|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6982 |
19.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-18 ta’ Novembru 2024
li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO)
(C/2024/6982)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri parteċipanti (1),
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 4(2)(d) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji maqbula, skont il-mekkaniżmu deskritt fl-Artikolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li, abbażi tar-rapport annwali dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) ppreżentat mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Kunsill għandu jirrieżamina darba fis-sena jekk l-Istati Membri parteċipanti għadhomx iwettqu l-impenji aktar vinkolanti msemmija fl-Artikolu 3 ta' dik id-Deċiżjoni. |
|
(3) |
L-Appendiċi 1 għall-Anness tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020 jispeċifika li r-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-PESCO sa Lulju ta' kull sena, bil-ħsieb li l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjoni tiegħu li tivvaluta l-progress li jkun sar mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji meħuda fil-qafas tal-PESCO sa Novembru ta' dik is-sena. Il-paragrafu 16 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2018 dwar pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-PESCO (2) jipprevedi li l-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) jenħtieġ li jipprovdi parir militari u rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà biex dan ikun jista' jħejji r-rieżami tal-Kunsill dwar jekk l-Istati Membri parteċipanti jkunux għadhom iwettqu l-impenji aktar vinkolanti. |
|
(4) |
Il-paragrafu 26 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2021 dwar is-sekwenzjar tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO u li tispeċifika objettivi aktar preċiżi, u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-15 ta' Ottubru 2018 (3) (ir-“Rakkomandazzjoni tas-16 ta' Novembru 2021”), jipprevedi li l-Istati Membri parteċipanti ser jirrieżaminaw u jaġġornaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali (PIN) tagħhom kif meħtieġ u jikkomunikawhom lis-segretarjat tal-PESCO sal-10 ta' Marzu 2022, u kull sena wara dan sal-istess data f'konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, fid-dawl tal-proċess ta' valutazzjoni stipulat fl-Artikolu 6(3) ta' dik id-Deċiżjoni. Kull sentejn, jenħtieġ li l-PIN ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni politika ta' livell għoli fejn l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jelenkaw il-kisbiet ewlenin, jindikaw il-prijoritajiet nazzjonali speċifiċi u jaqsmu l-esperjenza tagħhom fejn jidħlu l-ippjanar u l-kontributi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti kollha. |
|
(5) |
Il-paragrafu 28 tar-Rakkomandazzjoni tas-16 ta' Novembru 2021 jipprevedi li r-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jieħu kont ta' dik ir-Rakkomandazzjoni fir-rapport annwali dwar il-PESCO mill-2022 'il quddiem, liema rapport ser jappoġġa l-valutazzjoni tat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti minn kull Stat Membru parteċipanti. |
|
(6) |
Fit-23 ta' Mejju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1015 (4), li, fost l-oħrajn, ikkonfermat il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-PESCO. |
|
(7) |
Fit-13 ta' Novembru 2023, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni tiegħu (5) li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti, li tipprovdi gwida għall-implimentazzjoni tal-PESCO, kif ukoll għar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO, inkluż l-għan u l-iskeda ta' żmien tagħha. |
|
(8) |
Fl-20 ta' Marzu 2024, ir-Rappreżentant Għoli ppreżenta r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika, li saħaq li l-PESCO tibqa' qafas kruċjali għall-kooperazzjoni fid-difiża biex tiżdied il-kapaċità li naġixxu u ninvestu flimkien u nnota li r-Rieżami Strateġiku jipprovdi opportunità kbira biex il-PESCO tiġi adattata għall-ambjent mibdul u biex ssir adatta għall-iskop tagħha għas-snin li ġejjin. |
