|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6881 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Il-finanzjament għall-klima: pjan direzzjonali ġdid għat-twettiq tal-ambizzjoni klimatika għolja u l-SDGs
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6881)
Relatur:
Antje GERSTEINKorelatur:
Kęstutis KUPŠYS|
Konsulenti |
Phoebe KOUNDOURI (għar-relatur) Marina OLSHANSKAYA (għall-korelatur) |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
18.1.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
3.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
19.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
141/1/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament għall-klima jiġi rikonoxxut bħala mekkaniżmu sofistikat li għandu l-għan li jimmobilizza r-riżorsi u jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn futur reżiljenti u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan jinkludi riżorsi finanzjarji allokati kemm għall-isforzi ta’ mitigazzjoni kif ukoll għal dawk ta’ adattament fl-azzjoni klimatika, b’rabta mal-kumpens (telf u ħsara) u l-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta. |
|
1.2. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom il-finanzi pubbliċi fl-adattament. B’differenza mill-proġetti ta’ mitigazzjoni fejn is-suċċess jista’ jiġi kkwantifikat f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u redditi finanzjarji, l-evalwazzjoni tal-proġetti ta’ adattament hija aktar diffiċli, u tirrikjedi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ apposta u data kumplessa. Simili għall-proġetti ta’ mitigazzjoni, il-miżuri effettivi ta’ adattament tipikament jirrikjedu investimenti fit-tul f’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, fl-infrastruttura, fit-teknoloġija u fil-bini tal-kapaċitajiet. L-iżgurar tal-finanzjament għal dawn il-proġetti jirrikjedi impenn kemm mill-atturi pubbliċi kif ukoll minn dawk privati fuq perjodi estiżi, li jista’ jkun ta’ sfida minħabba prijoritajiet li jikkompetu ma’ xulxin u flussi ta’ finanzjament futuri inċerti. |
|
1.3. |
Il-KESE jsostni li l-aċċess għall-finanzjament għall-klima għall-inizjattivi lokali, il-movimenti fil-livell lokali, u l-imsieħba soċjali huwa vitali biex tiżdied l-azzjoni klimatika, u dan jirrifletti l-esperjenza tal-UE biex tixpruna bidla sinifikanti u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunità. |
|
1.4. |
Il-KESE jirrimarka li l-finanzjament imħallat, li fil-kuntest tiegħu s-settur pubbliku jaqdi r-rwol sinifikanti għat-tneħħija tar-riskji tal-investiment privat, joffri benefiċċji sostanzjali. Neħtieġu b’mod urġenti li jiġu inkorporati soluzzjonijiet li jinċentivaw lis-settur privat (1) biex juża r-riżorsi finanzjarji tiegħu u biex ikun involut b’mod attiv fil-pjani nazzjonali u reġjonali ta’ adattament u mitigazzjoni. Madankollu, dan ma għandux ipoġġi piżijiet sproporzjonati fuq il-finanzi pubbliċi u l-ħaddiema. |
|
1.5. |
Il-KESE jappoġġja r-rwol influwenti tal-BĊE fil-promozzjoni tar-reżiljenza, il-bijodiversità u l-prattiki finanzjarji li jqisu kwistjonijiet relatati mal-klima, b’mod partikolari fl-iffaċilitar tal-investimenti fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżgurar li l-flussi finanzjarji jkunu allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
|
1.6. |
Il-KESE jenfasizza li neħtieġu approċċ komprensiv għas-serħan mid-dejn biex jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż tad-dejn u n-nuqqas ta’ investiment fl-adattament (fost l-oħrajn), li huwa segwit minn vulnerabbiltà akbar, u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-bonds marbuta mal-SDGs. |
|
1.7. |
Il-KESE jaqbel mal-proposti reċenti tal-UE, li n-negozjati dwar l-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat (NCQG) dwar il-Finanzjament għall-Klima għandhom jimmiraw li jagħmlu l-finanzjament għall-klima 1) aktar adegwat għall-użu u favur il-bijodiversità (2), 2) aktar effettiv – billi jiġi żgurat li jkun a) aktar semplifikat, effettiv u aċċessibbli, b) inqas burokratiku, u c) aktar reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru – u 3) ikun iktar immirat lejn l-aktar pajjiżi u komunitajiet vulnerabbli. |
|
1.8. |
Fil-fehma tal-KESE, l-ispirtu tal-kunċett ta’ Tranżizzjoni Ġusta għandu jiggwida l-allokazzjoni tal-flussi kollha ta’ finanzjament għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, u fl-istess ħin jenfasizza l-allinjament mal-limiti operattivi sikuri u ġusti tad-dinja u mal-objettivi soċjali u ekonomiċi fuq skala usa’, u jkollu l-SDGs fil-qalba tiegħu. |
2. Pilastri essenzjali tal-finanzjament għall-klima
|
2.1. |
L-impatti devastanti tal-kriżi klimatika jinħassu kemm fl-Ewropa kif ukoll fuq livell globali. Is-sena l-oħra (2023) kienet l-ewwel sena li matulha ġew irreġistrati ta’ kuljum temperaturi li kienu grad (1) Celsius, jew aktar, ogħla mil-livelli preindustrijali. Minbarra l-effetti katastrofiċi fuq is-saħħa u l-bijodiversità, it-tibdil fil-klima wassal għal telf finanzjarju enormi ta’ madwar 16,3 miljun dollaru Amerikan fis-siegħa, skont il-Forum Ekonomiku Dinji (3), bil-kost globali mistenni jikber għal aktar minn 30 triljun dollaru fis-sena sal-2050 (4). |
