European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6879

28.11.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Pjan ta’ Azzjoni għal Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew, ibbażat fuq ekonomija tal-benesseri

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/6879)

Relatur:

Maria NIKOLOPOULOU

Konsulenta

Agata MEYSNER (għar-relatur)

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA (għall-Grupp I)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

3.9.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

19.9.2024

Sessjoni plenarja Nru

590

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

166/8/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jadotta perspettiva soċjetali usa’ u jissaħħaħ biex titrawwem ekonomija tal-benesseri li taqdi kemm lin-nies kif ukoll lill-pjaneta. L-ekonomija tal-benesseri hija approċċ ta’ orjentazzjoni ta’ politika u governanza li għandu l-għan li jqiegħed lin-nies u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.2.

Biex l-UE tilħaq l-objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità tagħha, huwa essenzjali li tiġi trasposta l-leġiżlazzjoni rilevanti u li jiżdiedu l-adozzjoni u l-espansjoni tas-soluzzjonijiet eżistenti madwar l-Istati Membri u li jissaħħaħ l-investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni (RŻI) sabiex jinstabu soluzzjonijiet addizzjonali ġodda. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ma jridux inaqqsu l-livell ta’ ambizzjoni jew iwaqqfu l-implimentazzjoni tal-objettivi attwali. Minflok, huwa meħtieġ li tingħata spinta lill-kundizzjonijiet għal ambjent ta’ investiment inkoraġġanti, jiġi pprovdut aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli, jiġu offruti soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda li jikkontribwixxu għal ekonomija b’emissjonijiet żero netti u jkun hemm biżżejjed appoġġ tekniku u finanzjarju u xbieki ta’ sikurezza għall-Istati Membri, il-kumpaniji fis-setturi affettwati, l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li se jkollhom jimplimentaw ir-regoli.

1.3.

Il-finanzjament kurrenti tat-tranżizzjoni mhuwiex biżżejjed, u għalhekk il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġi attirat aktar investiment pubbliku u privat kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri. Il-Kumitat jinnota wkoll l-importanza li l-baġits nazzjonali jappoġġjaw it-tranżizzjoni u huwa tal-fehma li huma meħtieġa sforzi akbar biex il-baġits jiżdiedu permezz ta’ firxa ta’ mekkaniżmi. Dawn jistgħu jinkludu l-indirizzar tal-evażjoni tat-taxxa, it-titjib tal-ġbir tat-taxxa, it-twaqqif immedjat ta’ sussidji eżistenti li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jiġu evitati oħrajn ġodda, ir-riforma tas-sussidji eżistenti, iż-żieda fit-taxxa fuq il-fjuwils fossili, il-promozzjoni ta’ taxxi ogħla fuq il-1 % mill-popolazzjoni tad-dinja li huma l-aktar għonja, u t-tisħiħ tal-attività ekonomika sostenibbli li tiġġenera r-riżorsi.

1.4.

Biex tinkiseb ekonomija tal-benesseri, se jkollhom jiġu żgurati l-baġits pubbliċi għall-investimenti f’oqsma ta’ politika ewlenin assoċjati mat-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta, bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa, waqt li jinżamm approċċ ibbilanċjat bejn aktar investimenti pubbliċi u s-sostenibbiltà fiskali, bil-għan li jiġu evitati l-miżuri ta’ awsterità.

1.5.

L-ekonomija hija mutur essenzjali għas-sostenibbiltà, u għalhekk jeħtieġ li nimxu lil hinn minn ekonomija tat-tkabbir imsejjes fuq il-PDG u nippromovu qafas ta’ politika komprensiv li jappoġġja ekonomija sostenibbli mmirata lejn il-benesseri tas-soċjetà u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Pjan għall-Bijodiversità.

1.6.

Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm aċċess universali u affordabbli għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni. Riżorsi bażiċi bħall-ikel prodott b’mod sostenibbli, l-ilma nadif u l-enerġija għandhom jiġu pprovduti b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu stili ta’ ħajja sostenibbli. Is-soċjetà għandha tinvolvi ruħha fi djalogu kontinwu biex tiddefinixxi “aċċess” u “essenzjali”, u fl-istess ħin tiżgura li dawn il-kunċetti jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-popolazzjoni.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jinvestu fit-taħriġ, fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet u jappella għal edukazzjoni dwar id-demokrazija u l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

1.8.