|
(9) |
Fis-27 ta' Mejju 2024, il-Kunsill approva Konklużjonijiet dwar is-Sigurtà u d-Difiża tal-UE, fejn saħaq li l-PESCO hija qafas ċentrali biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri parteċipanti fil-livell tal-Unjoni, billi ssaħħaħ it-tħejjija operazzjonali u l-interoperabbiltà, l-infiq u l-investiment fid-difiża, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom għall-missjonijiet l-aktar impenjattivi, kif ukoll billi tgħin biex tinbena kultura strateġika komuni. Il-Kunsill ipprovda wkoll gwida għar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO li għaddej bħalissa, li tindirizza kemm l-impenji aktar vinkolanti kif ukoll il-proġetti kollaborattivi. |
|
(10) |
Fil-31 ta' Lulju 2024, ir-Rappreżentant Għoli pprovda lill-Kunsill ir-Rapport Annwali dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-PESCO (ir-“Rapport Annwali”), inkluż dwar it-twettiq minn kull Stat Membru parteċipanti tal-impenji tiegħu, f'konformità mal-PIN aġġornat u rieżaminat tiegħu, u ppreżenta wkoll rakkomandazzjonijiet, abbażi tal-fażi ta' riflessjoni tar-Rieżami Strateġiku, dwar it-tfassil tal-PESCO għat-tieni fażi tagħha mill2026 sal-2030 biex twieġeb aħjar u tagħti riżultati aħjar fl-ambjent tas-sigurtà li qed jinbidel. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Kunsill jadotta Rakkomandazzjoni li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu l-impenji meħuda fil-qafas tal-PESCO, |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
I. Objettiv u ambitu
|
1. |
L-objettiv ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tivvaluta l-kontributi li saru mill-Istati Membri parteċipanti biex iwettqu 1-20 l-impenn aktar vinkolanti meħuda fil-qafas tal-PESCO. Il-valutazzjoni hi bbażata fuq ir-Rapport Annwali pprovdut mir-Rappreżentant Għoli fil-31 ta' Lulju 2024 u fuq il-PIN ippreżentati mill-Istati Membri parteċipanti fl-2024, li kienu akkumpanjati minn dikjarazzjonijiet politiċi ta' livell għoli. Din is-sena, ir-Rapport Annwali fih taqsima ddedikata għar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO. |
II. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
2. |
Ir-Rapport Annwali joffri bażi solida biex jiġi vvalutat l-istatus tal-implimentazzjoni tal-PESCO, inkluż l-issodisfar tal-20 impenn aktar vinkolanti, inkluż permezz tal-proġetti tal-PESCO, minn kull Stat Membru parteċipanti f'konformità mal-PIN tiegħu. |
|
3. |
Il-Kunsill jinnota li, f'konformità maċ-ċiklu biennali, l-Istati Membri parteċipanti kollha akkumpanjaw il-PIN tagħhom b'dikjarazzjoni politika ta' livell għoli, li tiddeskrivi l-kisbiet ewlenin u tiddikjara prijoritajiet u kontributi nazzjonali speċifiċi għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti. Il-Kunsill jisħaq fuq ir-rilevanza ta' PIN iffukati bħala bażi għall-valutazzjoni tal-progress fil-PESCO u dik tad-dikjarazzjonijiet politiċi bħala mezz biex tiġi żgurata s-sjieda politika meħtieġa. |
|
4. |
Il-Kunsill jirrikonoxxi l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti fl-adozzjoni ta' approċċ aktar strateġiku u mmexxi mill-politika fil-PIN tagħhom, appoġġat minn eżempji ta' azzjonijiet konkreti meħuda. Madankollu, huwa jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi kontinwi biex jiġu riflessi aħjar f’dawk l-PINs il-politiki ta' difiża, l-istrateġiji u l-ippjanar li jħarsu 'l quddiem, u l-objettivi fit-tul tal-Istati Membri parteċipanti. Dan ser jgħin biex jiġu artikolati l-intenzjoni politika u l-viżjoni għat-twettiq tal-impenji. Dan l-approċċ ser jikkontribwixxi wkoll għall-viżibbiltà politika tal-inizjattiva. |
|
5. |