|
2.2. |
Id-distakk bejn ir-riżorsi ddedikati għall-azzjoni klimatika u r-rekwiżiti urġenti għall-involviment fl-azzjoni klimatika jilħaq it-triljuni. Ir-rekwiżiti sa tmiem dan id-deċennju huma fil-medda ta’ bejn USD 6 u 12-il triljun (kull sena), waqt li l-aħħar data aggregata u medja għall-2021/2022 turi li l-flussi annwali ta’ finanzjament għall-klima laħqu kważi USD 1,3 triljun (5). |
|
2.3. |
L-iskala tal-investiment meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima taqbeż bil-kbir il-livelli attwali ta’ finanzjament, u dan jeħtieġ sforzi konġunti mill-gvernijiet, min-negozji u mis-soċjetà ċivili biex jimmobilizzaw ir-riżorsi b’mod effettiv. Il-KESE jinnota li żdiedu l-isforzi għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi finanzjarji innovattivi biex jitrawmu l-investiment ekoloġiku u l-innovazzjoni ekoloġika. L-UE mexxiet l-isforz globali fil-promozzjoni tal-għodod u l-bini tal-kapaċitajiet, l-iffaċilitar tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-iskoperta ta’ sinerġiji transsettorjali fil-qasam tal-finanzjament għall-klima. |
|
2.4. |
Il-biċċa l-kbira tar-riżorsi finanzjarji eżistenti ġew allokati għall-isforzi ta’ mitigazzjoni, waqt li l-fondi speċifiċi għall-adattament ammontaw għal USD 63 biljun biss (inqas minn 5 % tal-finanzjament totali għall-klima), primarjament minn fondi pubbliċi. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu sa USD 387 biljun fis-sena għal proġetti ta’ adattament biex jintlaħqu l-miri klimatiċi (6). L-UE ddedikat waħda mill-ħames Missjonijiet tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima; madankollu, il-gvernijiet sottonazzjonali tal-UE investew total ta’ EUR 8,3 biljun fl-2022, mentri l-ħtiġijiet ta’ adattament għall-Ewropa huma stmati għal EUR 18-36 biljun fis-sena sal-2030. |
|
2.5. |
L-aktar atturi importanti u viżibbli fil-governanza tat-tibdil fil-klima – l-istati nazzjon – huma mgħobbija żżejjed bid-dejn u ma għandhomx is-saħħa istituzzjonali biex inaqqsu l-livelli tad-dejn u jsostnu t-tkabbir. Diversi kriżijiet naqqsu l-marġni tagħhom għal “manuvra” fiskali u monetarja. Madankollu, paradossalment, id-data minn 170 pajjiż turi li dawn nefqu USD 1,3 triljun fuq sussidji espliċiti għall-fjuwils fossili, u USD 5,7 triljun fuq sussidji impliċiti (eż. spejjeż tas-saħħa mhux kontabilizzati dovuti għal tniġġis b’rabta mal-fjuwils fossili) fl-2022 (7). |
|
2.6. |
L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi enormi jeħtieġ kunsens globali li jallinja l-flussi tal-finanzjament għall-klima mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) sabiex jiġu massimizzati l-effetti ta’ riżorsi finanzjarji pubbliċi limitati. |
|
2.7. |
Id-diskors modern dwar il-klima jenfasizza l-għanijiet doppji tal-mitigazzjoni (it-tnaqqis tal-emissjonijiet) u l-adattament (it-tħejjija għall-impatti), li huma essenzjali biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika. Il-KESE jistaqsi jekk l-approċċ attwali, li jikkategorizza b’mod esklużiv il-finanzjament għall-klima bl-użu tal-kategoriji tal-mitigazzjoni u l-adattament, huwiex adegwat fid-dawl tal-isfidi globali li għandna quddiemna. Id-diskors dwar il-finanzjament għall-klima jrid iqis is-sinerġiji bejn l-adattament u l-mitigazzjoni, kif ukoll jindirizza dimensjonijiet bħall-kumpens, it-tranżizzjoni ġusta, u oqsma trasversali bħat-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis, u l-inugwaljanzi. L-integrazzjoni ta’ dawn l-aspetti fi strateġiji usa’ ta’ finanzjament għall-klima hija kruċjali sabiex tingħata ħajja ġdida lill-azzjoni klimatika u l-isforzi ta’ żvilupp sostenibbli biex il-kriżi klimatika tiġi indirizzata b’mod effettiv. |
|
2.8. |
Wara l-introduzzjoni tal-kunċett importanti ta’ “tranżizzjoni ġusta”, il-Konferenza tal-Partijiet (COP) u l-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (CMA) għamlu progress ulterjuri billi stabbilew arranġamenti ġodda ta’ finanzjament biex jipprovdu assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma partikolarment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima biex jindirizzaw it-telf u l-ħsara. Dan id-dibattitu huwa interkonness mal-isforz usa’ biex jiġi żgurat finanzjament mhux biss għall-pajjiżi vulnerabbli li qed jiffaċċjaw impatti klimatiċi severi (li xi drabi litteralment jheddu s-sopravivenza fiżika), iżda wkoll għall-kumpens f’sens usa’. Dan l-approċċ addizzjonali jkun jirrikjedi diskussjoni komprensiva u jikkostitwixxi pilastru ġdid tal-qafas ta’ finanzjament għall-klima. Dan ikun jirrikjedi kundizzjonalitajiet meqjusa biex jappoġġjaw lill-pajjiżi, lir-reġjuni u lill-komunitajiet ’il hinn mill-adattament, biex isalvaw lil dawk l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima. Jista’ jkun ukoll fergħa separata fi ħdan il-Fond għat-Telf u l-Ħsara. |
|
2.9. |