Il-KESE jqis li sabiex jiġi żgurat il-benesseri tan-nies, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tissaħħaħ b’mod sinifikattiv u inklużiv, speċjalment billi jitqiesu l-gruppi sottorappreżentati bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-migranti u l-persuni b’diżabilità. Dan jista’ jinkiseb billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ċivika minn isfel għal fuq. Id-djalogu soċjali għandu wkoll rwol essenzjali fit-tisħiħ tal-benesseri. Barra minn hekk, il-KESE jappella għall-promozzjoni ta’ mekkaniżmi parteċipattivi bħall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u jemmen li l-fatt li jkun hemm rekwiżiti anqas stretti u b’rispons sinifikattiv mill-Kummissjoni Ewropea se jwassal biex ikun hemm aktar mekkaniżmi li jiġu stabbiliti.

1.9.

Il-KESE jemmen li għandha titfassal dikjarazzjoni interistituzzjonali mill-KESE, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-UE u mill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi qafas robust li jiggarantixxi l-protezzjoni u l-avvanz tal-interessi u tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea għandha taħtar Kummissarju għall-Ġenerazzjonijiet Futuri.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew nieda tranżizzjoni sinifikanti u meħtieġa fl-oqsma tal-azzjoni klimatika u l-protezzjoni tal-ambjent, li għandha impatt fuq diversi setturi, inklużi l-enerġija, it-trasport, l-industrija u l-agrikoltura. Madankollu, il-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità li sejrin għall-agħar, it-tixrid ta’ pandemiji, il-gwerer li qed jiżdiedu, it-tnaqqis tal-kompetittività, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u ż-żieda fl-inugwaljanza joħolqu sfidi sinifikanti ulterjuri, iżidu t-tensjonijiet politiċi u jidhru li jpoġġu f’periklu l-ilħuq tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn il-kriżijiet li qed jiżdiedu jiżvelaw il-fraġilità tas-sistema tagħna iżda wkoll il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni. “Li nkomplu bħal qabel” mhijiex għażla.

2.2.

L-eskalazzjoni tal-kriżi planetarja tripla toħloq l-akbar theddida biex jittaffa l-faqar kif ukoll biex jiġu żgurati xogħol deċenti u ġustizzja soċjali u jiġi stabbilit ambjent tan-negozju favorevoli u fit-tul. It-tisħin globali, it-tnaqqis tal-bijodiversità u t-tniġġis jipperikolaw il-ħajja kollha fuq il-pjaneta tagħna u jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-kunflitti u t-taqlib soċjali madwar l-Ewropa u fin-Nofsinhar Globali. F’dan il-kuntest, qed isir dejjem aktar urġenti li nikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna man-natura u li nipproteġu, u meta meħtieġ nirrestawraw, l-ekosistemi naturali li jiddependu minnhom il-bnedmin u l-maġġoranza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (1).

2.3.

L-ekonomija tal-benesseri hija approċċ ta’ orjentazzjoni ta’ politika u governanza li għandu l-għan li jqiegħed lin-nies u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fl-ekonomija tal-benesseri, l-objettiv ta’ soċjetà jrid ikun il-benessri ta’ kull wieħed mill-membri tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali. Il-punt tat-tluq biex jintlaħaq dan l-għan irid ikun li l-flus u l-kapital huma strumenti importanti ta’ skambju u ta’ investiment – iżda qatt mhuma għanijiet fihom infushom. Il-mudell ekonomiku fejn l-għan huwa l-ġid komuni għandu jissejjes fuq valuri li kulħadd jagħraf bħala universali: id-dinjità umana, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà ekoloġika, il-ġustizzja soċjali, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni demokratika (2). L-ekonomija hija faċilitatur biex tintlaħaq il-viżjoni tal-benesseri (3). F’ekonomija tal-benesseri, il-progress jitkejjel mhux biss minn indikaturi ekonomiċi tradizzjonali bħall-PDG, iżda wkoll minn metrika li tirrifletti l-kwalità tal-ħajja, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kwalità tal-ambjent u l-konnessjonijiet soċjali. Dan l-approċċ olistiku jenfasizza l-importanza ta’ distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi u tal-opportunitajiet, waqt li jiġi żgurat li l-benefiċċji ekonomiċi jinqasmu b’mod wiesa’ fil-partijiet kollha tas-soċjetà.

2.4.

