European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/116

10.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-iżgurar ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bbażat fuq il-ħtiġijiet għal kulħadd: kif kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli adegwati jistgħu jappoġġjaw is-solidarjetà interġenerazzjonali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

(C/2025/116)

Relatur:

Kinga JOÓ

Korelatur:

Erika KOLLER

Konsulenti

Barbara HELFFERICH (għall-korelatur tal-Grupp II)

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA (għall-Grupp I)

Kriszta KÁLLAY-KISBÁN (għar-relatur tal-Grupp III)

Talba mill-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill

Ittra, 14.3.2024

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.10.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

23.10.2024

Sessjoni plenarja Nru

591

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

231/1/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Id-demografija li qed tinbidel, il-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ xogħol, l-espansjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli, u ż-żieda fid-domanda għall-kura qed joħolqu ħtieġa urġenti li jiġu adattati l-istrateġiji biex jinkiseb bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bbażat fuq il-ħtiġijiet. Dan huwa strumentali għar-rieżami fl-2027 tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata (1), l-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li d-djalogu soċjali huwa l-għodda primarja biex jiġu introdotti l-metodi adatti, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jappoġġjaw dan il-proċess.

1.3.

Il-miżuri bbażati fuq il-ħtiġijiet jinkludu servizzi li huma affordabbli, disponibbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja iżda li għandu jkollhom ukoll l-għan li jkunu ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-ħaddiema u l-familji tagħhom, il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi. Soluzzjonijiet adegwati jridu jkunu bbażati fuq data rilevanti, u għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lill-ġbir tad-data b’mod kontinwu.

1.4.

Il-KESE jinnota li x-xejriet demografiċi, b’mod partikolari t-tixjiħ tal-popolazzjoni, jirrikjedu li jiġu allokati aktar riżorsi għall-firxa sħiħa tal-fornituri tas-servizzi tal-kura sabiex is-suq tax-xogħol tagħna jibqa’ validu fil-futur. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill tal-UE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa Sett ta’ Għodod għall-Kura b’indikaturi u miri għall-kura fit-tul.

1.5.

Minkejja li jidher li hemm xi titjib fir-rata ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol tal-kura fost l-irġiel, in-nisa jkomplu jwettqu l-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-kura mhux imħallas. Ħafna drabi x-xogħol tal-kura mhux imħallas jikkontribwixxi għall-“femminizzazzjoni tal-faqar”, peress li n-nisa jitilqu mill-impjieg tagħhom jew inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom biex jieħdu ħsieb qarib jew it-tfal. Il-familji u l-ħaddiema jeħtieġu sigurtà finanzjarja, u l-appoġġ għan-nisa u l-irġiel fit-twettiq ta’ dan ix-xogħol ta’ kura essenzjali m’għandux jitqies bħala spiża, iżda bħala investiment li jkun ta’ benefiċċju mhux biss għas-soċjetà kollha iżda wkoll għall-ekonomija.

1.6.

Fil-perjodu ta’ wara l-pandemija, huwa importanti li jiġu eżaminati, evalwati u aġġornati, fejn meħtieġ, il-miżuri relatati mal-impjiegi meħuda bħala riżultat tal-pandemija u li jiġu integrati fil-proċess ta’ rieżami tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata. Peress li l-istudji proposti għar-rapport ta’ rieżami ma jkoprux arranġamenti tax-xogħol flessibbli, il-KESE jappella għal studju separat dwarhom.

