|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6877 |
28.11.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Kif għandna nikkalibraw mill-ġdid il-Patt Ekoloġiku b’mod li jkun adegwat għall-użu
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/6877)
Relatur:
Alena MASTANTUONO|
Konsulent |
Petr ZAHRADNÍK (għar-relatur) |
|
|
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.2.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
5.9.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
19.9.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
590 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
173/9/10 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bis-sħiħ il-Patt Ekoloġiku. Waqt li l-għan ta’ dan il-ftehim Ewropew għadu sod, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-veloċità u l-istruttura tiegħu evolvew maż-żmien. Jeħtieġ li jiġi evalwat sabiex iwieġeb għax-xokkijiet eżoġeniċi, għas-sitwazzjoni ġeopolitika, għall-evoluzzjoni teknoloġika, soċjali u ekonomika kif ukoll għall-progress miksub s’issa, mingħajr ma jinsa l-objettivi inizjali. L-ewwel rikalibrazzjoni tal-Patt Ekoloġiku seħħet bħala konsegwenza tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, li enfasizzat il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Dan juri li l-Patt Ekoloġiku għandu jiġi rrieżaminat sabiex jiġu bbilanċjati l-aspetti ambjentali, ekonomiċi, soċjali u ta’ sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-ikel. |
|
1.2. |
Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku jinsab fit-tfassil realistiku, fl-implimentazzjoni adegwata, fl-immappjar komprensiv, fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni regolari tiegħu. S’issa, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-miżuri la kienu sistematiċi u lanqas regolari. Ma hemm l-ebda preżentazzjoni pubblika komprensiva tal-obbligi, tal-miżuri jew tad-drittijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Patt Ekoloġiku, jew tal-interrelazzjoni ta’ miri differenti speċifiċi għas-setturi u għat-teknoloġiji. Dan għandu impatt fuq il-fehim tar-regoli, kemm f’termini ta’ konformità kif ukoll ta’ kontroll. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-immappjar tal-miżuri adottati fi ħdan il-Patt Ekoloġiku biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, il-kunflitti u l-piż kumulattiv u biex turi pubblikament dashboard online li jirreġistra l-progress ta’ kull Stat Membru. |
|
1.3. |
Il-KESE jenfasizza li minbarra l-immappjar aħjar tal-miżuri, hemm bżonn ukoll ta’ monitoraġġ effiċjenti tal-implimentazzjoni tagħhom. Minbarra r-responsabbiltà ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea, il-KESE għandu jingħata s-setgħa u r-riżorsi meħtieġa biex jaqdi r-rwol ta’ osservatur indipendenti tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku. Bħala dar is-soċjetà ċivili, huwa kapaċi joħloq stampa bbażata fuq il-fatti tal-progress miksub fi ħdan il-pilastri differenti tal-Patt Ekoloġiku u jindika r-raġunijiet għan-nuqqasijiet jew, għall-kuntrarju, jidentifika opportunitajiet potenzjali għal aktar progress. |
|
1.4. |
L-urġenza tal-azzjoni klimatika tinħass miċ-ċittadini tal-UE, li jfisser li l-essenza tal-ħlas għall-ħsara u għat-tniġġis fuq bażi ekwa u ġusta hija kruċjali. Il-KESE jenfasizza li tranżizzjoni ġusta għandha tkun fil-qalba tal-aġenda politika tal-UE li jmiss, billi jiġi żviluppat qafas solidu għal tranżizzjoni ġusta li kapaċi trawwem ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju, mingħajr ma tkompli tipperikola l-opportunitajiet soċjoekonomiċi ta’ persuni u reġjuni vulnerabbli. |
|
1.5. |
Il-KESE jirrimarka li l-kontinent Ewropew ma jinsabx wara ħitan tal-ħġieġ u kull pass li tieħu l-UE jrid jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fuq livell globali. It-trasferiment tal-industrija barra mill-UE ma jikkontribwixxix għat-tnaqqis globali tal-emissjonijiet u fil-fatt x’aktarx iwassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’mod partikolari f’ċerti setturi. Dan ifisser li l-mandat il-ġdid tal-UE se jkollu jqis l-impatt usa’ tal-azzjonijiet adottati fi ħdan il-Patt Ekoloġiku u jikkoreġi miżuri li qed imorru fid-direzzjoni opposta, billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali, il-federazzjonijiet tal-impjegaturi u l-kmamar tal-kummerċ, sabiex jiġu żviluppati politiki li jippermettu lill-intrapriżi jsaħħu l-kompetittività tagħhom billi jżommu l-forza tax-xogħol tagħhom. |
|
1.6. |
Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi sett ta’ miżuri korrettivi. Miżuri bħal dawn jistgħu jneħħu d-duplikazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet f’kunflitt u l-piżijiet amministrattivi eċċessivi u bla bżonn jew jadattaw skadenzi jew regoli li ma jistax ikun hemm konformità magħhom minħabba teknoloġiji jew infrastruttura nieqsa. |
|
1.7. |
Peress li kwalunkwe entità trid tittratta għadd kbir ta’ atti u mhux wieħed biss, dan joħloq kumplessità biex tiġi eżerċitata attività fl-UE. Għalhekk, l-Opinjoni telenka eżempji ta’ dispożizzjonijiet li ma jaqblux mar-realtà u joħolqu aktar kumplessità u inċertezza għall-operaturi tas-suq. Ir-regoli u l-obbligi ġodda li jirriżultaw minn diversi atti legali qed jiżdiedu b’mod sinifikanti u, minflok ma jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika, il-kumpaniji qed jimpjegaw aktar persunal biex jindirizzaw il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, limiti u kriterji differenti fid-dispożizzjonijiet kollha jżidu l-burokrazija. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji Ewropej żgħar u ta’ daqs medju qed ikollhom diffikultajiet biex jikbru, peress li t-tkabbir jinvolvi rekwiżiti aktar stretti. Huwa meħtieġ b’mod urġenti li jiġi stabbilit approċċ aktar sistematiku għall-qafas regolatorju billi jissaħħu l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar. |
|
1.8. |
Il-KESE jappella għal approċċ aktar ambizzjuż u sistematiku għall-finanzjament tal-investimenti fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku. Bħalissa, hemm distakk kbir, li t-tnaqqis tiegħu jirrikjedi l-massimizzazzjoni tal-investiment pubbliku u l-ingranaġġ tal-kapital privat. Sabiex jiġi żgurat l-involviment robust ta’ sorsi finanzjarji privati, l-UE għandha timmotiva lill-banek biex jinvestu aktar fi proġetti “nodfa” li huma jqisu bħala operazzjonijiet riskjużi. L-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji jiffaċċjaw riskju kontradittorju doppju. Minn naħa waħda, dawn jibżgħu li jkunu biss ftit ekoloġiċi, ħafna anqas minn dak li teħtieġ it-tassonomija ambizzjuża; min-naħa l-oħra, l-uffiċċji tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom spiss iqisu li l-proġetti ekoloġiċi huma riskjużi żżejjed minħabba esperjenza preċedenti u rekord fuq skala żgħira bihom. |
|
1.9. |
F’setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati, il-KESE jipproponi wkoll li jsir użu mis-sorsi proviżorji kollha, abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji fit-tul, u li ma jiġux strettament meħtieġa biss sorsi u teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Meta wieħed iħares ’il quddiem, Qafas Finanzjarju Pluriennali kompletament orjentat lejn il-kompetittività, b’aktar riżorsi u strumenti ta’ finanzjament, huwa kruċjali għall-kalibrazzjoni u l-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku. |
|
1.10. |
Il-KESE jappella wkoll lill-Kummissjoni sabiex turi pubblikament online l-programmi ta’ finanzjament differenti fi ħdan il-Patt Ekoloġiku f’post wieħed b’mod komprensiv u faċli għall-utent. Huwa ta’ importanza deċiżiva li jiġi promoss għarfien usa’ tal-opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropej u nazzjonali permezz ta’ portali li jidentifikaw sinerġiji bejn sorsi differenti ta’ finanzjament, li jorbtu l-portali nazzjonali ma’ portali Ewropej eżistenti bħal dawk dwar il-materja prima kritika u t-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u l-Portal STEP. |
|
1.11. |
Il-Patt Ekoloġiku jrid jinbena f’konformità mal-istrateġija industrijali li tikkoordina t-trasformazzjoni klimatika u teknoloġika tal-industrija u tiżgura li l-Ewropa ma titlifx il-kompetittività, l-impjiegi u d-dħul mit-taxxa. Irid ikun hemm qbil fit-tul bejn il-kostijiet enormi ta’ investiment u l-benefiċċji futuri (inkluża kemm jista’ jkun l-eliminazzjoni ta’ esternalitajiet negattivi). Għalhekk, il-kostijiet tal-investiment iridu jkunu marbuta direttament mar-redditu, il-benefiċċji, il-profittabbiltà u l-opportunitajiet ta’ negozju tagħhom b’orizzont fit-tul, waqt li jitqiesu l-kostijiet tan-nuqqas ta’ azzjoni. |
2. Fatti bażiċi
|
2.1. |
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jittrasforma l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE biex itaffi l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, tat-tniġġis u tat-telfien tal-bijodiversità. F’dan ir-rigward, huma kkonċernati l-oqsma kollha ta’ politika, bħall-klima, l-ambjent, il-bijodiversità, l-enerġija, it-trasport, l-industrija, l-agrikoltura, l-ikel u l-finanzjament sostenibbli. |
|
2.2. |
Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku jippreżumi l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku u transsettorjali li bih l-oqsma ta’ politika rilevanti kollha jikkontribwixxu b’mod ugwali u ġust għall-għan finali relatat mal-klima, mat-tniġġis u mal-bijodiversità. Dan ifisser ukoll meta jiġu identifikati duplikazzjoni, diskrepanza jew rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, dawn għandhom jiġu kkoreġuti. |
|
2.3. |
Il-proċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika fi ħdan l-attivitajiet tal-Patt Ekoloġiku diġà dam kważi ħames snin u pprovda esperjenza biex wieħed jitgħallem minnha. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tivvaluta l-Pjani Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija (1) tipprovdi l-istampa ġenerali tal-aspetti klimatiċi tal-prestazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika fl-UE. Hija tenfasizza li, fil-fatt, l-UE mhijiex fit-triq li tilħaq il-miri tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, iżda tal-Lesti għall-mira ta’ 51 %, peress li l-pjani fil-verità jinsabu fit-triq lejn tnaqqis ta’ 51 % (u mhux 55 %) fl-emissjonijiet sal-2030. Fl-istess ħin, l-UE għadha lura wkoll fil-kisba ta’ miri oħrajn tat-tranżizzjoni tal-enerġija għall-2030 – il-pjani fir-realtà jiffukaw fuq il-proporzjon tas-sorsi rinnovabbli ta’ madwar 39 % (u mhux 42,5 % kif meħtieġ mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”), u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika juru tnaqqis ta’ 5,8 % fil-konsum (u mhux 11,7 % kif meħtieġ). |
|
2.4. |
L-isforz tal-Patt Ekoloġiku ġie mxekkel ukoll mill-kriżi tal-enerġija, li matulha l-prijorità ewlenija kienet is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tal-infrastruttura. Minbarra miżuri ġodda dwar l-iffrankar tal-enerġija u t-tnedija aċċellerata tal-enerġija nadifa, ir-rispons tal-UE inkorporat fil-Pjan REPowerEU ppermetta użu aktar fit-tul tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam milli mistenni, u rrikonoxxa r-rwol tal-enerġija nukleari u tar-riżorsi domestiċi tal-gass. Dan wassal biex xi miżuri fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida. |
|
2.5. |
L-UE qed tidħol f’perjodu ta’ implimentazzjoni tal-miżuri. Waqt li xi regoli għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ, xi wħud diġà ġew stabbiliti, u xi wħud saħansitra qed joqorbu lejn l-istadju ta’ rieżami. Dan jagħti opportunità kbira biex tiġi analizzata l-prestazzjoni tal-Patt Ekoloġiku. |
|
2.6. |
Il-perkors attwali għat-tranżizzjoni ekoloġika diġà beda jirrappreżenta sfida għal ċerti partijiet tas-soċjetà. Flimkien ma’ xokkijiet esterni, iċ-ċittadini jħossu pressjoni fuq il-prezzijiet u fuq il-kostijiet tat-tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-operaturi tas-suq innutaw li l-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ atturi globali qed tiddgħajjef. |
|
2.7. |
Għalkemm hija irħas milli kieku ma jsir xejn, it-tranżizzjoni tiswa ħafna flus u tirrikjedi investimenti addizzjonali ta’ aktar minn EUR 620 biljun fis-sena (2) sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u r-RepowerEU. Din ma tistax issir mis-settur privat waħdu u l-azzjonijiet huma appoġġjati finanzjarjament mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, mill-Fondi għall-Modernizzazzjoni u għall-Innovazzjoni u mill-proporzjon obbligatorju tal-allokazzjoni tal-QFP u tal-Next Generation EU; il-Fond għall-Klima Soċjali għadu fi stadju preparatorju. L-użu ta’ dawn il-fondi pubbliċi biex jiġu ingranati aktar investimenti privati u jiġi żgurat effett multiplikatur għoli għal kwalunkwe programm ta’ finanzjament pubbliku huwa ta’ importanza kbira. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Abbażi tal-fatti l-ġodda, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jipprovdu lill-Patt Ekoloġiku bil-mezzi u l-kundizzjonijiet it-tajba fir-rigward tal-evoluzzjoni u l-kapaċitajiet tas-soċjetà u jikkalibraw mill-ġdid il-politiki li mhumiex effettivi. Il-prezz tal-Patt Ekoloġiku ma għandux ikun għad-detriment tas-sistema industrijali tagħna u l-benesseri tal-forza tax-xogħol jew għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE li tiddependi prinċipalment fuq nies b’saħħithom u ekosistemi li jiffjorixxu. |
|
3.2. |