Jekk l-UE trid tilħaq l-objettivi klimatiċi u tal-bijodiversità tagħha għall-2030 u lil hinn matul il-mandat li jmiss, huwa essenzjali li tiġi trasposta l-leġiżlazzjoni rilevanti u li tissaħħaħ l-adozzjoni u l-espansjoni tas-soluzzjonijiet eżistenti madwar l-Istati Membri u li jissaħħaħ l-investiment fir-RŻI biex jinstabu soluzzjonijiet addizzjonali ġodda. Il-KESE jqis li, fil-mandat li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ma jridux inaqqsu l-livell ta’ ambizzjoni jew iwaqqfu l-implimentazzjoni tal-objettivi attwali. Minflok, huwa meħtieġ li tingħata spinta lill-kundizzjonijiet għal ambjent ta’ investiment inkoraġġanti, jiġi pprovdut aċċess għall-enerġija bi prezzijiet affordabbli, jiġu offruti soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda li jikkontribwixxu għal ekonomija b’emissjonijiet żero netti, jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt adegwati, u li jkun hemm appoġġ tekniku u finanzjarju u xbieki ta’ sikurezza għall-Istati Membri, il-kumpaniji fis-setturi kollha affettwati, l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li se jkollhom jimplimentaw ir-regoli.

2.5.

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2023 (4), li jiffoka fuq l-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà u l-benesseri fl-Awtonomija Strateġika Miftuħa tal-Ewropa u jipproponi għaxar azzjonijiet biex jintlaħaq dan l-għan. Din it-tranżizzjoni hija kruċjali għall-UE biex tikseb in-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà, u fl-istess ħin tiżgura l-kompetittività fit-tul u t-tmexxija globali fl-ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Ir-Rapport jiddeskrivi l-isfidi ewlenin u jissuġġerixxi reazzjonijiet ta’ politika, inkluża ekonomija li tipprijoritizza l-benesseri, tindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet għas-sostenibbiltà u tiżgura finanzjament suffiċjenti għat-tranżizzjoni.

2.6.

Skont l-ewwel valutazzjoni Ewropea tar-riskji klimatiċi għall-ekonomija (5) mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-kontinent tagħna qed jisħon aktar malajr mill-bqija tar-reġjuni tal-pjaneta u l-politiki kurrenti mhumiex mexjin bil-pass neċessarju biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar in-newtralità klimatika. Il-Bank Dinji juri li l-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni b’rabta mal-klima jaqbeż sew il-kost tal-azzjoni b’rabta mal-klima fl-Ewropa (6). Barra minn hekk, huwa stmat li aktar minn 50 % tal-PDG globali jiddependi min-natura (7) u madwar 40 % tal-impjiegi globalment jiddependu direttament minn ekosistemi b’saħħithom (8). Madankollu, għadhom qed jintefqu biljuni fuq sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, minkejja li kien hemm diskussjonijiet dwar it-tnaqqis tagħhom għal għexieren ta’ snin.

2.7.

Skont ir-rapport “Global Resources Outlook 2024” (9), tkabbir projettat ta’ 60 % fl-użu tar-riżorsi sal-2060 jista’ jfixkel l-isforzi biex jintlaħqu mhux biss il-miri globali dwar il-klima, il-bijodiversità u t-tniġġis iżda wkoll il-prosperità ekonomika u l-benesseri tal-bniedem. L-unika għażla vijabbli hija li t-tkabbir ekonomiku jiġi diżakkoppjat mill-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali waqt li jissaħħaħ il-benesseri u jiġu promossi ekonomiji b’saħħithom u negozji sostenibbli.

2.8.

Skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), li jkun hemm fis-seħħ il-politiki, l-infrastruttura u t-teknoloġija t-tajba biex ikunu jistgħu jsiru bidliet fl-istili ta’ ħajja u fl-imġiba tagħna jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ 40-70 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2050 (10). Madankollu, l-għażliet tal-konsum, speċjalment għall-persuni b’introjti aktar baxxi, huma xprunati l-aktar minn prezzijiet baxxi u mill-konvenjenza peress li l-alternattivi sostenibbli spiss jew ma jkunux aċċessibbli jew ma jkunux affordabbli. Dan japplika għal diversi oġġetti u servizzi, inklużi t-trasport, l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-prodotti. Il-KESE huwa konvint li l-approċċ sistemiku għal imġiba sostenibbli jeħtieġ li jissaħħaħ, biex jiġi żgurat li l-istili ta’ ħajja sostenibbli jkunu l-aktar għażla konvenjenti, aċċessibbli u kosteffettiva għal kulħadd.