Il-Kunsill jissottolinja li, matul il-perjodu ta' rapportar, il-PESCO baqqgħet qafas ċentrali għall-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fost l-Istati Membri parteċipanti fil-livell tal-Unjoni, billi saħħet it-tħejjija operazzjonali u l-interoperabbiltà, l-infiq u l-investiment fid-difiża, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom għall-missjonijiet l-aktar impenjattivi, kif ukoll billi għenet biex tinbena kultura strateġika komuni. |
|
6. |
Il-Kunsill jilqa' l-fatt li r-Rapport Annwali jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO, abbażi tal-eżiti tal-fażi ta' riflessjoni tar-Rieżami, imwettqa f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2023. |
Impenji
|
7. |
Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, il-Kunsill jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni msaħħa fil-qafas tal-PESCO u t-titjib fl-oqsma kollha ta' impenn. Fl-istess ħin, jirrikonoxxi li huwa meħtieġ aktar progress għat-twettiq tal-impenji kollha sa tmiem it-tieni fażi inizjali tal-PESCO fl-2025. |
|
8. |
Għal dak l-għan, il-Kunsill jissottolinja li:
|
|
9. |
Barra minn hekk il-Kunsill jappella lil kull Stat Membru parteċipant biex iqis il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fir-Rapport Annwali, u jirrieżamina u jaġġorna l-kontribut tiegħu għat-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti kollha. |
Proġetti tal-PESCO
|
10. |
Filwaqt li jinnota r-Rapport ta' Progress tal-Proġetti PESCO tas-16 ta' Lulju 2024 (6), il-Kunsill jilqa' l-progress ġenerali tal-proġetti fl-oqsma kollha, b'għadd sinifikanti ta' proġetti li avvanzaw għall-fażi ta' eżekuzzjoni. Il-Kunsill jinnota wkoll li matul is-sena li għaddiet, il-proġetti PESCO komplew jagħtu riżultati tanġibbli filwaqt li xi wħud irrapportaw dewmien. |
|
11. |
Il-Kunsill jissottolinja r-rilevanza tal-proġetti PESCO għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE fis-sitwazzjoni ġeostrateġika l-ġdida, filwaqt li juri r-reżiljenza u l-adattabbiltà tagħhom għal sfidi multidimensjonali. Il-Kunsill jinnota li r-rilevanza kontinwa tal-proġetti PESCO hija kkonfermata minn żieda sinifikanti fil-livell ta' parteċipazzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fis-sena li għaddiet u minn xi stati terzi li esprimew interess li jissieħbu fi proġetti speċifiċi. |
|
12. |
Il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fil-kuntest tal-PESCO f'oqsma operazzjonali differenti, inkluż permezz ta' proġetti PESCO attwali u futuri. Il-Kunsill jilqa' l-fatt li, għal dan l-għan, diversi proġetti li għaddejjin qed jaħdmu biex jindirizzaw it-tagħlimiet mir-ritorn ta' gwerra ta' intensità għolja fil-kontinent Ewropew, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kapaċitajiet ta' sparar indirett u t-taħriġ mediku fil-qasam tal-art, it-trasport strateġiku bl-ajru, l-iżgurar tal-kontroll fuq l-ispazju tal-ajru, ir-rikonjizzjoni, is-sorveljanza, u l-immirar tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-ajru, il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika taħt l-ilma fil-qasam marittimu, u l-ambjenti ta' taħriġ ċibernetiku fil-qasam ċibernetiku. |
|
13. |
Il-Kunsill ifakkar li bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020 (7), 26 proġett kellhom jagħtu riżultati konkreti jew jilħqu kapaċità operazzjonali sħiħa (FOC) sal-2025. Il-Kunsill jinnota li attwalment nofs dawn il-proġetti huma mistennija jilħqu dan l-objettiv, inkluż tnejn li diġà ngħalqu b'suċċess u b'riżultati tanġibbli fl-2024: Grupp Ristrett li Jħaddem ir-Rispons għall-Kriżijiet tal-EUFOR li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi tal-UE ta' rilevament tal-forzi, u Kmand Mediku Ewropew, li jistabbilixxi kapaċità medika permanenti li tappoġġa l-koordinazzjoni tas-servizzi mediċi militari tal-Istati Membri. Din il-kapaċità medika diġà ntużat b'appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 u pprovdiet assistenza lill-Ukrajna wara l-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra dak il-pajjiż. |
|
14. |
