European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6809

29.11.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Ottubru 2024

dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Bulgarija

(C/2024/6809)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija.

(3)

Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati.

(4)

Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024.

(5)

Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra.

(6)

Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)

Fil-15 ta' Ottubru 2021, il-Bulgarija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fl-4 ta' Mejju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Bulgarija (9), li ġiet emendata fit-8 ta' Diċembru 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li l-Bulgarija tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)

Fit-30 ta' April 2024, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2024 tagħha, f'konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Bulgarija dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(9)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Bulgarija. Huwa vvaluta l-progress tal-Bulgarija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Bulgarija. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Bulgarija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Bulgarija naqas minn 2,9 % tal-PDG fl-2022 għal 1,9 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 22,6 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 23,1 % fi tmiem l-2023.

(11)

Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li l-Bulgarija tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Bulgarija ġiet irrakkomandata taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Bulgarija ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet ġeneralment newtrali, fil-livell ta' 0,0 % tal-PDG. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni ġeneralment newtrali ta' 0,2 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi t-tnaqqis ta' 1,3 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u d-ditti b'reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll iż-żieda ta' 0,3 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta' protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Il-fatturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) reċentement kienu żidiet leġiżlati fil-pensjonijiet u fil-pagi. Kumplessivament, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,7 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda annwali ta' 0,8 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Bulgarija ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Il-Bulgarija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal investimenti f'faċilitajiet u mudelli ta' negozju għall-użu tal-iskart bħala riżorsa b'appoġġ għall-ekonomija ċirkolari, kif ukoll investimenti biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u biex tiġi appoġġata l-protezzjoni effettiva tal-ħabitats naturali u tal-ispeċijiet protetti. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(12)

Fil-Programm ta' Konverġenza 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta li l-PDG reali ser jikber bi 3,2 % fl-2024 u 2,7 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (CPI) ta' 2,4 % fl-2024 u 2,8 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 25 % sa tmiem l-2024 u 27,3 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2026 u jerġa' jiżdied għal 3,0 % fl-2027. Għalhekk, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li ma jaqbiżx il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat li jiżdied gradwalment għal 30 % fl-2026 u 30,7 % fl-2027.

(13)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'1,9 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla skont l-HICP ser tkun ta' 3,1 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025.

(14)

It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,8 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG għandu jiżdied għal 24,8 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment in-nefqa fuq il-pensjonijiet u l-pagi. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'0,3 % tal-PDG fl-2024.

(15)

In-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet taħt il-Faċilità ser jippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tal-Bulgarija.

(16)

Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li l-Bulgarija tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 4,6 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Bulgarija hija pprojettata li tiżdied b'6,2 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dak l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima rakkomandata għat-tkabbir f'nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 0,6 % tal-PDG fl-2024. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet aktar baxxa milli mistenni fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-14 ta' Lulju 2023 (bi 3,3 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-Rakkomandazzjoni tal-14 ta' Lulju 2023 ġiet ifformulata bħala rata ta' tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-14 ta' Lulju 2023, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun taħt ir-rata ta' tkabbir massima rakkomandata bi 2,7 % tal-PDG. B'mod ġenerali, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala f'riskju li ma tkunx kompletament konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(17)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Bulgarija tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża' l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, il-Bulgarija tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (17) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 0,0 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,0 % fl-2024 u fl-2025. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija ġew eliminati gradwalment fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill.

(18)

Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Bulgarija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 2,7 % tal-PDG fl-2023 għal 2,1 % tal-PDG fl-2024. Dan it-tnaqqis huwa parzjalment immotivat mit-tmiem tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023, iżda jaqbeż it-tnaqqis li jista' jiġi spjegat mis-sehem tal-kofinanzjament nazzjonali. Għalhekk, hemm riskju li investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tonqos minn 1,2 % tal-PDG fl-2023 għal 0,8 % tal-PDG fl-2024. Dan it-tnaqqis huwa mmotivat minn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023.