3.   Viżjoni għall-benesseri soċjali

3.1.

Il-benesseri soċjali għandu jkun sostnut minn trijangolu bbilanċjat ta’ libertà, responsabbiltajiet u drittijiet għaċ-ċittadini kollha. Is-soċjetà għandha tfittex li tgħix f’armonija man-natura u fil-limiti tal-pjaneta mingħajr ma tkun soġġetta għal privazzjoni, billi tibbaża fuq ekonomija sostenibbli li tpoġġi l-benesseri fil-qalba tagħha, tirrispetta l-klima, in-natura u l-ambjent tagħna u tippreżerva u tiżviluppa opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, u tibbenefika minnha.

3.2.

L-ekwità hija l-pedament tal-benesseri soċjali, u n-nies jeħtieġ li jingħataw l-appoġġ adegwat biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. L-ostakli strutturali jeħtieġ li jitnaqqsu b’mod sinifikanti peress li jikkontribwixxu għal inugwaljanzi soċjali li qed jiżdiedu. Il-gruppi vulnerabbli bħall-anzjani u l-persuni b’diżabilità, il-persuni li jgħixu f’territorji u reġjuni rurali u iżolati, kif ukoll iż-żgħażagħ u n-nisa li bħalissa għadhom lura f’termini ta’ drittijiet u introjtu, jeħtieġu appoġġ imfassal apposta matul it-tranżizzjoni.

3.3.

Il-gvernijiet għandhom jiżguraw is-sigurtà għal kulħadd. Li wieħed iħossu sikur fl-ambjent huwa aspett fundamentali tal-benesseri soċjali u ekonomiku, peress li l-instabbiltà soċjali toħloq instabbiltà ekonomika u viċi versa. Huma meħtieġa azzjonijiet u investimenti xierqa f’oqsma differenti biex jiġu żgurati l-paċi u s-sikurezza minn theddid intern u estern.

3.4.

Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm aċċess universali u affordabbli għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni. L-aċċess għal riżorsi bażiċi bħall-ikel prodott b’mod sostenibbli, l-ilma nadif u l-enerġija għandu jiġi pprovdut b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu stili ta’ ħajja sostenibbli. Is-soċjetà għandha tinvolvi ruħha fi djalogu kontinwu biex tiddefinixxi “aċċess” u “essenzjali”, u fl-istess ħin tiżgura li dawn il-kunċetti jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-popolazzjoni.

4.   Pjan ta’ Azzjoni għal Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew

Pajsaġġ ekonomiku

4.1.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew kurrenti jenfasizza li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, iżda dan jirrikjedi integrazzjoni dettaljata ta’ dan il-prinċipju sabiex jiġu indirizzati aħjar l-aspetti soċjali u soċjetali tat-tranżizzjoni ekoloġija u l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet globali. Hemm ħtieġa urġenti ta’ paradigma politika, ekonomika u soċjetali mġedda li tagħti prijorità lill-benesseri tal-bniedem u tal-pjaneta, u li għandha l-għan li ssaħħaħ l-attività ekonomika, il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Neħtieġu bidla fundamentali lejn ekonomija sostenibbli b’saħħitha sabiex niffaċilitaw il-benesseri u tranżizzjoni ekoloġika u ekwa allinjata mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Pjan għall-Bijodiversità.

4.2.

Pass essenzjali jinvolvi r-riforma tal-mudell ekonomiku attwali, il-mixja lil hinn minn tkabbir ibbażat fuq il-PDG (11), u l-promozzjoni ta’ qafas ta’ politika komprensiv li jappoġġja ekonomija sostenibbli mmirata lejn il-benesseri tas-soċjetà – għan enfasizzat fit-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (12). Dan l-objettiv ġie approvat mill-koleġiżlaturi, li jenfasizzaw l-għan li n-nies għandhom ikunu jistgħu jgħixu sew fil-limiti planetarji sal-2050, fi ħdan ekonomija tal-benesseri li fiha xejn ma jinħela, it-tkabbir huwa riġenerattiv, in-newtralità klimatika nkisbet u l-inugwaljanza tnaqqset b’mod sinifikanti.

4.3.

