|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/112 |
10.1.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni ta’ viża tal-UE
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/112)
Relatur:
Ionuţ SIBIAN (RO-III)|
Konsulenta |
Anca NICOVESCU, konsulenta tar-relatur |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
30.11.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
25.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
23.10.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
591 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
250/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini fil-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat ta’ dawn l-arranġamenti u l-effetti pożittivi li għandu f’termini ta’ tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-UE mal-imsieħba tagħha. Il-politika tal-UE dwar il-viżi għandha tibqa’ għodda biex tiffaċilita l-kuntatti bejn il-persuni, it-turiżmu u n-negozju, u fl-istess waqt tipprevjeni r-riskji għas-sigurtà għall-UE. |
|
1.2. |
Fl-istess ħin, il-KESE jirrikonoxxi li s-sigurtà tal-UE u tal-fruntieri esterni tagħha ntlaqtet b’mod profond minn avvenimenti ġeopolitiċi reċenti. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-idea li l-UE għandha tkun totalment lesta biex tirreaġixxi malajr għal firxa wiesgħa ta’ riskji futuri potenzjali għas-sigurtà, inkluż it-theddid ibridu. |
|
1.3. |
Il-KESE jqis li għandhom isiru sforzi biex jiġu ċċarati l-kriterji biex jiġi attivat il-mekkaniżmu u fl-istess ħin jiġi żgurat li jkunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu l-applikazzjoni effiċjenti u rapida tagħhom fejn meħtieġ. |
|
1.4. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, billi tqis ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, kemm tkun adegwata sospensjoni biex tirrimedja s-sitwazzjoni, u l-impatt ta’ sospensjoni fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat. |
|
1.5. |
Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiddeterjora fil-pajjiż terz ikkonċernat, u għar-riskji potenzjali għall-ħidma u s-sigurtà personali tagħhom ikkawżati mill-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni kontra pajjiżhom. |
|
1.6. |
Il-KESE jqis li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment operati minn pajjiżi terzi b’reġim ta’ eżenzjoni mill-viża jirrappreżentaw riskju għall-politika pubblika u s-sigurtà interna tal-Istati Membri u għandu jkun possibbli li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-viża għall-pajjiżi terzi li jagħżlu li joperaw tali skemi taċ-ċittadinanza b’investiment, fejn iċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż ikkonċernat. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. Kuntest tal-Opinjoni
|
2.1.1. |
Il-politika tal-UE dwar il-viżi hija parti essenzjali mill-acquis ta’ Schengen u waħda mill-aktar kisbiet siewja tal-integrazzjoni tal-UE. Bħalissa, ċittadini minn 61 pajjiż terz jistgħu jibbenefikaw minn reġimi ta’ eżenzjoni mill-viża fl-UE, li jfisser li dawn iċ-ċittadini jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorni qosra sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum mingħajr viża. Il-politika tal-UE dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża hija bbażata fuq il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża. |
|
2.1.2. |
Madankollu, bi sfidi dejjem akbar li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari, u t-theddid għas-sigurtà tal-UE, sar ċar li huwa meħtieġ mekkaniżmu ta’ salvagwardja kontra l-abbuż tal-eżenzjonijiet mill-viża u li dan il-mekkaniżmu jeħtieġ li jissaħħaħ u jittejjeb aktar. |
|
2.1.3. |
Il-mekkaniżmu ġie introdott fl-2013 biex jippermetti sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni ta’ viża fil-każ ta’ żieda sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari. Dan kien maħsub bħala mekkaniżmu ta’ salvagwardja kontra l-abbuż tal-eżenzjonijiet ta’ viża. |
|
2.1.4. |
Il-mekkaniżmu ġie sussegwentement rivedut fl-2017 billi sar iktar faċli għall-Istati Membri li jinnotifikaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u billi ppermetta lill-Kummissjoni tiskatta l-mekkaniżmu fuq inizjattiva tagħha stess. |
|
2.1.5. |
Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1806 (1), jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni ta’ viża fil-każ ta’ żieda f’daqqa u sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari jew riskji għas-sigurtà. |
|
2.1.6. |