Huwa u jkompli jibni fuq l-idea tal-ġustizzja klimatika, il-finanzjament ta’ “tranżizzjoni ġusta” irid isib rwol distint fix-xenarju tal-finanzjament għall-klima. Din id-dimensjoni tal-finanzjament għall-klima, li tikkombina l-ġustizzja għal dawk affettwati direttament mill-politiki dwar il-klima mal-finanzjament għall-industriji fi tranżizzjoni, ħafna drabi tiġi injorata fl-oqfsa “tradizzjonali” ta’ finanzjament għall-klima. Għalkemm il-finanzjament tat-tranżizzjoni jikkoinċidi mal-finanzjament attwali ta’ mitigazzjoni u adattament, jagħmel sens li jiġu enfasizzati l-flussi kapitali għal “tranżizzjoni ġusta” biex jinxteħet dawl fuq il-bidliet industrijali u t-trasformazzjoni tax-xogħol relatata. |
|
2.10. |
Il-prattiki tajbin huma abbundanti, u huma meħtieġa aktar sforzi u koordinazzjoni fit-tixrid tagħhom. Il-KESE jenfasizza l-inizjattivi appoġġjati min-network tal-Alleanza ta’ Eċċellenza għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Aephoria (AE4RIA) (8), bħal Pathways2Resilience, ARSINOE u l-immappjar tal-SDGs tal-attivitajiet ta’ rapportar tal-ambjent korporattiv, soċjali u ta’ governanza (kriterji ESG) bl-użu ta’ metrika avvanzata, li joffru perkorsi promettenti għall-indirizzar tal-isfidi li ġejjin. |
|
2.11. |
L-aċċess għall-finanzjament għall-klima minn inizjattivi lokali u minn movimenti fil-livell taċ-ċittadini huwa kruċjali għall-mobilizzazzjoni tal-azzjoni klimatika fuq skala kbira. Kif muri mill-esperjenza tal-UE, dawn l-approċċi minn isfel għal fuq għandhom rwol ċentrali biex jixprunaw bidla sinifikattiva u jrawmu r-reżiljenza tal-komunità. Madankollu, għandu jkun hemm għodod u strumenti finanzjarji speċifiċi li jkunu faċilment aċċessibbli, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi finanzjarji jilħqu l-livell taċ-ċittadini mingħajr ostakli bla bżonn. L-esperjenza tal-UE fil-qasam tal-finanzjament kollettiv ta’ azzjonijiet klimatiċi turi l-effettività tal-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet lokali biex jieħdu s-sjieda tal-isforzi ta’ sostenibbiltà. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-klima għal movimenti fil-livell taċ-ċittadini jista’ jservi wkoll bħala katalist għal azzjoni trasformattiva fuq skala akbar. Kif rikonoxxut ġustament f’rapport reċenti tan-NU (9), id-deċentralizzazzjoni tal-finanzjament għall-klima tgħin biex tinbena r-reżiljenza minn isfel għal fuq, u tikkontribwixxi għal perkorsi ta’ żvilupp sostenibbli aktar lokalizzati. |
3. Ir-rwol tal-finanzi pubbliċi
|
3.1. |
Il-finanzi pubbliċi jipprovdu ingranaġġ sinifikanti għall-adattament. B’differenza mill-proġetti ta’ mitigazzjoni fejn is-suċċess jista’ jiġi kkwantifikat f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u redditi finanzjarji, l-evalwazzjoni tal-proġetti ta’ adattament hija aktar diffiċli u tirrikjedi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ apposta u data kumplessa. Simili għall-proġetti ta’ mitigazzjoni, il-miżuri effettivi ta’ adattament tipikament jirrikjedu investimenti fit-tul fl-infrastruttura, fit-teknoloġija u fil-bini tal-kapaċitajiet. L-iżgurar tal-finanzjament għal dawn il-proġetti jirrikjedi impenn kemm mill-atturi pubbliċi kif ukoll dawk privati fuq perjodi estiżi, kif ukoll perspettiva ta’ ppjanar fit-tul, li tista’ tkun ta’ sfida minħabba prijoritajiet f’kompetizzjoni u flussi ta’ finanzjament futuri inċerti. |
|
3.2. |
B’mod mhux sorprendenti, l-adattament f’pajjiżi vulnerabbli huwa nieqes mir-riżorsi u jiġi injorat. Id-distakki fil-governanza, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti jistgħu jiġu mmitigati permezz ta’ sforzi internazzjonali għall-bini tal-kapaċitajiet, iżda dan l-approċċ għandu l-limiti tiegħu. Il-KESE jqis il-promozzjoni ta’ approċċ ta’ benefiċċju doppju (mitigazzjoni u adattament) bħala mod kif jinkiser iċ-ċiklu ta’ governanza fqira li jnaqqas l-interess tad-donaturi fl-adattament tal-finanzjament bi flus pubbliċi. |
|
3.3. |
Il-KESE jara l-mertu tal-kondiviżjoni effiċjenti tal-isforzi fil-flussi ta’ finanzjament għall-adattament, b’mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni mtejba bejn sorsi kapitalizzati aħjar u inqas għaljin fil-livell tal-UE u r-riċevituri finali tal-benefiċċju finali fil-livell sottonazzjonali. Din il-loġika għandha tapplika wkoll fuq skala globali, fejn il-problema persistenti tal-kost u n-nuqqas ta’ investiment tixbah il-firda interna tal-UE bejn il-pajjiżi f’qagħda aħjar u/jew ir-reġjuni li baqgħu lura. |
|
3.4. |
Il-Kumitat jappoġġja wkoll sejħiet biex l-atturi internazzjonali fil-qasam tal-klima jadattaw u jiżviluppaw il-prodotti u s-soluzzjonijiet finanzjarji disponibbli fi proġetti ta’ adattament bankabbli u effiċjenti (10), mingħajr ma joħolqu piżijiet sproporzjonati fuq il-finanzi pubbliċi u l-ħaddiema. Il-finanzjament imħallat bi rwol sinifikanti għas-settur pubbliku fit-tneħħija tar-riskji għall-investiment privat huwa approċċ importanti f’dan il-kuntest. |
|
3.5. |