Skont studju mill-Istitut tal-Ekonomija Klimatika (13), id-defiċit tal-investiment fil-klima biex jintlaħqu l-objettivi tal-2030 huwa ta’ madwar EUR 406 biljun fis-sena (2,6 % tal-PDG tal-UE). Bl-istess mod, il-miri baġitarji ta’ 10 % tal-2026-2027 għall-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità se jkunu wkoll diffiċli biex jintlaħqu (14). Għalhekk, se jkun kruċjali l-mobilizzazzjoni ta’ aktar fondi pubbliċi u privati lejn investimenti ekoloġiċi u għal terminu qasir, l-għoti ta’ skop ġdid lil xi wħud mir-riżorsi u s-sussidji disponibbli b’mod li jħalli impatt.

4.4.

Il-KESE jappella għal sforzi akbar, mill-UE u mill-Istati Membri, biex jiżdiedu l-baġits permezz ta’ firxa ta’ mekkaniżmi. Dawn jistgħu jinkludu l-indirizzar tal-evażjoni tat-taxxa, it-titjib tal-ġbir tat-taxxa, it-twaqqif immedjat ta’ sussidji eżistenti li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jiġu evitati oħrajn ġodda, ir-riforma tas-sussidji eżistenti, iż-żieda fit-taxxa fuq il-fjuwils fossili u t-tisħiħ tal-attività ekonomika sostenibbli li tiġġenera r-riżorsi. Il-KESE jipproponi li jiġu promossi taxxi ogħla fuq il-1 % tal-popolazzjoni li għandha kważi nofs il-ġid madwar id-dinja u li d-dħul jintuża biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni.

4.5.

Biex tinkiseb ekonomija tal-benesseri, se jkollhom jiġu żgurati l-baġit pubbliku għall-investimenti u riformi f’oqsma ta’ politika ewlenin assoċjati mat-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta, bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa. Iridu jiġu evitati l-miżuri ta’ awsterità bħal dawk implimentati matul il-kriżi ekonomika preċedenti. Għalhekk huwa kruċjali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ strateġija robusta ta’ investiment pubbliku sabiex jinkiseb approċċ ibbilanċjat bejn investimenti pubbliċi ogħla u sostenibbiltà fiskali.

4.6.

L-UE għandha tikkomunika aħjar l-eżistenza tal-fondi disponibbli attwalment u tissemplifika l-proċessi għan-negozji biex ikunu jistgħu jaċċessawhom.

4.7.

S’issa, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ diżakkoppjament assolut mifrux fil-livell globali, u għalhekk huwa kruċjali li jiġu żviluppati u adottati soluzzjonijiet li jgħinu biex jitnaqqas il-konsum tar-riżorsi u biex l-ekonomija tiġi dematerjalizzata fuq livell globali. Dan irid isir fuq bażi ekwa u jipprovdi spazju għal żvilupp ġust, speċjalment f’pajjiżi b’introjtu baxx. Sabiex jinkiseb fehim komprensiv tal-konsum tal-materjali ta’ diversi pajjiżi, għandu jintuża approċċ tal-impronta tal-materjali, kif mitlub mill-Parlament Ewropew u minn diversi Stati Membri li diġà għandhom miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-impronta tal-materjali. Il-KESE jappoġġja l-appell tal-Kunsill għal objettiv fit-tul tal-UE għall-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, kif inkorporat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (15).

4.8.

In-negozji, minn kumpaniji kbar sa MSMEs, kooperattivi u atturi tal-ekonomija soċjali, għandhom rwol importanti x’jaqdu fi tranżizzjoni ekoloġika, peress li jgħaddu mit-tranżizzjoni fl-operazzjonijiet tagħhom stess u fl-istess ħin jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ta’ atturi oħra billi jipprovdu soluzzjonijiet klimatiċi u ambjentali. Għandhom ukoll rwol ċentrali fl-ekonomija tal-benesseri billi jiġġeneraw riżorsi u jipprovdu lin-nies b’impjiegi, oġġetti u servizzi sostenibbli.

4.9.

Sabiex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fit-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u l-ekonomija tal-benesseri, l-intrapriżi jridu jiġu pprovduti b’kundizzjonijiet ekwi biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta. Għalhekk, l-oġġetti importati kollha jrid ikollhom l-istess standards bħal dawk prodotti fl-Ewropa. Jeħtieġ li jkun hemm ambjent tan-negozju li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, l-investiment u l-kummerċ u jiffaċilita t-tranżizzjoni. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet favorevoli għall-ġestjoni tat-tranżizzjoni għall-intrapriżi kollha, u fl-istess ħin jiġi rrikonoxxut li d-diversità tal-kundizzjonijiet u tal-ħtiġijiet tvarja skont is-settur u d-daqs tal-intrapriża. It-tnaqqis tal-burokrazija u t-tħaffif tal-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi huma ta’ importanza ewlenija.