Il-Patt Ekoloġiku għandu jkun ibbilanċjat sew sabiex jirrispetta l-benesseri ekonomiku, ambjentali u soċjali kif ukoll l-aspetti tas-sigurtà. Irid ikun hemm appoġġ sod għall-Patt Ekoloġiku. Jeħtieġ li nadattaw għat-tibdil fil-klima, innaqqsu t-tniġġis u nirkupraw il-bijodiversità. Madankollu, irridu npoġġuh fit-triq it-tajba sabiex in-nies ikunu jistgħu jkunu parti mit-tranżizzjoni ekoloġika. Bosta dimostrazzjonijiet immexxija minn diversi gruppi ta’ interess, inklużi l-industrija (3), urew li l-bidla tista’ tkun ta’ suċċess biss, aktar milli twassal għal reżistenza, jekk tinbena b’mod adegwat waqt li jitqiesu l-partijiet ikkonċernati kollha u jiġu żgurati mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni adegwata biex tinkiseb ġustizzja fit-tranżizzjoni. |
|
3.3. |
Iċ-ċittadini jeħtieġ ukoll li jaraw li l-impatt tal-azzjoni tal-UE jagħmel sens globalment. Pereżempju, jekk sempliċiment nimbuttaw lill-industrija barra mill-Ewropa u l-produzzjoni sseħħ xi mkien ieħor, dan mhux neċessarjament jikkontribwixxi għat-tnaqqis tas-CO2, tat-tniġġis u tat-telfien tal-bijodiversità fid-dinja kollha. Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku jiddependi wkoll fuq il-kapaċità li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u sostenibbli minn perspettiva ekonomika, industrijali u soċjali. Għal din ir-raġuni, il-KESE jenfasizza li tranżizzjoni ġusta għandha tkun fil-qalba tal-aġenda politika li jmiss tal-UE u, f’konformità mal-Opinjoni (4) preċedenti tiegħu, jappella sabiex jiġi pprovdut qafas ta’ tranżizzjoni ġusta. |
|
3.4. |
Dan iwassal lill-KESE jissuġġerixxi r-rikalibrazzjoni tal-pilastri partikolari tal-Patt Ekoloġiku, jevalwa l-prestazzjoni u l-fattibbiltà tagħhom, waqt li jqis xenarji alternattivi li jistgħu jiżguraw l-aħjar kontribut tal-Istati Membri. F’dan is-sens, il-Patt Ekoloġiku għandu jkun ibbażat fuq il-prijoritizzazzjoni tal-implimentazzjoni koerenti tal-miżuri, jiġifieri l-koerenza vertikali u orizzontali tad-dispożizzjonijiet f’oqsma kritiċi għall-avvanzar tat-tranżizzjoni ekoloġika. Jappella wkoll għal approċċ aktar komprensiv biex tiġi żgurata l-koerenza u biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u r-ridondanza ta’ politiki. |
|
3.5. |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu pprijoritizzati għal darb’oħra, il-kontributuri ewlenin u l-azzjonijiet involuti fil-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni, ta’ tindif mit-tniġġis u ta’ rkupru tal-bijodiversità fid-dawl tal-aktar riżultati sostanzjali, tal-progress u tal-benefiċċji, u li dawn l-attivitajiet ikomplu skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri, waqt li jkunu sensittivi għal oqsma anqas importanti. |
|
3.6. |
Reazzjoni dwar xi riskji ta’ kompetittività: kif ġeneralment magħruf, il-proċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika huwa impenjattiv ħafna f’termini tal-investimenti li jeħtieġ li jiġu allokati għal perjodu ta’ żmien relattivament twil. Ir-rekwiżiti ta’ investiment matul it-tranżizzjoni ekoloġika mhux dejjem setgħu jkunu konformi mal-profittabbiltà tal-kumpaniji fuq terminu qasir u twil. Approċċ komprensiv għall-kompetittività tal-UE huwa mixtieq ħafna, inkluż l-ambjent tan-negozju kollu u l-bidla tiegħu (mhux biss l-industriji affettwati primarjament). |
|
3.7. |
Ir-reazzjoni fil-miżuri ta’ disinn tas-suq f’każ ta’ emerġenza fis-swieq: il-perjodu tal-kriżi tal-enerġija żvela l-ħtieġa ta’ aġġustament tas-suq. L-ewwel nett, għandu jiġi introdott mekkaniżmu ta’ intervent biex jistabbilizza s-suq f’każ ta’ volatilità qawwija straordinarja u ta’ impatt negattiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija jew fuq prezzijiet oħrajn. It-tieni, huwa rrakkomandat li jintlaħaq kunsens dwar mudell finanzjarju għall-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika, eż. f’kapaċitajiet futuri tal-elettriku li jagħmluha possibbli li tiġi żgurata enerġija affordabbli għall-klijenti, jiġu mobilizzati sorsi pubbliċi u privati u jsir profitt adegwat għall-kumpaniji tal-enerġija, waqt li tiġi evitata l-ispekulazzjoni. It-tielet punt speċifiku għad-disinn tas-suq tal-elettriku: għandu jirreaġixxi wkoll għal sehem li qed jinbidel tas-sorsi rinnovabbli fit-taħlita enerġetika. B’riżultat ta’ dan, il-prezz bl-imnut tal-elettriku ma għandux jibqa’ jiġi ddeterminat mill-prezz tal-aħħar input sa dal-punt. L-appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inkluż il-ħżin tal-enerġija, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-kapaċità flessibbli, u l-interkonnessjonijiet, huwa kruċjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-kosteffettività tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa. |
|
3.8. |