Sabiex jiġu stabbiliti b’mod effettiv mekkaniżmi ta’ tneħħija tar-riskji għall-investiment privat f’soluzzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawk li jfasslu l-politika, appoġġjati minn istituzzjonijiet globali ta’ finanzjament għall-klima, għandhom jimplimentaw pakketti komprensivi ta’ interventi pubbliċi mmirati. Dawn għandhom jiffukaw b’mod strateġiku fuq it-tnaqqis, it-trasferiment jew il-kumpens għar-riskji makroekonomiċi marbuta ma’ tali investimenti. Il-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji jistgħu jinkludu l-għoti ta’ garanziji jew assigurazzjoni kontra l-fluttwazzjonijiet tal-munita jew l-instabbiltà politika. It-trasferiment tar-riskji għandu mnejn jinvolvi l-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji speċjalizzati jew sħubijiet ma’ istituzzjonijiet multilaterali biex jinqasam il-piż. Barra minn hekk, il-kumpens għar-riskji jista’ jinvolvi inċentivi fiskali jew sussidji għat-tpaċija tat-telf potenzjali. Bl-allinjament kosteffettiv ta’ dawn l-interventi, dawk li jfasslu l-politika jistgħu joħolqu profil ta’ riskju u redditu attraenti li jinkoraġġixxi investiment sinifikanti mis-settur privat f’azzjonijiet klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
|
3.6. |
Id-data dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili u l-infiq relatat turi l-potenzjal li tiġi ffinanzjata l-azzjoni klimatika b’fondi pubbliċi: it-tneħħija tas-sussidji tillibera immedjatament il-baġits tal-Istat, u toħloq aktar “spazju fiskali”. Dan jindika wkoll b’mod ċar l-ipprezzar għan-negozji u s-soċjetà. Il-Parlament Ewropew diġà appella għall-abolizzjoni sħiħa tas-sussidji għall-fjuwils fossili (11), u emittent ewlieni ieħor – l-Istati Uniti tal-Amerka – esprima intenzjonijiet simili, u jista’ jkun li diġà ħa azzjoni (12). L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji espliċiti u impliċiti għall-fjuwils fossili għandha ssir gradwalment u b’mod ġust, billi tevita effetti rigressivi u tipprovdi xbieki ta’ sikurezza, bħall-Fond Soċjali għall-Klima tal-UE, biex jiġu assistiti l-unitajiet domestiċi vulnerabbli li għadhom jiddependu fuq il-fjuwils fossili għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. |
|
3.7. |
Jista’ jkun li diġà ġew mobilizzati triljuni ta’ dollari għall-finanzjament għall-klima, iżda l-pajjiżi l-anqas żviluppati qed iħabbtu wiċċhom ma’ dejn estern enormi, b’total ta’ USD 570 biljun (13). Dawn in-nazzjonijiet issa qed jonfqu ħames darbiet aktar fuq il-pagamenti tal-imgħax tad-dejn minn għaxar snin ilu, u, b’mod allarmanti, mill-2018 ’il hawn nefqu aktar fuq id-dejn milli fuq l-edukazzjoni. L-ispejjeż tas-servizz tad-dejn f’xi wħud mill-ifqar pajjiżi jistgħu jilħqu sa 53,4 % tal-baġit totali tal-gvern (14). Il-KESE jinsab konvint li l-bonds marbuta mal-SDGs jistgħu jtaffu dan il-piż u fl-istess ħin jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti. |
|
3.8. |
Neħtieġu approċċ komprensiv għas-serħan mid-dejn biex jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż tad-dejn u n-nuqqas ta’ investiment fl-adattament (fost l-oħrajn), li huwa segwit minn vulnerabbiltà akbar, u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-bonds marbuta mal-SDGs. Is-serħan mid-dejn huwa importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ finanzjament għall-klima minħabba li jillibera r-riżorsi finanzjarji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jippermettilhom jinvestu aktar fl-isforzi ta’ mitigazzjoni u adattament. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda programm ta’ rifinanzjament tad-dejn fuq skala kbira għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. |
|
3.9. |
Mekkaniżmi mfassla apposta huma indikati biex jirristrutturaw id-dejn eċċessiv tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala swaps ta’ dejn għall-klima, fejn porzjonijiet tad-dejn tagħhom jinħafru bi skambju għal impenji ta’ investiment fi proġetti ta’ reżiljenza għall-klima u s-sostenibbiltà. Dan l-approċċ itaffi l-pressjoni fiskali, jinċentiva l-amministrazzjoni ambjentali u jappoġġja l-għanijiet klimatiċi globali. B’enfasi fuq l-impenji bbażati fuq l-eżitu (espressi f’miri ta’ prestazzjoni predeterminati għall-klima u s-sostenibbiltà), l-iswaps ta’ dejn għall-klima għandhom isiru parti integrali mix-xenarju globali tal-finanzjament għall-klima u tal-NCQG. |
|
3.10. |
Dan ikun jinvolvi l-konverżjoni tad-dejn sovran pendenti, u sa ċertu punt tal-obbligazzjonijiet tas-settur privat, tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’bonds marbuta mal-SDGs f’konformità mal-aġenda wiesgħa dwar is-sostenibbiltà (ibbażata fuq l-SDGs, b’enfasi partikolari fuq l-SDG13 – azzjoni klimatika) u kompatibbli mal-“Istandards tal-Impatt tal-SDGs għall-Emittenti tal-Bonds” tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u f’konformità wkoll mal-miri bbażati fuq ix-xjenza ta’ Pariġi u Kunming-Montreal. |
|
3.11. |
Regoli fiskali stretti se jorbtu jdejn l-atturi lokali, reġjonali u nazzjonali, u dan meta ż-żieda fir-rati tal-imgħax temmet l-opportunità ta’ self bi prezz baxx. Sabiex jiżdied il-kapital tad-dejn għall-klima b’mod effiċjenti, l-istituzzjonijiet supranazzjonali u multinazzjonali bi klassifikazzjonijiet tal-kreditu solidi għandu jkollhom rwol ewlieni. |
|
3.12. |