1.7.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni teżamina l-istat tal-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-kumpaniji tal-UE u l-benefiċċji, l-ostakli u l-impatti relatati fuq il-kompetittività, kif ukoll il-prattiki tajbin, inkluż fl-SMEs. Għandhom jiġu enfasizzati prattiki li jisfruttaw il-potenzjal tal-kooperazzjoni interġenerazzjonali fuq il-post tax-xogħol. L-aġġornament tal-memo ta’ politika tal-2018 dwar postijiet tax-xogħol favur il-familja jista’ jipprovdi qafas siewi għal dan l-isforz.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Flimkien ma’ appoġġ ibbażat fuq id-drittijiet, “approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet” għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jfisser qafas flessibbli u adattiv li jipprijoritizza u jindirizza r-rekwiżiti personali u professjonali differenti tal-ħaddiema. Approċċ bħal dan jenfasizza l-importanza li wieħed jifhem u jakkomoda l-ħtiġijiet speċifiċi tal-individwi biex itejbu l-benesseri u l-produttività tagħhom. Dan jinvolvi l-valutazzjoni u l-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi diversi tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, bħar-responsabbiltajiet tal-familja, is-saħħa personali, u l-għanijiet ta’ żvilupp professjonali. Billi jiġu rikonoxxuti dawn il-ħtiġijiet uniċi u jitqiesu l-ħtiġijiet tal-kumpaniji wkoll, huwa possibbli li jinħoloq ambjent tax-xogħol aktar inkoraġġanti li jrawwem is-sodisfazzjon tal-ħaddiema, itejjeb iż-żamma tal-ħaddiema u jippermetti l-armonija ġenerali tal-ħajja tax-xogħol, u b’hekk l-ekonomija ssir aktar kompetittiva.

2.2.

Il-KESE kemm-il darba qajjem il-kwistjoni tal-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li huma adattati aħjar għax-xejriet demografiċi, u jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib dejjem jikber (2) fost l-Ewropej dwar it-tixjiħ (3), l-għadd dejjem jonqos ta’ persuni fl-età tax-xogħol u n-nuqqas ta’ ħaddiema b’riżultat ta’ dan (4), il-kunflitti dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (5), l-inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri (6) u d-distakk dejjem akbar fil-kura (7), li kollha għandhom impatt sinifikanti fuq il-familji fl-UE.

2.3.

Ix-xejriet demografiċi attwali fl-Ewropa ser ikollhom implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kbar. Peress li ż-żieda ġenerali fl-età mhijiex akkumpanjata minn għadd dejjem jikber ta’ snin ta’ ħajja b’saħħitha fir-reġjuni kollha (8), l-għadd ta’ persuni akbar fl-età b’mard kroniku u spiss multiplu ser jikber. Barra minn hekk, l-għadd ta’ twelid qed jonqos b’mod kostanti: filwaqt li fl-2011 kien hemm kważi 4,5 miljun tifel u tifla li twieldu fl-UE, dan in-numru naqas għal taħt l-4 miljuni fl-2022 (9). Dawn il-bidliet demografiċi qed iwasslu għal ħtiġijiet li qed jinbidlu fil-qasam tal-kura: l-enfasi hija dejjem aktar fuq iċ-ċaqliq għall-kura għall-anzjani, li tpoġġi pressjoni konsiderevoli mhux biss fuq is-sistemi tagħna tal-kura, iżda wkoll fuq il-ħaddiema u l-familji tagħhom, li qegħdin isibuha dejjem aktar diffiċli li jibbilanċjaw ix-xogħol mar-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu tal-kura.

2.4.

Jeżistu varjazzjonijiet sinifikanti fost l-Istati Membri tal-UE, li jirriflettu d-differenzi fis-sistemi u l-kundizzjonijiet nazzjonali, il-finanzjament u l-kondiviżjoni tal-kostijiet tas-sistemi soċjali, kif ukoll il-miżuri tal-impjiegi – oqsma li fil-biċċa l-kbira jaqgħu taħt il-kompetenzi nazzjonali. Barra minn hekk, id-differenzi kulturali fir-rigward tal-għoti ta’ kura u r-rwoli tal-ġeneru fil-familji u fil-ħajja tax-xogħol ukoll għandhom influwenza. Huwa kruċjali li jiġu stabbiliti infrastrutturi tal-kura u servizzi soċjali li joffru għażliet reali u jissodisfaw il-ħtiġijiet differenti u dejjem jiżdiedu tal-individwi u l-familji. Dan jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-firxa sħiħa ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kura (10), inklużi atturi pubbliċi, privati u tal-ekonomija soċjali, li jaħdmu fil-qafas ta’ regoli u standards komuni. Fl-istess ħin li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali u d-differenzi kulturali, hemm bżonn ta’ politiki u inizjattivi fl-UE kollha li jappoġġjaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-kura ta’ kwalità tajba fejn meħtieġ, li tirrikjedi wkoll forza tax-xogħol b’ħiliet, imħallsa b’mod adegwat u b’kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tal-kura, u jimmiraw għal konverġenza ’l fuq kemm fost l-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom.

2.5.