Ir-reazzjoni fil-prijoritajiet ta’ investiment f’ċirkostanzi globali li qed jinbidlu: il-KESE jirrakkomanda l-koordinazzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni ekoloġika ma’ rivali globali oħra sabiex inżommu l-kompetittività tagħna u nevitaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fid-dinja, il-KESE jappoġġja kull tip ta’ kooperazzjoni u miżuri, inkluża diplomazija ekoloġika komuni msaħħa li tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi globali ġusti, fejn l-istandards ambjentali u soċjali tagħna jiġu promossi u estiżi u l-prodotti u s-servizzi tagħna jkunu kompetittivi u promossi. |
|
3.9. |
In-nuqqas ta’ mmappjar tal-istruttura tal-Patt Ekoloġiku jagħmilha diffiċli biex titkejjel, tiġi vvalutata u kkontrollata. In-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati wkoll fi struttura ta’ governanza. Il-KESE jissuġġerixxi li n-nuqqasijiet jiġu analizzati bir-reqqa u li dawn jiġu indirizzati fir-Regolament rivedut dwar il-Governanza. Id-diskrepanzi fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) u d-dewmien fis-sottomissjoni tagħhom għandhom jiġu evitati u l-miri klimatiċi tal-Istati Membri għandhom ikunu allinjati aħjar. |
|
3.10. |
L-ambjent regolatorju sar kumpless ħafna b’rappurtar u b’kostijiet amministrattivi eċċessivi. Żieda qawwija fl-atti leġiżlattivi sekondarji żżid mal-kumplessità u mal-inċertezza regolatorja. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tuża l-leġiżlazzjoni sekondarja biss bħala eċċezzjoni u tagħti lill-Istati Membri u lill-industrija biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni (idealment tal-anqas tliet snin mill-adozzjoni tal-atti kollha, inklużi dawk sekondarji). |
4. Oqsma possibbli ta’ rikalibrazzjoni:
|
4.1. |
Id-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika: il-KESE jindika li l-kriterju ta’ prestazzjoni reali għadu lura meta mqabbel mal-mira. Min-naħa l-oħra, l-effiċjenza enerġetika u l-benefiċċji tagħha huma tanġibbli għall-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll għan-negozji u għall-istituzzjonijiet pubbliċi. Hawnhekk ir-rikalibrazzjoni possibbli tista’ tkun marbuta ma’ riallokazzjoni ta’ finanzjament addizzjonali biex tiġi akkomodata d-domanda għolja f’dan is-segment u ma’ aġġustament tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri, waqt li jiġu promossi strumenti ta’ finanzjament sostenibbli bħall-Kuntratt tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija. |
|
4.2. |
Id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli III: il-KESE jappoġġja ż-żamma tax-xejra attwali fir-rigward tas-sehem dejjem jikber ta’ sorsi rinnovabbli. Il-kriżi tal-enerġija turi li l-pajjiżi b’sehem ogħla ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’taħlita enerġetika reżiljenti huma viżibbilment anqas vulnerabbli għal impatti negattivi, pereżempju permezz taż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-enerġija. Iridu jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jintlaħqu l-miri, pereżempju l-mira għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fl-Unjoni Ewropea. Il-kalkolu tal-ilħuq tal-għan għandu jiġi adattat, u l-istess jgħodd għall-atti delegati li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-RFBNO fir-rigward tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Inkella, għandu jinħoloq att delegat aċċettabbli għall-produzzjoni ta’ prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Barra minn hekk, il-miri ta’ 1,5 % fis-sena fl-industrija għandhom jirriflettu d-diversità tal-industrija u d-dipendenza tal-industrija fuq il-fornituri tal-enerġija. |
|
4.3. |
Il-mekkaniżmu tal-EU ETS: il-KESE jippreferi li fil-mekkaniżmu tal-EU ETS jiġu inklużi aktar stabbiltà u eliminazzjoni tal-volatilità li jistgħu jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jieħdu deċiżjonijiet importanti ta’ investiment bi prevedibbiltà akbar. Wieħed jista’ jaħseb dwar l-implimentazzjoni ta’ interventi li jistgħu jillimitaw il-volatilità (fiż-żewġ direzzjonijiet) li qed tidher bħalissa. Definizzjoni mill-ġdid tal-mekkaniżmu tar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, speċjalment fil-fażijiet meta l-prezz tal-kwoti jkun għoli, tista’ tkun soluzzjoni. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu evalwati diversi sorsi tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) f’termini ta’ provvista u ta’ likwidità. Dan ikopri kull sors potenzjali, kemm jekk jinvolvi espansjoni settorjali, it-twaħħid jew il-konnessjoni tal-EU ETS u tal-ETS2, il-krediti tal-assorbiment tal-karbonju jew il-krediti tal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti indikazzjoni, mill-aktar fis possibbli, ta’ kemm se jdumu aċċettati l-assorbimenti tal-karbonju u liema (5). Il-passi li jmiss fl-aġġustament tas-sistema tal-EU ETS għandhom isiru f’konformità mal-ewwel esperjenza u mal-impatti tas-CBAM. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-mekkaniżmu tal-ETS ma jkollux impatt sproporzjonat fuq l-industriji mingħajr alternattivi vijabbli ta’ dekarbonizzazzjoni. Fir-rigward tat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-pjattaforma tal-EU ETS, il-KESE jirrakkomanda li wieħed irid joqgħod attent ħafna jekk jiġu inklużi diversi setturi tal-industrija, jew l-unitajiet domestiċi. |