Hemm ħtieġa urġenti li jiġu inkorporati soluzzjonijiet li jisfruttaw ir-riżorsi finanzjarji privati u li jinċentivaw l-involviment privat fil-pjani nazzjonali u reġjonali ta’ adattament u mitigazzjoni. L-użu ta’ finanzjament pubbliku biex jinħoloq ingranaġġ għall-investiment privat mhux biss jikkumpensa l-kostijiet, inklużi dawk ta’ nuqqas ta’ azzjoni potenzjali, iżda jista’ jgħin ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali futura tal-atturi statali u sottostatali. L-għan għandu jkun li l-kapital privat jiġi dirett lejn investimenti li jrawmu l-innovazzjoni għal vantaġġ kompetittiv, li jkollhom effetti pożittivi fit-tul fuq l-iżvilupp lokali u reġjonali u li jikkontribwixxu għall-benesseri soċjali u ambjentali tas-soċjetajiet u tal-ħaddiema bil-ħsieb ta’ tranżizzjoni ġusta. |
4. L-involviment tas-settur privat u r-rwol tal-finanzjament imħallat
|
4.1. |
Wasal iż-żmien li l-investituri jiġu inċentivati fuq skala kbira biex jidderieġu l-investimenti ’l hinn minn proġetti li jagħmlu ħsara lill-klima, u fl-istess ħin itejbu r-restawr u l-konservazzjoni tan-natura. Għadna ngħixu f’sitwazzjoni fejn jintużaw wisq investimenti privati għal investimenti li jagħmlu ħsara lill-klima. Kif osservat f’rapport reċenti, ġew investiti USD 6,9 triljun mill-akbar 60 bank privat f’kumpaniji tal-fjuwils fossili mill-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi fl-2016 (15), minkejja t-twissijiet minn esperti li kwalunkwe espansjoni ulterjuri tal-fjuwils fossili se tirriżulta f’kaos klimatiku u ekonomiku (16). Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, jekk id-dinja jirnexxilha tnaqqas id-domanda għall-fjuwils fossili malajr biżżejjed biex tilħaq emissjonijiet żero netti sal-2050, il-proġetti ġodda f’oqsma mhux sostenibbli jiffaċċjaw riskji kummerċjali kbar (17). Fattur ewlieni f’dan ir-rigward huwa s-settur tar-riassigurazzjoni li beda jinkludi r-riskji klimatiċi fil-portafolli tiegħu (18). |
|
4.2. |
Il-KESE jappella għat-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ strateġiji ta’ tneħħija tar-riskji. Dan jinkludi:
|
|
4.3. |
Il-KESE jistieden lill-mexxejja tan-negozju u lil dawk li jfasslu l-opinjonijiet biex iħaddnu n-narrattiva pożittiva u jenfasizzaw l-opportunitajiet mill-azzjoni klimatika, speċjalment meta jiffaċċjaw telf kbir minn “nuqqas ta’ azzjoni klimatika”. It-tibdil tan-narrattiva minn “tibdil fil-klima bħala theddida” għal “tibdil fil-klima, tniġġis ġeneralizzat u telf tal-bijodiversità bħala tħassib komuni, li s-soluzzjoni tiegħu se tiżgura l-kontinwità tal-operat” se jgħin biex tinkiseb it-tranżizzjoni meħtieġa u jiġu evitati assi mhux rekuperabbli u kollass ekonomiku aħħari. |
|
4.4. |
Il-KESE jappoġġja l-approċċ innovattiv ta’ Avinash Persaud (23) għal erba’ sfidi: riskju makroekonomiku li jagħmel il-proġetti tal-klima impossibbli li jiġu ffinanzjati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; il-ħtieġa li dawn il-proġetti jiġu ffinanzjati fuq skala kbira biex jintlaħqu l-għanijiet globali tal-klima; swieq li jamplifikaw dawn ir-riskji, speċjalment fi żminijiet diffiċli; u l-qligħ minn intervent uffiċjali li jisboq l-ispejjeż minħabba l-interessi għoljin involuti. Is-soluzzjoni ta’ Persaud tippromovi finanzjament privat għal proġetti profittabbli, li jkopri madwar 60 % tal-investimenti meħtieġa, prinċipalment għall-mitigazzjoni, billi jipprovdi garanzija parzjali għar-riskju tal-munita u b’hekk jitnaqqas il-kost tal-investimenti fir-reġjuni rispettivi (pereżempju, ir-rata medja tal-imgħax għal park fotovoltajku titla’ għal-livell projbittiv ta’ 10,6 % fis-sena f’pajjiżi b’ekonomiji emerġenti ewlenin, meta mqabbla ma’ 4 % fl-UE). |
|
4.5. |
Id-divulgazzjoni tal-emissjonijiet u r-rapportar ta’ impronta usa’ tas-sostenibbiltà u l-isforz fil-livell korporattiv għandhom rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni tad-domanda tal-investituri għal finanzjament trasformattiv tal-azzjoni klimatika u biex il-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma’ perkors lejn livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, kif previst fl-Artikolu 2.1(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tas-Sostenibbiltà (ISSB) u l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) huma żewġ entitajiet distinti involuti fl-iżvilupp u r-rakkomandazzjoni tal-istandards tar-rapportar, li jistgħu jkunu komplementari. Dan huwa importanti b’mod partikolari għall-korporazzjonijiet multinazzjonali li jeħtieġ li jikkonformaw maż-żewġ settijiet ta’ standards. Il-KESE jappella għal kooperazzjoni effettiva bejn iż-żewġ korpi biex l-istandards jiġu allinjati aktar u tiġi żgurata l-interoperabbiltà. |
|
4.6. |
Il-prinċipju ta’ materjalità doppja, inkorporat b’mod espliċitu fil-qafas regolatorju għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fl-UE, jista’ jiġi stabbilit bħala mudell li jintuża b’mod wiesa’ għall-istandards żviluppati fil-livell globali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħidma tal-ISSB. Dan jippermetti kundizzjonijiet ekwi peress li l-kumpaniji fuq skala globali jingħataw il-mandat li jirrapportaw mhux biss dwar kif il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà jaffettwawhom iżda wkoll dwar kif l-attivitajiet tagħhom iħallu impatt fuq is-soċjetà u l-ambjent b’mod ġenerali. |