Huwa stmat li ċ-ċittadini tal-UE li għandhom aktar minn 15-il sena jinvolvu ruħhom, għal aktar minn nofs ħajjithom, f’attivitajiet ta’ kura mhux imħallsa, inklużi l-kura tat-tfal u tal-qraba akbar fl-età. Madankollu, hemm inugwaljanzi sinifikanti bejn il-ġeneri: skont l-istimi, in-nisa jagħmlu dan għal sitt snin iktar (39 sena) mill-irġiel (33 sena). Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ix-xogħol tal-kura mhux imħallas imwettaq min-nisa huwa assoċjat ma’ bejn 5 u 10 snin oħra ta’ responsabbiltajiet ta’ kura impenjattivi milli għall-irġiel (11). Dawn iċ-ċifri jenfasizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tad-distribuzzjoni mhux uniformi tar-responsabbiltajiet ta’ kura, li mhux biss ixekklu l-progressjoni fil-karriera tan-nisa iżda jaffettwaw ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni u s-sigurtà finanzjarja fit-tul tagħhom.

2.6.

Minkejja l-progress konsiderevoli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha ’l bogħod milli tinkiseb fl-UE. Id-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ta’ 12,7 % u r-rwol u l-parteċipazzjoni inugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fejn 31 % tan-nisa jaħdmu part-time meta mqabbla ma’ 8,2 % tal-irġiel, jenfasizzaw disparitajiet persistenti (12). Hemm diversi raġunijiet li huma intersezzjonali għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, bħas-segregazzjoni tas-suq tax-xogħol, ix-xogħol part-time kontra dak full-time, ir-responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa u d-diżinċentivi relatati mat-taxxa għall-impjieg tan-nisa. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija wkoll relatata mill-qrib mad-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, li hija ta’ 40 %, li tindika l-ħtieġa għal miżuri aktar proattivi biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inkluż l-indirizzar tal-“femminizzazzjoni tal-faqar” (13).

2.7.

L-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jekk disponibbli (14), jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tan-nisa b’mod partikolari, jippermettulhom ikunu attivi fis-suq tax-xogħol u jippermettulhom jimmaniġġjaw aħjar il-familja u x-xogħol. Għalkemm ix-xogħol flessibbli u part-time huwa għażla għal ħafna li ma jistgħux jaħdmu skont il-mudelli standard tax-xogħol, maż-żmien, ħafna drabi dan iġib miegħu żvantaġġi bħal pagi aktar baxxi, inqas benefiċċji u tnaqqis fl-akkumulazzjonijiet tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, ir-rwoli part-time jistgħu jwasslu għal inqas opportunitajiet għall-iżvilupp u l-avvanz professjonali. Ir-riforma tal-liġijiet tat-tassazzjoni biex jiġi żgurat trattament aktar ġust għal dawk b’introjtu aktar baxx hija essenzjali, pereżempju permezz tat-tassazzjoni separata tal-konjuġi. Riformi bħal dawn jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jnaqqsu l-istress finanzjarju għal dawk li jaqilgħu inqas, u jippermettulhom jinvestu aktar ħin u riżorsi fil-benesseri personali u tal-familja.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

3.1.1.

Id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata tirrikonoxxi li l-ħtieġa li l-impjegati jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tista’ tinħoloq fi kwalunkwe stadju tal-ħajja tax-xogħol tagħhom: mhux biss meta jkollhom wild żgħir fl-età, iżda wkoll meta qarib tagħhom ikun jeħtieġ kura fit-tul.

3.1.2.

Sentejn wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, ir-rieżami li għaddej dwar l-implimentazzjoni juri li għalkemm l-Istati Membri kollha għamlu progress, għad hemm differenzi sinifikanti.

(i)

Minn naħa waħda, huwa pożittiv li l-liv tal-paternità huwa dritt individwali u mhux trasferibbli tal-missier fl-Istati Membri kollha tal-UE u huwa mħallas tajjeb (15).

(ii)

Hemm biss 10 Stati Membri fejn ix-xahrejn mhux trasferibbli tal-liv tal-ġenituri huma kkumpensati f’livell adegwat.