|
4.4. |
Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM): waqt il-fażi tranżizzjonali tiegħu, is-CBAM (imfassal biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn il-prodotturi tal-UE u dawk li mhumiex tal-UE) iffaċċja ċerti kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-prattika. Il-kumpaniji importaturi jeħtiġilhom jiġbru data dwar l-emissjonijiet attwali mill-fornituri tagħhom u dan il-kompitu mhuwa faċli xejn. Il-Kummissjoni approvat miżura temporanja li tippermetti l-użu ta’ “valuri prestabbiliti” ibbażati fuq stħarriġ tal-JRC bħala sostitut għad-data attwali. Madankollu, jekk l-UE beħsiebha żżomm l-attività industrijali fl-Ewropa, dawn il-valuri prestabbiliti jridu jirriflettu l-ogħla emissjonijiet tal-karbonju biex jinħolqu inċentivi effettivi għall-provvista ta’ data reali u jiġi evitat li l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi japprofittaw minnha. Sabiex l-industriji soġġetti għall-ETS jitwaqqfu milli jirrilokaw barra mill-UE, huwa kruċjali li l-importaturi jirrapportaw l-emissjonijiet reali u li l-valuri prestabbiliti jiġu abbandunati wara l-perjodu provviżorju. Inkella, il-kumpaniji minn pajjiżi terzi se jiksbu vantaġġ kompetittiv fuq l-industriji tal-UE, u l-għanijiet klimatiċi tal-UE jiġu pperikolati. L-importaturi li, minkejja sforzi raġonevoli u verifikabbli, ma jkunux jistgħu jiġbru data dwar l-emissjonijiet reali mill-fornituri tagħhom għandhom jitħallew jużaw l-aħjar stimi tagħhom matul il-perjodu provviżorju, dment li dawn l-istimi ma jkunux inqas mill-valuri prestabbiliti applikabbli. Barra minn hekk, l-operaturi tas-suq jiffaċċjaw bosta kwistjonijiet tekniċi meta jippreżentaw ir-rapporti tas-CBAM, bħal messaġġi ta’ żball, problemi ta’ reġistrazzjoni u log-in, u diffikultajiet biex jissejvjaw l-abbozzi. Ħafna kumpaniji rrappurtaw li s-sistema tal-Kummissjoni jeħtieġ li tkun aktar faċli għall-utent. Dawn l-isfidi huma partikolarment ta’ piż għall-SMEs bi ftit, jew mingħajr, esperjenza fir-rapportar dwar il-karbonju, u joħorġu fid-dieher il-ħtieġa għal aktar appoġġ tekniku. Biex jittaffa l-piż fuq importaturi iżgħar, inklużi dawk li jimportaw lottijiet żgħar għal perjodi limitati ta’ produzzjoni jew għal skopijiet ta’ riċerka, għandu jiġi introdott valur ta’ limitu minimu ogħla. Fl-aħħar nett, l-esportazzjonijiet industrijali mill-UE mhumiex koperti mis-CBAM. Din hija kwistjoni kritika li trid tiġi indirizzata qabel l-2026, peress li l-kumpaniji tal-UE se jitilfu l-protezzjoni tal-kwoti bla ħlas ladarba s-CBAM jibda jintuża bis-sħiħ. Sfortunatament, kull regolament iġib miegħu r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni. Ir-regolamenti definittivi tas-CBAM iridu jindirizzaw b’mod adegwat dawn ir-riskji, inkluża r-riorganizzazzjoni. |
|
4.5. |
Mobilità nadifa: il-KESE jirrakkomanda li tittieħed perspettiva oġġettiva min-naħa tat-tranżizzjoni ekoloġika marbuta mal-mobilità. L-iżvilupp tal-elettromobilità fit-trasport individwali bil-karozzi miexi b’pass aktar bil-mod milli kien mistenni oriġinarjament. Ir-Regolament 2019/631 tal-PE u tal-Kunsill għas-sena 2025 jistabbilixxi sanzjonijiet/tariffi stretti ħafna għall-eċċess tal-mira annwali tal-emissjonijiet tal-manifattur għall-flotta mqiegħda fis-suq mill-manifattur. Hemm riskju li, anke fl-2025, ċerti operaturi se jkollhom iħallsu multi talli ma jilħqux il-miri, għal raġunijiet li jistgħu jkunu lil hinn mill-kontroll tagħhom: jibred is-suq, infrastruttura tal-irriċarġjar insuffiċjenti fl-UE. Fil-każ ta’ vetturi heavy-duty, infrastruttura tal-irriċarġjar insuffiċjenti b’mod simili, inklużi ż-żoni ta’ waqfa għall-mistrieħ assoċjati, hija l-isfida ewlenija għall-iżvilupp tal-elettromobilità. Ta’ min jinnota li l-istennija assoċjata mal-irriċarġjar se jkollha impatt fuq il-klijent u se twassal għal bidla fil-mudelli ta’ negozju. Il-KESE jappella wkoll għal testi armonizzati, pereżempju, ir-regolament dwar il-batteriji vs Euro 7. Billi s-suq tal-karozzi elettriċi qed jibred, ikun rakkomandabbli li tal-anqas tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-validità ta’ xi flessibbiltajiet, bħas-superkrediti, il-mekkaniżmu ta’ inċentiv għal vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, l-ibridizzazzjoni tal-flotta tal-vetturi bħala teknoloġija ta’ tranżizzjoni, l-użu ta’ fjuwils sintetiċi fil-flotta eżistenti ta’ vetturi. Għandu jkun permess aktar spazju għad-deċiżjonijiet tas-suq tal-kumpaniji biex jipprovdu l-bidla lejn mobilità b’emissjonijiet żero. |