Il-Kunsill jilqa' l-fatt li l-proġetti PESCO fl-oqsma ċibernetiċi u marittimi qed jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta' politiki usa' tal-UE li huma ta' benefiċċju wkoll għall-qasam militari, jiġifieri l-Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża (8) u l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà Marittima (9). Il-Kunsill jilqa' wkoll il-fatt li l-implimentazzjoni tas-sett il-ġdid ta' azzjonijiet maqbula fil-Wegħda dwar il-Mobbiltà Militari tal-2024 ser tiġi ffaċilitata mill-proġetti PESCO Mobbiltà Militari u Network ta' Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa li jipprovdu eżempju ta' kollaborazzjoni bejn il-proġetti PESCO. |
|
15. |
Il-Kunsill jenfasizza li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE għandhom jibbenefikaw mill-outputs tal-proġetti tal-PESCO u b'hekk jottimizzaw ir-riżorsi eżistenti u jtejbu l-effettività ġenerali tagħhom. F'dan ir-rigward, diversi proġetti li għaddejjin bħalissa jfittxu kooperazzjoni bħal din. |
|
16. |
Il-Kunsill jenfasizza li element ewlieni għas-suċċess tal-proġetti PESCO huwa proposta stabbilita sew b'livell xieraq ta' maturità, u skeda ta' żmien ċara. Dan intwera minn diversi proġetti adottati f'Mejju 2023 li diġà qed isir progress fihom, u proġett wieħed li beda l-implimentazzjoni tiegħu fil-qafas tal-PESCO mill-fażi ta' eżekuzzjoni. |
|
17. |
Fid-dawl tas-sejħa għas-sitt mewġa ta' proposti għal proġetti PESCO, imnedija f'Lulju 2024, il-Kunsill jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proġetti l-ġodda jiżguraw koerenza sħiħa mal-Prijoritajiet tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE tal-2023, inkluż l-Għanijiet ta' Kapaċità b'Impatt Għoli, u l-eżiti tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) tal-2024. Il-Kunsill jissottolinja li l-opportunitajiet kollaborattivi identifikati permezz tal-CARD jenħtieġ li jiggwidaw lill-Istati Membri għal proġetti PESCO ġodda, u l-kontinwazzjoni u l-espansjoni possibbli fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk eżistenti. Fid-dawl tax-xenarju tat-theddid li qed jiddeterjora malajr u l-ħtieġa li tissaħħaħ b'mod urġenti t-tħejjija tad-difiża tal-Unjoni, kif ukoll li jintlaħaq il-livell ta' ambizzjoni tal-UE, il-Kunsill iħeġġeġ biex jiġu kkunsidrati proġetti ambizzjużi ġodda ta' rilevanza strateġika b'enfasi fuq dawk li ser jindirizzaw il-kapaċitajiet meħtieġa bl-aktar mod kritiku tal-Istati Membri parteċipanti, anke biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha, u proġetti li jappoġġaw il-EU RDC u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, it-tħejjija, u l-interoperabbiltà tal-forzi biex tkompli tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. |
|
18. |
Il-Kunsill ifakkar li Stati terzi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali jistgħu b'mod eċċezzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO, f'konformità mal-proċedura ta' stedina li tinsab fid-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-Kunsill itenni li huwa jistenna b'interess il-parteċipazzjoni futura tar-Renju Unit fil-proġett ta' Mobbiltà Militari, mat-tlestija tal-Arranġament Amministrattiv, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2244 (10). |
III. Rieżami Strateġiku tal-PESCO
|
19. |
Il-Kunsill ifakkar fil-gwida tiegħu, ipprovduta fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2023 fir-rigward tar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO, li permezz tiegħu l-Istati Membri parteċipanti ser jivvalutaw it-twettiq tal-impenji kollha tal-PESCO stabbiliti għall-fażi inizjali, u jiddiskutu u jiddeċiedu dwar impenji ġodda, bil-ħsieb li jibdew stadju ġdid lejn l-integrazzjoni Ewropea tas-sigurtà u d-difiża, f'konformità mal-Boxxla Strateġika. |
|
20. |
F'dan il-kuntest, il-Kunsill jilqa' l-konklużjoni b'suċċess tal-fażi ta' riflessjoni, li saret minn Novembru 2023 sa Mejju 2024, li inkludiet diskussjonijiet fost l-Istati Membri parteċipanti dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-profondità tar-Rieżami Strateġiku tal-PESCO, u jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet riflessi fir-Rapport Annwali. |