(iii)

Fi 22 Stat Membru, l-intitolament għal-liv tal-persuni li jindukraw jingħata għal kull ħaddiem, filwaqt li fil-ħames Stati Membri l-oħra, id-dritt jista’ jinqasam bejn ħaddiema differenti, eż. żewġ ġenituri li jieħdu ħsieb wild jew żewġ miżżewġin/partners biex jieħdu ħsieb qarib anzjan (BG, IE, EE, SE, SI). Peress li huma l-aktar in-nisa li jwettqu dmirijiet ta’ kura, l-intitolament tal-familja ma jikkontribwixxix għal kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet tal-indukrar bejn l-irġiel u n-nisa. Għaldaqstant, huwa aktar adatt li kull ħaddiem ikollu dritt individwali u mhux trasferibbli.

(iv)

Id-dispożizzjoni dwar l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli ma ħolqitx id-dritt li dawn jintużaw, iżda introduċiet biss id-dritt għall-ħaddiema li huma ġenituri jew persuni li jindukraw li jitolbuhom. L-impjegatur irid jikkunsidra u jwieġeb għal tali talba, b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet kemm tal-impjegatur kif ukoll tal-ħaddiem.

3.1.3.

Id-diffikultajiet fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata jaffettwaw ħażin l-impjiegi. Fl-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja tal-2016, aktar minn terz ta’ dawk li wieġbu (f’xi pajjiżi l-50 %) qalu li sabuha diffiċli li jirrikonċiljaw ix-xogħol imħallas mar-responsabbiltajiet ta’ kura (16). Barra minn hekk, hemm tendenza dejjem tikber għaż-żgħażagħ li jipposponu d-deċiżjoni tagħhom li jibdew familja jew li jkollhom inqas tfal milli ppjanat. Id-differenza bejn id-daqs reali u mixtieq tal-familja hija riżultat, fost affarijiet oħra, tad-diffikultà li jiġu rrikonċiljati r-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-kura (17).

3.1.4.

Il-KESE jappella biex ix-xejriet demografiċi li jwasslu għal tibdil fil-ħtiġijiet tal-kura jiġu kkunsidrati fit-tfittxija ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bbażat fuq il-ħtiġijiet, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata. Filwaqt li sar progress biex tiżdied il-kopertura fis-sistemi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) minħabba l-miri eżistenti u t-tnaqqis fir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni hija differenti għall-kura fit-tul. In-nuqqas ta’ miri relatati, l-iskarsezza ta’ ħaddiema tas-sengħa, u t-tixjiħ tal-popolazzjoni wasslu għal għadd dejjem jikber ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati fis-settur tal-kura fit-tul.

3.1.5.

Perspettiva tal-ġeneru fil-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hija essenzjali peress li n-nisa jiltaqgħu ma’ żvantaġġi aktar sinifikanti minħabba l-aspettattivi tas-soċjetà u r-rwoli tradizzjonali tal-ġeneru, li jagħtuhom sehem akbar ta’ dmirijiet domestiċi u responsabbiltajiet ta’ għoti ta’ kura. Politiki mfassla apposta li jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol jistgħu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema kollha (18).

3.2.   Kura

3.2.1.

In-nisa bi tfal żgħar li jixtiequ jerġgħu jibdew jaħdmu jiffaċċjaw ħafna sfidi. Huwa kruċjali li l-ġenituri, speċjalment l-ommijiet, ikunu jistgħu jiddeċiedu kif jużaw il-liv tal-ġenituri, meta jirritornaw għax-xogħol (anke gradwalment) u x’tip ta’ indukrar tat-tfal għandu jintuża. Is-servizzi tal-ECEC jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel bi tfal żgħar fis-suq tax-xogħol, dment li l-ħinijiet tal-ftuħ ikunu allinjati mal-ħtiġijiet tal-ġenituri li jaħdmu.

3.2.2.

Fir-rigward tal-ECEC, il-miri ta’ Barċellona ġew stabbiliti fl-2002 u l-Kummissjoni Ewropea pproponiet li dawn jiġu riveduti fl-2022. Għalkemm ir-rati ta’ parteċipazzjoni fl-ECEC żdiedu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi minn meta ġew stabbiliti l-miri, l-użu tal-ECEC, b’mod partikolari fil-grupp ta’ età mit-twelid sat-3 snin, ivarja b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom, u dan jirrifletti ħtiġijiet differenti li jirriżultaw minn sfondi kulturali u soċjali u sistemi ta’ appoġġ għall-familji, kif ukoll id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ECEC. Il-bidu tal-ECEC garantita jvarja ħafna skont l-età tat-tfal: huma biss seba’ Stati Membri (DK, DE, EE, LV, SI, FI u SV) li jiggarantixxu post għat-tfal kollha immedjatament wara perjodu ta’ liv tal-ġenituri mħallas tajjeb (19).