4.10.

L-aħjar prattiki dwar miżuri prattiċi meħuda mill-bliet Ewropej għandhom jiġu kondiviżi. Pereżempju, ir-reklamar għall-fjuwils fossili u l-prodotti u s-servizzi intensivi fil-karbonju u fil-materjali għandu jiġi ristrett, speċjalment fi spazji pubbliċi u online biex jiġi evitat li l-konsum żejjed jiġi xprunat, waqt li jibni fuq l-inizjattivi ta’ Grenoble u Amsterdam fejn l-ivvjaġġar bl-ajru, l-ajruporti, l-SUVs, il-kruċieri u l-kumpaniji tal-fjuwils fossili huma speċifikament esklużi mir-reklamar fuq siti li huma proprjetà tal-kunsill.

4.11.

L-istabbiliment ta’ negozji u ta’ mudelli ta’ negozju diversifikati, inklużi sistemi soċjali, ċirkolari u ta’ solidarjetà bħas-sjieda steward, il-kooperattivi u l-intraprenditorija tan-nisa u taż-żgħażagħ, għandu jitħeġġeġ biex jissaħħu l-impjiegi aktar inklużivi. L-ekonomiji soċjali u kollaborattivi għandhom ikunu aktar prominenti, billi jipprovdu impjiegi deċenti, opportunitajiet ta’ taħriġ u edukazzjoni ta’ kwalità li ser ikunu ekoloġiċi u sodisfaċenti. Barra minn hekk, sabiex jiġu ffaċilitati kemm il-benesseri kif ukoll il-produttività u jiġi promoss il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-kundizzjonijiet tax-xogħol iridu jkunu mmexxija minn ekwilibriju bejn is-sitwazzjoni tal-ħajja tal-individwu u l-ħtiġijiet speċifiċi għan-negozji, inklużi miżuri bħat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, meta applikabbli.

Edukazzjoni u għoti tas-setgħa

4.12.

L-edukazzjoni trid tawtonomizza lin-nies b’sensibilizzazzjoni ċivika u trawwem l-adozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u sostenibbli. It-tnaqqis tal-konsum individwali mingħajr tiċħid huwa possibbli permezz ta’ ħafna aspetti tal-ekonomija ċirkolari, bħall-użu mill-ġdid, l-għoti ta’ skop ġdid, it-tiswija u l-kondiviżjoni tal-prodotti. Madankollu, l-ekonomija globali hija biss 7,2 % ċirkolari, li tħalli aktar minn 90 % tal-materjali moħlija, mitlufa jew mhux disponibbli għall-użu mill-ġdid (16). Fil-biċċa l-kbira, bis-saħħa tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, dawn is-soluzzjonijiet qed jiġu promossi fis-soċjetà bħala xejra iżda neħtieġu soluzzjonijiet interġenerazzjonali għal tranżizzjoni kompletament ċirkolari.

4.13.

L-edukazzjoni dwar id-demokrazija u l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE jeħtieġ li tissaħħaħ u ssir obbligatorja biex jiġi żgurat li l-istudenti kollha jkollhom l-għarfien biex jifhmu x’inhi sistema demokratika, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa, il-limitazzjonijiet u l-isfidi involuti, u kif wieħed ikun ċittadin attiv. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu komunikazzjoni faċli, tanġibbli u aċċessibbli dwar ir-rwol tal-UE għaċ-ċittadini, speċjalment fil-livell lokali.

4.14.

Hemm domanda dejjem tikber għal ħiliet rilevanti għal futur sostenibbli, u jeħtieġ li l-ħaddiema jkollhom il-ħiliet tekniċi u personali meħtieġa, li huma kruċjali għall-kompetittività tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jinvestu fit-taħriġ, fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

4.15.

In-nies għandhom jitħeġġu jimmobilizzaw u jorganizzaw lejn objettiv komuni bl-użu ta’ mekkaniżmi bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE). Il-KESE jemmen li jekk ir-rekwiżiti tal-IĊE jsiru anqas stretti u b’rispons tanġibbli u sinifikattiv mill-Kummissjoni Ewropea, dan iwassal biex jiġu stabbiliti aktar minnhom.

4.16.

