European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7020

2.12.2024

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2024 minn TO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fid-19 ta’ Ġunju 2024 fil-Kawża T-831/22, TO vs EUAA

(Kawża C-576/24 P)

(C/2024/7020)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: TO (rappreżentant: É. Boigelot, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Ġunju 2024, TO vs EUAA (T-831/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:404), innotifikata fl-istess jum, sa fejn din ċaħdet ir-rikors inizjali tar-rikorrenti intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EUAA ta’ [kunfidenzjali] li tirrixxindi l-kuntratt tagħha ta’ aġent temporanju għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-danni materjali u morali li hija allegatament sostniet wara din id-deċiżjoni, u kkundannat l-appellanti għall-ispejjeż;

tikkundanna l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) għall-ispejjeż kollha, inkużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi r-rikors inizjali tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, TO tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti mis-sentenza appellata u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kontradizzjonijiet li jwasslu għal motivazzjoni ineżatta fid-dritt, kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti kollha fil-proċess, il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni libera tal-provi u l-kunċett ta’ korp ta’ provi konsistenti u, għalhekk, il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, kif ukoll l-assenza ta’ teħid inkonsiderazzjoni tal-motivi kollha tal-appellanti.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat manifestament il-provi, il-fatti u d-dokumenti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha billi ma ddeduċietx minnhom il-konsegwenzi legali u ma kkunsidratx li dawn huma indizji ta’ fastidju, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fatti stabbiliti li madankollu hija kkonstatat il-materjalità u l-malizzja tagħhom.

Sussegwentement, dejjem f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha fil-proċess sabiex tevalwa sitwazzjoni kumplessa u tislet minnha l-konsegwenzi legali, filwaqt li injorat fl-analiżi tagħha l-fatti u d-dokumenti li kienu ġew ippreżentati quddiemha u, għalhekk, jiġbed konklużjonijiet manifestament żbaljati abbażi biss ta’ fatti li hija kkonstatat b’mod arbitrarju. B’mod ġenerali, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx u lanqas ma eżaminat diversi argumenti u dokumenti li hija enfasizzat, minkejja li huma rilevanti u effettivi.

B’hekk, u b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li jinsabu fil-proċess u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, billi tefgħet ir-responsabbiltà għall-kummenti u l-imġieba offensivi li l-appellanti sostniet, allegatament, fuq din tal-aħħar, jew billi analizzat elementi b’mod inkomplet u ippreġudikat sabiex iddeduċiet, manifestament b’mod mhux preċiż, li ebda mobbiltà oħra ma kienet possibbli ladarba l-appellanti kienet eżawrit it-“tieni ċans” tagħha, quod non.

L-appellanti tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li analizzat il-proċess ippreżentat lilha biss mill-perspettiva favorevoli għall-konvenut, li l-kummenti tiegħu hija sistematikament ħadet bħala fondati, filwaqt li analiżi kompleta u konkreta tal-fatti u tal-provi mressqa kellha twassalha sabiex tilqa’ numru ta’ lmenti fformulati.

L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli tat interpretazzjoni preġudikata u manifestament żbaljata ta’ dokument fil-proċess, sabiex ċaħdet l-eżistenza ta’ identifikazzjoni indiretta tal-appellanti fi proċess li madankollu huwa biżżejjed li l-informazzjoni titqies li hija data personali protetta.

L-appellanti tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjonijiet manifestament żbaljati li ddeduċiet mill-fatti relatati mas-saħħa u l-vulnerabbiltà medika tagħha, f’kuntest fejn saru lilha mistoqsijiet mhux xierqa dwar id-data medika tagħha, għalkemm kunfidenzjali, u tweġibiet ġew mitluba mid-direttriċi eżekuttiva u d-dipartiment legali tagħha waqt is-seduta qabel id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni antiċipata tal-kuntratt tagħha, meta dawn il-persuni ma humiex tobba u dan, barra minn kull qafas statutorju fir-rigward tal-aspetti mediċi u/jew rispettużi tad-data personali tagħha.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7020/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)