5. Ir-riforma tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u l-governanza tagħha
|
5.1. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa kritika li jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji u li jiġu diretti lejn l-indirizzar tal-impatti katastrofiċi multidimensjonali tat-tibdil fil-klima. Għal dan l-għan, ir-riforma tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u l-governanza tagħha hija essenzjali. L-atturi ewlenin fix-xenarju globali tal-finanzjament għall-klima jinkludu l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs) oħra, kif ukoll banek privati li jaġixxu bħala msieħba biex joħolqu ingranaġġ. |
|
5.2. |
Il-BĊE, bħala l-awtorità bankarja ċentrali għaż-żona tal-euro, għandu influwenza konsiderevoli fuq il-politika monetarja, ir-regolamenti bankarji u l-miżuri ta’ stabbiltà finanzjarja. Il-KESE jappoġġja r-rwol tal-BĊE fit-trawwim ta’ prattiki finanzjarji konxji mill-klima, inklużi investimenti fl-adattament għat-tibdil fil-klima u fl-iżgurar tal-allinjament mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. |
|
5.3. |
Il-KESE jara potenzjal kbir fir-rwol li l-banek privati jista’ jkollhom fil-finanzjament għall-klima jekk jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi biex irawmu oqfsa u inċentivi biex jinkoraġġixxu aktar investiment mis-settur privat fi proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima. |
|
5.4. |
Il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Fiskali Internazzjonali (24), stabbilita f’Diċembru 2023, hija mod ieħor biex jissaħħaħ il-finanzjament għall-klima billi jiġu promossi prattiki fiskali internazzjonali trasparenti u ġusti għall-kisba tal-SDGs. Din il-kooperazzjoni tgħin biex timmobilizza r-riżorsi domestiċi, tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa, u tiżgura li jkun hemm aktar fondi disponibbli għall-iżvilupp sostenibbli. |
|
5.5. |
Il-KESE jappella għal riforma tal-arkitettura finanzjarja internazzjonali u l-governanza tagħha biex jinħoloq qafas robust biex il-flussi finanzjarji jiġu diretti lejn l-għanijiet klimatiċi globali u tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn futur sostenibbli u reżiljenti (25). Il-KESE jirrakkomanda parteċipazzjoni robusta tal-UE fil-proċess ta’ riforma, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Summit tan-NU dwar il-Futur, ir-Raba’ Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp (26) u s-segwitu tagħhom. |
6. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-klima u l-finanzi sostenibbli
|
6.1. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-finanzjament għall-klima, u fl-istess ħin jippromovi d-distribuzzjoni ekwa tal-fondi għall-klima biex jiġu indirizzati d-disparitajiet fil-vulnerabbiltà, l-esponiment u l-kapaċità ta’ rispons għall-impatti klimatiċi. Huwa kruċjali li dawn il-proċessi jsiru demokratiċi b’involviment qawwi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali biex jiġu żgurati allokazzjoni ġusta u użu effettiv, appoġġjati minn inizjattivi bħall-Fond Konġunt tal-SDGs. Dawn l-isforzi għandhom l-għan li joħolqu ekosistemi ta’ finanzjament inklużivi li jixprunaw l-investiment strateġiku tal-kapital pubbliku u privat lejn il-kisba tal-Għanijiet Globali sal-2030. |
|
6.2. |
Il-KESE jirrakkomanda qafas ta’ finanzjament għall-klima li jagħti prijorità lin-nazzjonijiet u l-komunitajiet vulnerabbli, li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn żvilupp b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Nenfasizzaw il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ kumpens (“telf u ħsara”) fid-diskussjonijiet dwar il-finanzjament għall-klima biex jiġu żgurati l-allokazzjoni ġusta u l-użu tar-riżorsi għan-Nofsinhar Globali. |
|
6.3. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-inklużività fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-finanzjament għall-klima biex jiġi żgurat li l-investimenti jkunu kemm effettivi kif ukoll sostenibbli. Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom potenzjal kbir biex jimmiraw b’mod effettiv il-finanzjament b’rabta mal-klima billi jisfruttaw l-għarfien u l-esperjenza lokali. Il-KESE jenfasizza li n-nisa u l-bniet, li huma affettwati b’mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima, għandhom rwol kritiku fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji klimatiċi fuq il-post, u jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ l-edukazzjoni biex tikkontribwixxi għall-kisba tal-SDGs (27). |
7. Kontribut għall-programm ta’ ħidma ad hoc tal-UNFCCC dwar l-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat dwar il-Finanzjament għall-Klima
|
7.1. |
Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni (28) tal-UE dwar l-għażliet ta’ raggruppament għall-iżvilupp effiċjenti tal-NCQG, u japprova l-proposta li l-NCQG jiġi strutturat madwar erba’ raggruppamenti: 1) Kamp ta’ applikazzjoni; 2) Struttura; 3) Kwantum; 4) Eżiti mistennija. |
Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-NCQG:
|
7.2. |
Il-KESE huwa favur kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ għall-NCQG, li jinkorpora sorsi pubbliċi, privati u innovattivi internazzjonali bħall-bonds ekoloġiċi u l-fondi għall-klima, biex jiġu sfruttati diversi riżorsi finanzjarji għall-azzjoni klimatika. Madankollu, l-inklużjoni ta’ sorsi privati u innovattivi m’għandhiex tostor il-ħtieġa għal impenji sostanzjali ta’ finanzjament pubbliku. |
|
7.3. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi robusti ta’ traċċar biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-allinjament mal-objettivi klimatiċi. Mingħajr infurzar strett, jista’ jkun li dawn il-mekkaniżmi ma jiżgurawx biżżejjed rfigħ tar- responsabbiltà. |
Dwar l-istruttura tal-NCQG:
|
7.4. |
Il-KESE jappoġġja perjodu ta’ żmien operazzjonali ta’ 10 snin (2025-2034 jew 2026-2035), li jallinja mal-miri ta’ emissjonijiet żero netti sal-2050 biex jipprovdi ċarezza għall-partijiet ikkonċernati. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa stadji importanti aktar immedjati u fuq terminu qasir biex tiġi żgurata azzjoni urġenti. |
|
7.5. |
Għalhekk, il-KESE jipproponi rieżamijiet ta’ kull ħames snin ikkoordinati b’mod adegwat mal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) biex jiġi vvalutat il-progress u jiġi adattat għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li qed jevolvu. |
|
7.6. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-miri u l-għanijiet sekondarji tematiċi jiġu inkorporati fil-qafas tal-NCQG għal punti ta’ riferiment ċari fl-allokazzjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament għall-klima. Minkejja dan, jista’ jkun meħtieġ li ssir pressjoni għal miri saħansitra aktar speċifiċi u ambizzjużi, b’mod partikolari għall-isforzi ta’ adattament u mitigazzjoni. |
|
7.7. |
Il-qafas tal-NCQG jista’ jinkludi għanijiet sekondarji għal oqsma tematiċi, riċevituri, kanali, setturi, żieda fir-reżiljenza għall-klima, tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tisħiħ tal-kapaċità ta’ aċċess għar-riżorsi finanzjarji, tnaqqis tas-sussidji għall-fjuwils fossili u biex il-flussi finanzjarji jsiru konsistenti ma’ emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima (29). |
Dwar il-“kwantum” tal-NCQG:
|
7.8. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-għan jiġi definit bħala bilanċ ġust tal-poter ekonomiku u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (30) biex jiġu riflessi b’mod proporzjonat l-impenji u l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi żviluppati. Jistgħu jkunu meħtieġa perċentwali ogħla jew ammonti assoluti biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-azzjoni klimatika waqt li jinżamm bilanċ biex jiġu evitati piżijiet finanzjarji eċċessivi. |
|
7.9. |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw meta jiġi ddeterminat l-ammont totali ta’ finanzjament għall-klima, abbażi tar-rapporti nazzjonali lill-UNFCCC. |
|
7.10. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata u mmonitorjata firxa wiesgħa ta’ kontributuri u strumenti meta jiġi kkalkulat l-ammont totali, inklużi l-għotjiet, is-self preferenzjali, l-iskemi ta’ serħan mid-dejn u l-investimenti privati (inklużi l-filantropiji), biex jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali u jiġi massimizzat l-impatt. Fl-istess ħin, il-KESE jirrakkomanda li l-għotjiet jitqiegħdu fil-qalba tal-finanzjament għall-klima biex jiġi evitat aktar dejn ta’ nazzjonijiet vulnerabbli, u jirrakkomanda li jiġu inklużi skemi ta’ serħan mid-dejn (eż. permezz ta’ bonds marbuta mal-SDGs (31)), garanziji għat-tnaqqis tar-riskju tar-rata tal-kambju, investiment privat, eċċ. |
Eżiti mistennija fir-rigward tal-NCQG:
|
7.11. |
Il-KESE jirrakkomanda, fir-rigward tas-sottomissjoni tal-UE, li n-negozjati dwar l-NCQG għandu jkollhom l-għan li jagħmlu l-finanzjament għall-klima 1) aktar adegwat għall-użu u favur il-bijodiversità, 2) aktar effettiv – billi jiġi żgurat li jkun a) aktar semplifikat, effettiv u aċċessibbli, b) inqas burokratiku, u c) aktar reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru, – u 3) ikun immirat aktar lejn l-aktar pajjiżi u komunitajiet vulnerabbli. Il-Kumitat jappella għal aktar azzjonijiet konkreti u impenji vinkolanti biex jiġi żgurat li dawn l-eżiti jinkisbu. |
|
7.12. |
L-ispirtu tal-kunċett ta’ Tranżizzjoni Ġusta għandu jiggwida l-allokazzjoni tal-flussi kollha ta’ finanzjament għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, u fl-istess ħin jenfasizza l-allinjament mal-limiti operattivi sikuri u ġusti tad-dinja u mal-objettivi soċjali u ekonomiċi fuq skala usa’, u jkollu l-SDGs fil-qalba tiegħu. |
Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Inkluża d-diversità tas-settur privat kif innutat fil-paragrafu 35 tar-Rapport tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, 2015, https://documents.un.org/doc/undoc/gen/n15/241/03/pdf/n1524103.pdf.