Fit-30 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża (2), li tistabbilixxi proċess ta’ konsultazzjoni. Il-Komunikazzjoni analizzat il-funzjonament tas-sistemi tal-UE mingħajr viża u identifikat l-isfidi prinċipali fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari u s-sigurtà. Sabiex l-għadd kbir ta’ sfidi li jirriżultaw mill-ivvjaġġar mingħajr viża jiġi indirizzat b’mod effettiv f’kuntest ġeopolitiku li qiegħed jevolvi b’mod kostanti u b’kunsiderazzjoni tal-konsultazzjoni li saret mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra, din il-Proposta għandha l-għan li tadatta l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni għal tali sfidi, billi temenda d-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806. |
|
2.1.7. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-UE għandha tkun kompletament lesta biex tirreaġixxi malajr għal firxa wiesgħa ta’ riskji futuri potenzjali għas-sigurtà, inkluż theddid ibridu. Huwa jemmen ukoll li r-regoli eżistenti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806 (ir-“Regolament dwar il-Viża”), dwar il-monitoraġġ ta’ kemm qed jaħdmu tajjeb ir-reġimi ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ pajjiżi terzi u dwar is-sospensjoni tal-eżenzjonijiet mill-viża fil-każ ta’ aktar migrazzjoni irregolari jew riskji għas-sigurtà (il-“mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża”), għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid u mtejba. |
|
2.1.8. |
Il-KESE jqis li għandhom isiru sforzi biex jiġu ċċarati l-kriterji biex jiġi skattat il-mekkaniżmu u fl-istess ħin jiġi żgurat li jkunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu l-applikazzjoni effiċjenti u rapida tagħhom fejn meħtieġ. Dan jgħin biex jiġi indirizzat l-għadd kbir ta’ sfidi li jirriżultaw mill-ivvjaġġar eżentat mill-viża f’kuntest ġeopolitiku li qed jevolvi b’mod kostanti. |
2.2. Kummenti ġenerali
|
2.2.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini fil-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat u l-effetti pożittivi li għandu f’termini ta’ tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-UE mal-imsieħba tagħha. L-ivvjaġġar mingħajr viża jagħti spinta lis-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, jippromovi l-iskambji kulturali u akkademiċi, ikun ta’ benefiċċju għall-qasam tal-innovazzjoni u t-teknoloġija u jtejjeb ir-relazzjonijiet diplomatiċi u l-kooperazzjoni internazzjonali. |
|
2.2.2. |
Fl-istess ħin, il-KESE jindika l-iżvantaġġi possibbli ta’ dawn l-arranġamenti, jiġifieri l-isfidi sinifikanti potenzjali tal-migrazzjoni u s-sigurtà. Żieda fil-migrazzjoni irregolari permezz ta’ soġġorni b’awtorizzazzjoni skaduta minn vjaġġaturi mingħajr viża jew għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini minn pajjiżi terzi mingħajr viża b’rati baxxi ta’ suċċess huma sinjali ċari li r-reġimi ta’ eżenzjoni ta’ viża għal dak il-pajjiż terz partikolari jridu jiġu mmonitorjati mill-qrib u possibbilment riveduti/sospiżi. |
|
2.2.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi li s-sigurtà tal-UE u tal-fruntieri esterni tagħha ntlaqtet b’mod profond minn avvenimenti ġeopolitiċi reċenti, li juri li l-azzjonijiet ta’ ċerti atturi barranin jistgħu joħolqu theddid serju għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni. |
|
2.2.4. |
Il-KESE jemmen li, filwaqt li l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jipproteġi b’mod ċar lill-Istati Membri kontra t-theddid għas-sigurtà, għandu jintuża bl-akbar attenzjoni biex jiġi żgurat li ma jintużax b’mod arbitrarju minn ċerti Stati Membri. |
|
2.2.5. |
Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li tissospendi l-eżenzjoni ta’ viża jew meta Stat Membru joħroġ notifika, għandu jitqies l-impatt potenzjali tas-sospensjoni fuq iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat. |
|
2.2.6. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni għandu jitqies fil-kuntest usa’ tar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiż terz rilevanti u li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lir-relazzjonijiet diplomatiċi u esterni tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Għalhekk, ir-raġunijiet potenzjali biex jiġi skattat il-mekkaniżmu jistgħu jkunu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ksur ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat (inkluż ksur tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità tal-viża), atti ostili lejn l-Unjoni jew l-Istati Membri u nuqqas ta’ konformità jew nuqqas ta’ allinjament mas-sanzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. |