3.2.3.

Bħalissa fl-UE hemm 30,8 miljun persuna li għandhom bżonn kura fit-tul u huwa pproġettat li din iċ-ċifra tiżdied b’aktar minn 7 miljun għal 38,1 miljun sal-2050 (20). Terz ta’ dawk bi tfal taħt it-12-il sena jesperjenzaw diffikultajiet regolari biex jikkombinaw ix-xogħol imħallas mar-responsabbiltajiet ta’ kura, mentri din iċ-ċifra titla’ għal 40 % għal dawk li jipprovdu l-kura fit-tul (21). Il-KESE jinnota li fil-qasam tal-kura fit-tul, ma hemm l-ebda mira kwantifikata u għalhekk l-ebda indikatur traċċabbli, għall-kuntrarju tal-miri ta’ Barċellona għall-ECEC, u għalhekk jitlob li jinħoloq Sett ta’ Għodod għall-Kura.

3.2.4.

70 % tal-indokraturi informali għandhom aktar minn 45 sena: 48 % għandhom bejn il-45 u l-64 sena, 33 % għandhom 44 sena jew inqas, u 22 % għandhom 65 sena jew iktar. Fi kliem ieħor, erbgħa minn kull ħamsa ta’ dawk li jagħtu l-kura b’mod informali jwettqu kompiti ta’ kura flimkien mar-responsabbiltajiet tagħhom fuq ix-xogħol jew billi jċeduhom. Barra minn hekk, in-nisa jipprovdu wkoll kura aktar frekwenti u itwal mill-irġiel (22). Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa “live-in”, li ħafna minnhom huma ċittadini oħra tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi (23), jinsabu f’riskju li jiġu sfruttati (24). Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appellaw biex jiġi definit l-istatus tal-indokraturi informali (25).

3.3.   L-ugwaljanza bejn il-ġeneri

3.3.1.

Fl-2023, ir-rata ta’ impjieg għan-nisa ta’ bejn l-20 u l-64 sena fl-UE kienet ta’ madwar 70,2 %, meta mqabbla ma’ 80,4 % għall-irġiel, li rriżultat f’differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi ta’ 10,2 punti perċentwali (26).

3.3.2.

Il-KESE jenfasizza li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet ugwali mhumiex biss valuri fundamentali Ewropej iżda wkoll ta’ benefiċċju ekonomiku. Ir-riċerka turi li t-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fis-swieq tax-xogħol jista’ jżid il-PDG bi kważi 8 % (27). Il-politiki li jippromovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jattiraw u jżommu l-aqwa talent, inaqqsu l-assenteiżmu, u jżidu l-produttività, u b’hekk jindirizzaw l-isfidi demografiċi u jikkontribwixxu għall-istabbiltà ekonomika tal-Istati Membri (28).

3.3.3.

Il-pajjiżi b’ugwaljanza ogħla bejn il-ġeneri fil-forza tax-xogħol għandhom prestazzjoni aħjar fil-klassifikazzjonijiet tal-kompetittività globali. Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji jenfasizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala fattur ewlieni fl-ekonomiji kompetittivi, u juri li t-tnaqqis tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri jista’ jagħti spinta sinifikanti lit-tkabbir ekonomiku u t-tħejjija għall-futur (29).

3.4.   Arranġamenti tax-xogħol flessibbli

3.4.1.

L-arranġamenti tax-xogħol flessibbli jippermettu lill-ġenituri li jaħdmu u lill-indokraturi, speċjalment nisa, jipparteċipaw b’mod aktar intensiv fil-forza tax-xogħol, u b’hekk jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku u jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-ġeneri (30). Iridu jiġu stabbiliti wkoll limiti adatti bejn ix-xogħol u l-ħajja personali biex jiġu evitati l-isfruttament u l-burnout (31). Din hija sfida kemm għall-ħaddiema nisa, għall-persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll għan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi kwalunkwe organizzazzjoni.