(2) Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni (ĠU C, C/2024/6880, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6880/oj).
(3) Climate change is costing the world $16 million per hour (It-tibdil fil-klima qed jiswa lid-dinja $16-il miljun fis-siegħa, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(4) Mark Z. Jacobson, 2023: No Miracles Needed: How Today’s Technology Can Save Our Climate and Clean Our Air (M’hemmx bżonn ta’ mirakli: kif it-teknoloġija tal-lum tista’ ssalva l-klima tagħna u tnaddaf l-arja, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(5) Global Landscape of Climate Finance 2023 (Ix-xenarju globali tal-finanzjament għall-klima 2023, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(6) Keeping the promise - UNEP Annual Report 2023 (Inżommu l-wegħda – Rapport Annwali 2023 tal-UNEP, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(7) IMF Fossil Fuel Subsidies Data: 2023 Update (Data tal-FMI dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili: aġġornament tal-2023, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(9) https://sdgs.un.org/publications/inter-agency-policy-briefs-accelerating-progress-2030-agenda-local-global-levels.
(10) OECD (2024), (mhux disponibbli bil-Malti).
(11) COP28: MEPs want to end all subsidies for fossil fuel globally by 2025 (L-MEPs iridu jtemmu s-sussidji kollha għall-fjuwils fossili globalment sal-2025, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(12) Executive Order on Tackling the Climate Crisis at Home and Abroad, The White House (Ordni eżekuttiv dwar l-indirizzar tal-kriżi klimatika internament u barra mill-pajjiż, il-White House, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(13) UNCTAD’s Least Developed Countries Report 2023 (Ir-rapport tal-UNCTAD għall-2023 dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(14) International climate finance: Status quo, challenges and policy perspectives (Finanzi internazzjonali għall-klima: Status quo, sfidi u perspettivi ta’ politika, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(15) Banking on Climate Chaos, Fossil fuel finance report 2024 (Is-settur bankarju u l-kaos klimatiku, Rapport dwar il-finanzjament tal-fjuwils fossili tal-2024, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(16) Banking on Climate Chaos 2023 (Is-settur bankarju u l-kaos klimatiku, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(17) Net Zero Roadmap: A Global Pathway to Keep the 1.5°C Goal in Reach (Pjan direzzjonali għal emissjonijiet żero netti: perkors globali biex jintlaħaq l-għan ta’ 1,5°C, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(18) Climate change and its consequences, Munich RE (It-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(19) Bħall-fond ekoloġiku għall-klima.
(20) Bħal mini bi skop doppju għall-ġestjoni tal-għargħar urban, eż. fil-Malażja.
(21) Bħall-Park Eoliku Gemini fin-Netherlands.
(22) Bħall-Bank Afrikan tal-Iżvilupp b’Fond għal inizjattivi ekoloġiċi fir-Rwanda.
(23) Ara l-artiklu ta’ Persaud hawnhekk.
(24) Ara d-dikjarazzjoni reċenti tal-UE dwar dan.
(25) Dan jista’ jinkludi azzjonijiet bħal li jiġu rispettati aktar il-fehmiet tal-aktar pajjiżi vulnerabbli għat-tibdil fil-klima fi ħdan il-G20, l-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra; jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għat-Tarka Globali kontra r-Riskji Klimatiċi f’pajjiżi vulnerabbli għall-klima; tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ulterjuri tal-banek multilaterali tal-iżvilupp għal azzjoni konġunta dwar il-klima, il-kofinanzjament u simili; jiġu indirizzati riskji finanzjarji u oħrajn mit-tibdil fil-klilma, vulnerabbiltajiet għoljin relatati mad-dejn u simili f’dokumenti u azzjonijiet; jiġi żviluppat qafas komuni għall-allinjament għall-SDGs, eċċ.
(26) FFD4 | Financing for Sustainable Development Office (FFD4 | L-Uffiċċju tal-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(27) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni” (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38).
(28) EU’s views on the 2024 work plan for the NCQG on climate finance (Il-fehmiet tal-UE dwar il-pjan ta’ ħidma tal-2024 għall-Għan Kollettiv Ġdid Kwantifikat dwar il-Finanzjament għall-Klima, [mhux disponibbli bil-Malti]).
(29) Kif stipulat fl-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi.
(30) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart” (ĠU C, C/2024/888, 6.2.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/888/oj?locale=mt).
(31) Ara l-punti dwar is-serħan mid-dejn (3.7-3.10).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6881/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)