|
4.6. |
Regoli dwar l-appoġġ pubbliku: hemm bżonn li jiġu evalwati mill-ġdid ir-regoli dwar l-appoġġ pubbliku u li jkun possibbli li jingħata appoġġ pubbliku kemm għan-nefqa kapitali kif ukoll għan-nefqa operatorja għal intrapriżi kbar għal investimenti u għal teknoloġiji ekoloġiċi sal-punt li l-investimenti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (RES) u fil-produzzjoni ekoloġika jkunu finanzjarjament sostenibbli fit-tul. Jekk jinstab appoġġ speċifiku għal prodotti ekoloġiċi f’pajjiżi barra mill-UE, dan l-appoġġ jeħtieġ li jkun “ibbilanċjat”. Hemm bżonn li jerġgħu jinfetħu r-regoli tal-appoġġ pubbliku b’riflessjoni dwar is-suċċess tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Fond għall-Innovazzjoni u s-suċċess fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ prijorità (eż. l-idroġenu ekoloġiku). It-trasport pubbliku ekoloġiku għandu jingħata prijorità f’termini ta’ politika u appoġġ finanzjarju fuq għażliet individwali. |
|
4.7. |
Tranżizzjoni Ġusta: il-KESE jissuġġerixxi li jinħoloq Osservatorju ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-UE sabiex jiġu mmonitorjati l-politiki u jiġu vvalutati l-impatti diretti u indiretti tagħhom, jiġu mmappjati l-impjiegi, il-profili tal-impjiegi u tal-ħiliet, it-telf potenzjali ta’ impjiegi, u l-ħolqien tal-impjiegi, jissaħħaħ il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tal-UE, u tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġu żviluppati inizjattivi simili għall-mekkaniżmu SURE għas-setturi l-aktar milquta. |
|
4.8. |
Politika Agrikola Komuni (PAK): il-politiki ambjentali u klimatiċi għandhom ikunu għodod għat-titjib tar-reżiljenza tas-settur tal-biedja waqt li tinżamm il-produttività, u għandhom ikunu parti minn soluzzjonijiet u linji gwida fit-tul għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur, li jġibu opportunitajiet konkreti għall-bdiewa. Għalhekk, il-PAK li jmiss, kif ukoll strumenti oħra, iridu jappoġġjaw b’mod adegwat lill-bdiewa matul it-tranżizzjoni (6), inkluż billi jappoġġjaw soluzzjonijiet teknikament u ekonomikament fattibbli bħal fertilizzanti organiċi jew avvanzati. L-esternalitajiet pożittivi għall-pajsaġġ, il-bijodiversità, l-ambjent u l-klima ta’ xi attivitajiet agrikoli speċifiċi jenħtieġ li jiġu inċentivati aktar permezz ta’ finanzjament pubbliku jew kuntratti privati. Il-KESE jappoġġja wkoll miżuri ta’ semplifikazzjoni biex tiżdied il-flessibbiltà u jittaffew il-piżijiet amministrattivi għall-bdiewa tal-UE, bħad-derogi temporanji proposti reċentement għal kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u semplifikazzjonijiet dwar il-ħdim tar-raba’, il-kopertura tal-ħamrija u r-restawr ta’ bwar permanenti. Huma meħtieġa wkoll programmi ta’ taħriġ adegwati għall-konsulenti tal-azjendi agrikoli u għall-bdiewa, bl-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-miżuri ta’ ekoloġizzazzjoni minħabba l-impatt ekonomiku tagħhom, inkluż dwar in-newba tal-għelejjel u dwar l-ekoloġija, l-identifikazzjoni u r-restawr tal-ħabitats tal-pollinaturi, kif ukoll aktar appoġġ biex il-bdiewa jiġu megħjuna jittrattaw il-monitoraġġ meħtieġ. Huwa essenzjali wkoll li jiġi stabbilit mill-ġdid djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-komunità tal-biedja fit-tul u li l-bdiewa jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-PAK. |
|
4.9. |
Ħruġ ta’ permessi: minkejja l-isforzi sinifikanti fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, fiha aspetti importanti minn perspettiva ta’ ħruġ ta’ permessi. Hemm spazju biex tittejjeb il-konsistenza f’dawn il-kwistjonijiet. It-tisħiħ tal-koerenza kemm vertikalment (bejn l-UE u l-Istati Membri) kif ukoll orizzontalment (fil-kwistjonijiet leġiżlattivi tal-UE) se jkun kruċjali. Huwa essenzjali wkoll li jiġu esplorati aktar l-innovazzjonijiet teknoloġiċi biex jiġi mminimizzat it-tfixkil potenzjali fl-ekosistemi tal-art u tal-baħar. L-introduzzjoni ta’ installazzjonijiet rinnovabbli trid titqies flimkien mal-ippjanar tal-użu tal-art, inkluża l-parteċipazzjoni pubblika effettiva (7). |
|
4.10. |