3.4.2.

It-telexogħol żied il-flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u pprovda aktar spazju biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-familja max-xogħol. Madankollu, l-esperjenza – b’mod partikolari matul il-pandemija – turi li d-distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħajja personali tista’ faċilment tiġi injorata, u potenzjalment tikkontribwixxi għall-burnout, u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u oħrajn serji. Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni tal-ewwel stadju mal-imsieħba soċjali Ewropej dwar azzjoni possibbli biex jiġi żgurat telexogħol ġust u d-“dritt għall-iskonnessjoni”.

3.4.3.

Teknoloġiji ġodda, bħall-IA u arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jippermettu li l-ħin jiġi ġestit b’mod aktar effiċjenti u jnaqqsu l-istress billi jawtomatizzaw il-kompiti u jipprovdu skedar intelliġenti. Madankollu, għad fadal sfidi, inkluż li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli biex jinżammu impjegati nisa b’talent. In-nuqqas ta’ flessibbiltà huwa raġuni ewlenija għaliex in-nisa fl-Ewropa jibdlu l-impjiegi (32).

3.4.4.

In-nisa fl-Ewropa li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jaqilbu għal xogħol part-time minħabba responsabbiltajiet ta’ kura huma aktar probabbli li jiffaċċjaw ir-riskju li l-ħiliet tagħhom ma jibqgħux utli u jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jibdlu minn xogħol part-time għal full-time u jirriskjaw il-faqar fix-xjuħija. Dan it-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u l-fatt li huma aktar probabbli li jaħdmu f’impjiegi f’riskju li jiġu awtomatizzati jistgħu jwasslu għal inqas opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u l-avvanz fil-karriera, li jaggrava d-distakki fil-ħiliet. L-aċċess limitat għall-programmi ta’ taħriġ u ta’ żvilupp professjonali jkompli jżid dawn l-isfidi, u jħalli impatt fuq il-prospetti tal-karriera fit-tul u s-sigurtà finanzjarja f’kull stadju tal-ħajja (33).

3.4.5.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol vitali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata u l-politiki assoċjati permezz ta’ negozjati u ftehimiet kollettivi. L-isforzi tagħhom isawru prattiki tax-xogħol inklużivi u jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-ħaddiema kif ukoll tal-intrapriżi jiġu kkunsidrati. Ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jippromovu u jiżguraw politiki tajbin dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata madwar l-Ewropa billi jinvolvu ruħhom fi djalogu politiku, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni, u jipprovdu għarfien u feedback lil dawk li jfasslu l-politika, inkluż billi jenfasizzaw l-importanza ta’ politiki favur il-familja.

3.5.   Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

3.5.1.

Abbażi ta’ approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, l-istadji tradizzjonali tal-edukazzjoni, it-taħriġ, ix-xogħol u l-irtirar qed isiru inqas riġidi u aktar flessibbli (34). It-teħid ta’ rwol attiv kemm fil-ħajja tal-familja kif ukoll fuq ix-xogħol jista’ jżid il-ħin imqatta’ f’saħħa tajba u benesseri għall-persuni akbar fl-età.

3.5.2.

Meta wieħed iħares lejn l-istennija tal-għomor tax-xogħol imħallsa u mhux imħallsa fl-età ta’ 50 sena, inkluż l-indukrar tan-neputijiet u l-għajnuna lill-persuni akbar fl-età fl-attivitajiet ta’ kuljum, il-komponenti tax-xogħol għall-irġiel u għan-nisa huma differenti ħafna. L-akbar komponent għan-nisa huwa s-snin li jqattgħu esklużivament f’xogħol mhux imħallas, filwaqt li għall-irġiel huma s-snin li jqattgħu esklużivament f’xogħol bi ħlas (35). Permezz ta’ xogħol tal-kura mhux imħallas, ħafna anzjani, prinċipalment nisa, jgħinu lill-membri tal-familja tagħhom fl-età tax-xogħol biex jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja (36).

3.5.3.