|
21. |
Filwaqt li jfakkar li r-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għandu jirriżulta f'PESCO aktar strateġika u effettiva lil hinn mill-2025, sabiex tiġi ffinalizzata l-fażi tad-deċiżjoni, il-Kunsill ser jipprovdi gwida ffukata dwar il-futur tal-PESCO permezz tal-Konklużjonijiet tiegħu li għandhom jiġu approvati f'Novembru 2024. |
IV. It-triq 'il quddiem
|
22. |
L-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħmlu aktar progress fl-implimentazzjoni tal-20 impenn aktar vinkolanti, bil-ħsieb li kollha kemm huma jitwettqu sal-2025, kif ukoll fil-proġetti relatati, b'kont meħud ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kunsill jissottolinja li l-proġetti jenħtieġ li jassistu lill-Istati Membri parteċipanti fit-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti. |
|
23. |
Ir-Rapport Annwali pprovda informazzjoni dwar il-progress miksub fit-twettiq tal-impenji aktar vinkolanti mit-tnedija tal-PESCO fl-2017 u b'hekk ippreżenta l-istatus tal-implimentazzjoni tal-PESCO hekk kif l-inizjattiva qed toqrob lejn tmiem il-fażi inizjali tagħha fl-2025. Għalhekk, l-Istati Membri parteċipanti huma mistiedna jivvalidaw l-informazzjoni fil-PIN tagħhom għall-2024 u jżidu biss bidliet sinifikanti mis-sena preċedenti, filwaqt li jagħmlu enfasi fuq kwistjonijiet politiċi u relatati mal-politika li jbiddlu jew itejbu l-istampa ġenerali. |
|
24. |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid il-gwida deskritta fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-13 ta' Novembru 2023, b'mod partikolari kif stabbilita fil-paragrafi 20 sa 23 tagħha, dwar impenji, proġetti, koerenza ma' inizjattivi u proċessi oħra, u sorveljanza politika ġenerali, li tibqa' valida. Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti biex jindirizzaw dik il-gwida, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti hawnhekk, filwaqt li jistedinhom jimplimentaw, kemm jista' jkun fil-fażi attwali tal-PESCO, l-orjentazzjonijiet li ser jingħataw fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO. Dan ser jgħin biex titwitta t-triq għat-tieni fażi tal-PESCO, skedata li tibda fl-2026. |
|
25. |
F'dan ir-rigward, il-Kunsill jistenna b'interess l-emenda tal-atti legali rilevanti tal-PESCO fl-2025 abbażi tal-gwida li għandha tiġi pprovduta fil-Konklużjonijiet li jmiss tiegħu dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO, li għandhom jiġu approvati f'Novembru 2024. |
Magħmul fi Brussell, il-18 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.
(3) ĠU C 464, 17.11.2021, p. 1.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1015 tat-23 ta' Mejju 2023 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-PESCO, u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri parteċipanti (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 73).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2023 li tivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw impenji meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) (ĠU C, 14.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/994/oj).
(6) Rapport ta' Progress tas-16 ta' Lulju 2024 dwar il-Proġetti PESCO (12340/24).
(7) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami Strateġiku tal-PESCO għall-2020 tal-20 ta' Novembru 2020 (13188/20).
(8) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża tat-22 ta' Mejju 2023 (9618/23).
(9) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Riveduta dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE (EUMSS) u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha tal-24 ta' Ottubru 2023 (14280/23).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2244 tal-14 ta’ Novembru 2022 dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari (ĠU L 294, 15.11.2022, p. 22).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6982/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)