Assorbimenti tal-karbonju: billi jallinjaw b’mod strateġiku l-isforzi fl-assorbiment tal-karbonju ma’ prattiki mmirati lejn il-preżervazzjoni tal-bijodiversità, dawk li jfasslu l-politika jistgħu jimmassimizzaw l-impatt pożittiv kemm fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll fuq is-saħħa tal-ekosistemi. Il-promozzjoni ta’ approċċi innovattivi, b’mod partikolari flimkien ma’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-kultivazzjoni karbonika, tista’ tisfrutta l-potenzjal sħiħ ta’ dawn is-sinerġiji. Il-leġiżlaturi jistgħu jsibuha utli li jinvestigaw aktar bir-reqqa l-ħolqien ta’ inċentivi għal attivitajiet speċifiċi ta’ restawr u l-potenzjal tagħhom fi strateġiji għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Dan l-approċċ jista’ jorbot aħjar l-aġenda klimatika tal-UE mal-għanijiet tal-bijodiversità. Barra minn hekk, inċentivi bħal dawn jistgħu jallinjaw aħjar l-interessi tal-maniġers tal-art, inklużi l-bdiewa u l-forestiera, mal-attivitajiet ta’ restawr tal-klima u tan-natura. |
|
4.11. |
Ir-Regolament tal-UE dwar id-Deforestazzjoni u d-diliġenza dovuta: ir-rekwiżiti ta’ rappurtar essenzjali mhumiex ċari; b’mod partikolari, la hemm sistema ta’ informazzjoni tal-UE li tiffunzjona u u lanqas sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-pajjiżi. Dan jeħtieġ li jiġi kkoreġut sabiex l-objettivi taż-żewġ atti jiġu implimentati b’mod effettiv. |
|
4.12. |
Regolament dwar gassijiet-F: wara l-ewwel passi ta’ tnaqqis (fuq il-bażi tar-Regolament oriġinali), il-prezzijiet għal diversi fluwidi berrieda li huma gassijiet-F żdiedu immens. B’riżultat ta’ dan, żviluppa suq illeċitu vivaċi għal sustanzi kimiċi u għal fluwidi berrieda, b’valur ta’ diversi mijiet ta’ miljuni ta’ euro, li ddaħħlu fl-UE bil-kuntrabandu. B’riżultat ta’ dan, il-fornituri legali ta’ gassijiet-F ġarrbu telf li jammonta għal mijiet ta’ miljuni ta’ euro. Dan għaliex dawn il-gassijiet-F illegali ġew offruti mingħajr kwoti bi prezzijiet baxxi ħafna. Il-kwalità teknika tagħhom kienet dubjuża u l-użu tagħhom kien, għaldaqstant, riskjuż. Fl-istess ħin, l-utent medju ma setax jiddistingwi l-kontenituri illegali minn dawk legali. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi ma setgħux ilaħħqu. Ir-riżultat huwa distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE. |
|
4.13. |
Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli u r-Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ: il-perjodu ta’ tranżizzjoni ġenerali jagħti lin-negozji biss perjodu qasir ta’ żmien biex jirrieżaminaw, u fejn meħtieġ jadattaw, il-proċess tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, għaż-żewġ proposti se jiġu ċċarati għadd enormi ta’ speċifiċitajiet fl-atti delegati, li se jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u kapaċità ta’ rispons immedjat min-naħa tal-industriji, wara l-fażi ta’ tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-abbozzar ta’ atti delegati se jkun aktar diffiċli biex jiġi influwenzat u segwit meta mqabbel mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja aktar trasparenti jew ma’ atti ta’ implimentazzjoni li jqisu wkoll il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. |
|
4.14. |
Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL) – l-utilità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-EPREL (inklużi eċċezzjonijiet għal serje żgħira bl-użu ta’ limiti ta’ kwantità u, pereżempju, applikazzjonijiet B2B speċjalizzati u personalizzati) jeħtieġ li tiġi vverifikata. Id-data li għandha tiddaħħal sal-minimu neċessarju għas-sorveljanza tas-suq u għall-konsumaturi jeħtieġ li titnaqqas. L-ambigwitajiet legali rigward il-kamp ta’ applikazzjoni, eż. fir-rigward tas-sorsi tad-dawl inkorporati fil-prodotti (= li ma jistgħux jitneħħew) jeħtieġ li jiġu eliminati. Mudell ta’ format uniformi bħala metodi sempliċi ta’ ttestjar għall-manifatturi/importaturi jista’ jiffaċilita l-konformità mar-regoli. |
Brussell, id-19 ta’ Settembru 2024.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(2) Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2023.
(3) Id-Dikjarazzjoni ta’ Antwerp.
(4) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).
(5) Ir-rapport tas-CEPS dwar it-Tranżizzjoni Ekoloġika, Ġunju 2024.
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027” (ĠU C, C/2024/2099, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2099/oj).
(7) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Liema kundizzjonijiet huma meħtieġa biex titrawwem l-aċċettabbiltà soċjali tal-enerġija u t-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju?” (ĠU C 290, 29.7.2022, p.22).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6877/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)