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli, taħriġ, forom speċjali ta’ impjieg, inklużi skemi ta’ rtirar gradwali, u, fejn adatt, aspetti ergonomiċi jew ta’ aċċessibbiltà jippermettu lill-ħaddiema akbar fl-età jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol għal aktar żmien jekk ikunu jixtiequ hekk. Approċċi preventivi, inklużi stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, sistemi tal-kura tas-saħħa adegwati u ambjent tax-xogħol ta’ kwalità u adatt jgħinu wkoll biex tinżamm il-kapaċità tan-nies li jaħdmu, minbarra li jnaqqsu l-ħtieġa tagħhom għall-kura.

3.6.   Postijiet tax-xogħol favur il-familja

3.6.1.

Il-memo strateġika tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea pprovda ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-politiki u l-inizjattivi fl-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw postijiet tax-xogħol favur il-familja, inkluża lista ta’ prattiki tajbin (37). Sfortunatament, din il-ħarsa ġenerali ma ġietx ripetuta jew aġġornata.

3.6.2.

Diversi kumpaniji Ewropej huma fuq quddiem biex joffru arranġamenti eċċellenti għall-indukrar tat-tfal u politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Pereżempju, SAP u Volvo Group ġew rikonoxxuti għall-politiki komprensivi tagħhom ta’ appoġġ għall-familja, inklużi sigħat tax-xogħol flessibbli, liv tal-ġenituri ġeneruż, u faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal fuq il-post. Dawn il-kumpaniji jifhmu li l-appoġġ lill-ħaddiema biex jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tal-familja mhux biss itejjeb il-produttività u ż-żamma tal-ħaddiema iżda wkoll jagħti spinta lill-prestazzjoni ġenerali tal-kumpanija.

3.6.3.

Il-Programm Balansz kien l-ewwel programm immexxi minn organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Ungerija biex il-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol jiġu appoġġjati jsiru aktar favur il-familja. Huma ħolqu komunità professjonali ta’ appoġġ fejn jinġabru u jinxterdu inizjattivi pijunieri u l-aħjar prattiki biex jgħinu lill-kumpaniji jiżviluppaw kultura korporattiva umana. Bejn l-2013 u l-2023, 1 349 kumpanija ġew awditjati u ppremjati, li minnhom ibbenefikaw madwar 240 000 impjegat u l-familji tagħhom.

3.6.4.

Id-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji huwa għodda essenzjali fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. B’mod partikolari, dan jagħmilha possibbli li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema u tan-negozju inkwistjoni. Il-KESE jqis li huwa importanti li jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’mod li jipprovdi lill-familji b’għażliet adatti billi jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs. Madankollu, irid jiġi rikonoxxut li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji Ewropej huma mikrokumpaniji li ma għandhomx l-istess riżorsi għal politiki estensivi ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħall-kontropartijiet akbar tagħhom u għalhekk jeħtieġ li jiġu appoġġjati.

Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE ( ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).

(2)   Ewrobarometru 2023.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn mudell ġdid ta’ kura għall-anzjani: Nitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija Ewropea għall-Anzjani” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola) ( ĠU C 349, 29.9.2023, p. 28).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi demografiċi fl-UE fid-dawl tal-inugwaljanzi ekonomiċi u tal-iżvilupp” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Kroata) ( ĠU C 232, 14.7.2020, p. 1) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-impatt tad-demografija fuq l-Ewropa Soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/6867, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6867/oj).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi tat-telexogħol: l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u d-dritt għall-iskonnessjoni” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Portugiża) ( ĠU C 220, 9.6.2021, p. 1) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni inizjattiva ta’ appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu” [COM(2017) 252 final] “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE” [COM(2017) 253 final – 2017/0085 (COD)] ( ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol, u li tħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/41/UE” (COM(2022) 688 final — 2022/0400 (COD)) u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u x-xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, u li tħassar l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/113/KE” (COM(2022) 689 final — 2022/0401 (APP)) ( ĠU C 184, 25.5.2023, p. 71) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka) ( ĠU C 443, 22.11.2022, p. 63).

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘L-Istrateġija Ewropea għall-Kura’ ” (COM (2022) 440 final) ( ĠU C 140. 21.4.2023, p.39) u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Indokraturi (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/6018, 23.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6018/oj).

(8)   Statistika dwar is-snin ta’ ħajja b’saħħitha, Lulju 2024, Eurostat.

(9)  Demografija u kompetittività fl-Unjoni Ewropea, KINCS 2024.