Id-demokraziji għandhom jiżguraw rappreżentanza u inklużjoni aħjar, b’involviment akbar tas-soċjetà ċivili u governanza minn isfel għal fuq. Mekkaniżmi bħall-assemblej taċ-ċittadini huma parti importanti mill-proċessi parteċipattivi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-gvernijiet għandhom iħeġġu rappreżentanza aktar diversa taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tagħhom u involviment aktar attiv u sinifikattiv tas-soċjetà ċivili organizzata. Dan għandu jippermetti parteċipazzjoni u influwenza akbar miċ-ċittadini, il-komunitajiet lokali u s-setturi kollha tas-soċjetà fil-proċess demokratiku. Hekk kif l-inugwaljanza tnaqqas il-fiduċja fil-politiċi u fis-sistema politika tagħna, biex nissalvagwardjaw id-demokraziji tagħna jeħtieġ li ninvestu fin-nies.

4.17.

Id-djalogu soċjali jaqdi rwol kruċjali fl-industriji u fis-setturi li se jkollhom jiċkienu, billi jiżgura li l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom ikunu jistgħu jagħżlu alternattivi diċenti u sodisfaċenti. Mod kif dan jitqiegħed fil-prattika huwa billi jiġi avvanzat Qafas ta’ Politika għal Tranżizzjoni Ġusta kif mitlub fl-opinjoni tal-KESE dwar L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa (17). L-UE u l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jsaħħu l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema li jorganizzaw u jingħaqdu ma’ trade unions mingħajr ritaljazzjoni u li jinvolvu ruħhom f’negozjar kollettiv f’setturi ekoloġiċi emerġenti tal-ekonomija u lil hinn minnha. Għal dan l-għan, il-KESE jenfasizza d-dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-UE (18), u jirrimarka li huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jippreżentaw, fi żmien 18-il xahar mill-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjoni, lista ta’ miżuri, imfassla f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, għall-implimentazzjoni tagħha. L-imsieħba soċjali għandu jkollhom rwol prominenti fl-iżvilupp ta’ dawn l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni (19).

4.18.

L-UE għandha tipprovdi riżorsi, inkluż finanzjament ewlieni, għal parteċipazzjoni ċivika minn isfel għal fuq immirata lejn trasformazzjoni ġusta. Barra minn hekk, għandha tipprovdi diversi forom ta’ demokrazija deliberattiva f’kuntesti differenti u f’diversi livelli biex tippermetti l-innovazzjoni soċjali. Dan jinkludi inizjattivi mmexxija mill-komunità, bliet fi tranżizzjoni, ibbaġitjar parteċipattiv, assemblej taċ-ċittadini, kunsilli tal-enerġija taż-żgħażagħ, aktar konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar kif tingħata prijorità lill-azzjonijiet, lill-ġonna tal-komunità, lill-komunitajiet tal-enerġija u lill-kooperattivi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-diversità u lill-inklużività biex jiġu involuti ż-żgħażagħ, il-migranti u l-persuni b’diżabbiltà, u lil kif id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi inkorporata f’inizjattivi bħal dawn.

4.19.

Il-konsultazzjoni effettiva u inklużiva tan-nies u tal-partijiet ikkonċernati jeħtieġ li ssir rekwiżit vinkolanti. Inċentivi u standards għal parteċipazzjoni sinifikattiva u bikrija fil-livell lokali għandhom jiġu inklużi fil-liġijiet rilevanti tal-UE.

Kunsiderazzjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri

4.20.

Sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja interġenerazzjonali, il-Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew jeħtieġ li jinkorpora d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u futuri fil-politiki kollha. Il-KESE diġà appoġġja t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE u huwa l-ewwel korp tal-UE li qed juża għall-ewwel darba l-applikazzjoni tiegħu fl-Opinjonijiet tiegħu. Il-KESE ħadem ukoll ma’ diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, billi stabbilixxa mekkaniżmi bħar-Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibilità (20). Iż-żgħażagħ kienu protagonisti fl-appell għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, u għandu jkollhom ukoll rwol ewlieni u jkunu involuti b’mod sinifikattiv fil-Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew.

4.21.

Bis-sitwazzjoni demografika kurrenti tal-popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ u r-responsabbiltajiet ta’ kura bla ħlas, li fil-biċċa l-kbira jitwettqu min-nisa, se jkunu meħtieġa servizzi ta’ kura aktar affordabbli u ta’ kwalità. Id-distakk fil-finanzjament u fis-servizzi jeħtieġ li jiġi indirizzat u l-politiki jridu jiżguraw is-sostenibbiltà mingħajr ma jpoġġu piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri b’dejn mhux sostenibbli.

