti. Fl-istess ħin, huwa rikonoxxut li rieżami bir-reqqa tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà huwa tal-akbar importanza, inkluż il-valutazzjoni tal-proċeduri li jwasslu għat-tħejjija, l-adozzjoni u r-rieżami tal-iskemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. Dan ir-rieżami għandu jkun ibbażat fuq analiżi profonda u konsultazzjoni wiesgħa dwar l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-funzjonament tal-qafas Ewropew ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà. L-analiżi mwettqa bħala parti mill-evalwazzjoni stabbilita fl-Artikolu 67 tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà għandha tinkludi attivitajiet ta’ żvilupp ta’ skemi operattivi, bħal dik li tirrigwarda l-iskema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għas-servizzi cloud (EUCS) kif ukoll dawk ta’ skemi adottati bħal dik li tirrigwarda l-iskema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq kriterji komuni (EUCC).
B’mod partikolari, ir-rieżami għandu jidentifika l-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tal-proċeduri li jwasslu għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà u jfassal rakkomandazzjonijiet għal titjib futur. Għandu jindirizza wkoll aspetti relatati mal-konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati u mat-trasparenza tal-proċess.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni, li hija responsabbli għar-rieżami tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, għandha tiżgura li r-rieżami jqis kif xieraq l-elementi meħtieġa msemmija fid-dawl tal-Artikolu 67 meta jippreżenta r-rieżami lill-koleġiżlaturi.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/309/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)