(10)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘L-Istrateġija Ewropea għall-Kura’ ” (COM (2022) 440 final) ( ĠU C 140. 21.4.2023, p.39).

(11)  A. Ophir u J. Polos, “Care Life Expectancy: Gender and Unpaid Work in the Context of Population Aging”, f’Population Research and Policy Review Vol. 41, Nru 1 (2022) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  EIGE, Gender inequalities in unpaid care work and on the labour market in the EU (L-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fix-xogħol tal-kura mhux imħallas u fis-suq tax-xogħol fl-UE – mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  EIGE. (2021). Economic Benefits of Gender Equality in the European Union: Literature Review: How does the Improvement of Gender Equality Contribute to Economic Growth? (Il-vantaġġi ekonomiċi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea: analiżi tal-letteratura: kif it-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku? – mhux disponibbli bil-Malti). https://eige.europa.eu.

(14)   Eurofound.

(15)   The transposition of the Work-Life Balance Directive in EU Member States (II) (It-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata fl-Istati Membri tal-UE (II) – mhux disponibbli bil-Malti), Kummissjoni Ewropea, 2023.

(16)   https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8137&furtherPubs=yes.

(17)   COM(2023) 577 final.

(18)  EIGE, (2022). Work-life balance and gender equality (Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri – mhux disponibbli bil-Malti), https://eige.europa.eu.

(19)   Access to early childhood education and care in Europe 2022/2023 (Aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal fl-Ewropa 2022/2023 – mhux disponibbli bil-Malti), Eurydice 2023.

(20)  L-istrateġija Ewropea għall-kura, (COM (2022) 440 final).

(21)   A Better Work–Life Balance: Bridging the gender care gap (Bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata: Innaqsu d-distakk bejn il-ġeneri fil-qasam tal-kura – mhux disponibbli bil-Malti), EIGE 2023.

(22)  L-istrateġija Ewropea għall-kura, (COM (2022) 440 final).

(23)  EIGE: Il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Ġeneru.

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jgħixu fl-unità domestika fejn jaħdmu” [opinjoni fuq inizjattiva proprja] ( ĠU C 487, 28.12.2016, p. 7).

(25)  Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja, COM(2022) 441 final.

(26)  Eurostat. (2023). Statistika dwar l-impjiegi. https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Employment_-_annual_statistics#Employment_in_2023_compared_with_the_EU_target.

(27)   https://www.imf.org/en/Blogs/Articles/2023/09/27/countries-that-close-gender-gaps-see-substantial-growth-returns.

(28)  OECD. (2020). The Business Case for Gender Equality and Diversity in the Workplace (Il-każ kummerċjali għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fuq il-post tax-xogħol – mhux disponibbli bil-Malti), https://www.oecd.org.

(29)  Forum Ekonomiku Dinji. (2022). Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali 2022, https://www.weforum.org.

(30)  ILO. (2020). Ir-rwol tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, https://www.ilo.org.

(31)  Kummissjoni: Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi u Chung, H., Flexible working arrangements and gender equality in Europe (Arranġamenti tax-xogħol flessibbli u ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Ewropa – mhux disponibbli bil-Malti), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, https://data.europa.eu/doi/10.2838/13215.

(32)  Kummissjoni Ewropea (2021). Digitalisation and Women’s Workforce Participation in the EU (Id-diġitalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol femminili fl-UE – mhux disponibbli bil-Malti), https://digital-strategy.ec.europa.eu.

(33)  EIGE. (2022). The Impact of Part-Time Work on Women’s Career Development in the EU (L-impatt tax-xogħol part-time fuq l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa fl-UE – mhux disponibbli bil-Malti), https://eige.europa.eu.

(34)   Green Paper on Ageing (Green Paper dwar it-tixjiħ – mhux disponibbli bil-Malti), Kummissjoni Ewropea, 2021.

(35)  A. Ophir, The Paid and Unpaid Working Life Expectancy at 50 in Europe, The Journals of Gerontology, Volum 77, 2022.

(36)   https://www.koppmariaintezet.hu/en/allarticles/718-older-people-are-valued-family-members.

(37)   Family-friendly workplaces (Postijiet tax-xogħol favur il-familja – mhux disponibbli bil-Malti), Kummissjoni Ewropea, 2018.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/116/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)