|
2.2.7. |
Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti u r-riskju ta’ prattiki differenti fir-rigward tal-iskattar/l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni. |
|
2.2.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-konsegwenzi tas-sospensjoni ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, billi tqis ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, kemm tkun adegwata s-sospensjoni biex tirrimedja s-sitwazzjoni, u l-impatt tas-sospensjoni fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiż ikkonċernat, b’mod partikolari, ir-riskji għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
2.2.9. |
Il-KESE jqis li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment operati minn pajjiżi terzi b’reġimi ta’ eżenzjoni ta’ viża jirrappreżentaw riskju għall-politika pubblika u s-sigurtà interna tal-Istati Membri. Nuqqas ta’ kontrolli komprensivi tas-sigurtà, proċeduri ta’ skrutinju u diliġenza dovuta joħolqu diversi riskji serji għas-sigurtà għaċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal dawk li jirriżultaw mill-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. Sabiex jiġi evitat li l-aċċess mingħajr viża għall-Unjoni jintuża għal dan l-iskop, għandu jkun possibbli li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għal pajjiż terz li jagħżel li jħaddem tali skemi taċ-ċittadinanza b’investiment, li bihom iċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat. |
2.3. Kummenti speċifiċi
|
2.3.1. |
Il-Kumitat jirrakkomanda aktar monitoraġġ/komunikazzjoni mal-pajjiżi li jadottaw l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-proċeduri li jużaw u fl-istess ħin iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jtemmu dawn it-tipi ta’ proċeduri ta’ naturalizzazzjoni. |
|
2.3.2. |
Il-KESE jirrakkomanda li, jekk jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, l-UE għandha toffri protezzjoni (b’valutazzjonijiet bir-reqqa, waqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea) lil ċerti kategoriji ta’ persuni, bħall-attivisti ċiviċi u tad-drittijiet tal-bniedem, il-persuni vulnerabbli esposti għall-esklużjoni jew il-prosekuzzjoni f’pajjiżi terzi (persuni b’diżabilità, membri tal-komunità LGBTIQ+, eċċ.) u studenti/membri tal-qasam akkademiku li jixtiequ jivvjaġġaw għal raġunijiet professjonali u li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tekniku u l-innovazzjoni fl-UE. |
|
2.3.3. |
Il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ mobbiltà tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiddeterjora fil-pajjiż terz ikkonċernat, u lir-riskji potenzjali għall-ħidma u s-sigurtà personali tagħhom ikkawżati mill-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni kontra pajjiżhom. L-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem ma għandhomx jitqiegħdu f’riskju minħabba l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jew it-terminazzjoni permanenti tal-ivvjaġġar mingħajr viża. |
|
2.3.4. |
Il-KESE jenfasizza li, meta jitqiesu r-riskji assoċjati mal-intensifikazzjoni dejjem akbar tal-ħidma tal-gwardji tal-fruntiera, il-kapaċità ta’ dawn l-awtoritajiet għandha tiżdied sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. |
|
2.3.5. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-politika tal-UE dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, ibbażata fuq il-politika tagħha ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tiffavorixxi l-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi li magħhom tikkondividi l-prinċipji u l-valuri, u l-pajjiżi li magħhom iżżomm ftehimiet ibbażati fuq il-klawsola demokratika. Il-politika għandha tkun koerenti, ibbażata fuq l-interessi tal-Unjoni u fuq kriterji oġġettivi, u ma għandhiex twassal għal diskriminazzjoni inġusta. F’dan is-sens, u b’konformità mar-riżultat tal-votazzjoni li saret dwar din il-kwistjoni fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tfittex mod kif l-Ekwador jiġi inkluż fl-Anness II (lista ta’ pajjiżi eżentati mill-obbligu ta’ viża) tar-Regolament (UE) 2018/1806 malajr kemm jista’ jkun, preferibbilment qabel tmiem dan il-mandat, peress li l-Ekwador ġie penalizzat b’mod inġust minn sitwazzjoni li ma kellha l-ebda rilevanza għall-merti tal-pajjiż. |
Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (kodifikazzjoni) ( ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(2) COM/2023/297 final.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/112/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)