4.22.

Il-prinċipju tal-ġustizzja interġenerazzjonali għandu jkun ċentrali fit-tfassil tal-politika biex jiġi żgurat li l-piż jew tal-mitigazzjoni ta’ kwalunkwe theddida jew tal-adattament għal kwalunkwe pressjoni inevitabbli ma jitpoġġiex b’mod unilaterali fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Bħala tali, Valutazzjoni tal-Impatt tal-Ġenerazzjonijiet Futuri għandha tiġi inkluża fil-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-politiki trasformattivi għandhom iservu l-interessi fit-tul taċ-ċittadini Ewropej, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri, u għandhom jevitaw li joħolqu dipendenzi tal-perkors dannużi għalihom.

4.23.

Sabiex tiġi żgurata kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni interistituzzjonali mill-KESE, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-UE u mill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi qafas robust li jiggarantixxi l-protezzjoni u l-avvanzar tal-interessi u tad-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, waqt li tinkludi wkoll impenji mill-istituzzjonijiet biex jinkorporaw salvagwardji għall-ġenerazzjonijiet futuri f’oqfsa u f’politiki legali.

4.24.

Il-Kummissjoni Ewropea li jmiss għandha taħtar Kummissarju għall-Ġenerazzjonijiet Futuri b’portafoll trażversali biex jikkontribwixxi għall-proċessi leġiżlattivi kollha sabiex jiġi żgurat li l-politiki ġodda u eżistenti jkollhom impatt pożittiv fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Għandha tibni fuq l-eżempji ta’ suċċess ta’ uffiċċji simili minn madwar id-dinja, bħall-Kummissarju tal-Ġenerazzjonijiet Futuri f’Wales.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija komprensiva għall-bijodiversità fil-COP16: inressqu s-setturi kollha flimkien għal għan komuni (ĠU C, C/2024/6880, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6880/oj).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija għall-ġid komuni: mudell ekonomiku sostenibbli mmirat lejn il-koeżjoni soċjali” (ĠU C 13, 15.01.2016, p. 26).

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu” (ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).

(4)   https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_3623.

(5)   https://www.eea.europa.eu/publications/european-climate-risk-assessment.

(6)   https://www.worldbank.org/en/region/eca/brief/economics-for-disaster-prevention-preparedness-europe.

(7)   Study for a methodological framework and assessment of potential financial risks associated with biodiversity loss and ecosystem degradation (Studju għal qafas metodoloġiku u valutazzjoni tar-riskji finanzjarji potenzjali assoċjati mat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema [mhux disponibbli bil-Malti]), Kummissjoni Ewropea.

(8)   World Employment and Social Outlook 2018, (Prospettiva dinjija dwar l-impjieg u soċjali [mhux disponibbli bil-Malti]), ILO.

(9)   https://www.resourcepanel.org/reports/global-resources-outlook-2024.

(10)   https://www.ipcc.ch/2022/04/04/ipcc-ar6-wgiii-pressrelease/ (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lil hinn mill-miżuri tal-PDG għal irkupru b’suċċess u ekonomija Ewropea sostenibbli u reżiljenti” (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 7).

(12)  Deċiżjoni(UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22).

(13)   https://www.i4ce.org/en/publication/european-climate-investment-deficit-report-investment-pathway-europe-future/.

(14)   Biodiversity mainstreaming, Kummissjoni Ewropea.

(15)   https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11326-2024-INIT/mt/pdf.

(16)   https://www.circularity-gap.world/2023#:~:text=The%20global%20economy%20is%20now%20only%207.2%25%20circular&text=This%20means%20that%20more%20than,such%20as%20buildings%20and%20machinery.

(17)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).

(18)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea ( ĠU C, C/2023/1389, 6.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1389/oj ).

(19)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea” (COM(2023) 38 final — 2023/0012 (NLE)) u dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insaħħu d-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea: nisfruttaw il-potenzjal kollu tiegħu biex niksbu tranżizzjonijiet ġusti” (COM(2023) 40 final) (ĠU C 228, 29.6.2023, p. 87).

(20)   https://www.eesc.europa.eu/mt/initiatives/youth-climate-and-sustainability-round-tables.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6879/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)