(19)

Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 2,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG mistenni jiżdied għal 24,6 % sa tmiem l-2025.

(20)

Hemm lok biex tiżdied l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-investiment pubbliku billi tiżdied l-implimentazzjoni ta' miżuri ewlenin. Il-Bulgarija għad għandha nuqqasijiet f'oqsma ewlenin bħall-allinjament bejn id-deċiżjonijiet ta' investiment u l-għanijiet strateġiċi fit-tul, u l-eżekuzzjoni f'waqtha tan-nefqa kapitali. Proċeduri standardizzati għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-proġetti bbażati fuq kriterji oġġettivi ta' valur għall-flus għadhom mhumiex fis-seħħ.

(21)

F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Bulgarija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Bulgarija taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti billi ttejjeb il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika u ttejjeb il-ġestjoni tal-investiment pubbliku. Huma meħtieġa aktar sforzi fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi amministrattivi u biex tittejjeb il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwist. Ir-reklutaġġ, it-taħriġ u ż-żamma tal-persunal b'talent huma kruċjali għall-bini ta' amministrazzjoni kompetenti kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak lokali. Ir-regolamentazzjoni tan-negozju għadha problema ewlenija għall-kumpaniji, li nofshom jidentifikawha bħala ostaklu ewlieni biex isiru investimenti fit-tul. Madwar 53 % tal-investituri mhumiex kunfidenti li l-investimenti tagħhom qed jiġu protetti mil-liġi u mill-qrati. Dawn l-elementi kollha kapaċi jtejbu wkoll l-ambjent tan-negozju fil-Bulgarija. L-inklużjoni rapida ta' kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ser tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investimenti addizzjonali b'appoġġ għall-objettivi strateġiċi tal-Bulgarija u tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(22)

Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), il-Bulgarija hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Il-Bulgarija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. Il-Bulgarija qed tesperjenza tnaqqis fil-popolazzjoni u disparitajiet reġjonali sinifikanti, speċjalment bit-tliet reġjuni tat-Tramuntana li għadhom lura. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha huma kruċjali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi jibqgħu rilevanti. Il-kapaċità tal-atturi reġjonali u lokali li japplikaw approċċi integrati għall-investimenti fil-livell lokali tibqa' kruċjali. Huwa partikolarment importanti li jiġu promossi networks ta' appoġġ reġjonali u lokali għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta' miżuri mmirati għat-trasferiment u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija. L-investimenti fit-trasport sostenibbli, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq kif ukoll l-intramodalità, jibqgħu prijoritajiet. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet territorjali ta' tranżizzjoni ġusta jistħoqqilha attenzjoni speċifika, anke f'termini ta' governanza, koordinazzjoni u kapaċità effettivi tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali. Huwa meħtieġ ukoll li jitkomplew l-investimenti ekoloġiċi, b'mod partikolari biex jittejbu l-ġestjoni tal-ilma, il-provvista tal-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi, u biex tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tal-iskart u tar-riżorsi. In-nuqqas ta' ħaddiema għadu jippersisti, li jaffettwa b'mod partikolari l-professjonijiet relatati mas-servizzi soċjali bħall-infermiera. Għalkemm il-qgħad huwa ġeneralment baxx, għadu ħafna ogħla fost il-gruppi vulnerabbli (iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u r-Rom) u f'xi reġjuni, u dan jissuġġerixxi li hemm potenzjal li tiżdied il-forza tax-xogħol. Il-miżuri ta' politika attiva tas-suq tax-xogħol, speċjalment għal gruppi aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, u l-investiment fl-akkwist tal-ħiliet, b'mod partikolari għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, jibqgħu prijoritajiet. Sistema edukattiva ta' kwalità u inklużiva, inkluża l-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, għadha pertinenti. Minkejja tnaqqis gradwali, il-Bulgarija għandha wieħed mill-ogħla ishma tal-popolazzjoni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, inkluż aktar minn wieħed minn kull tlett itfal u aktar minn wieħed minn kull tliet persuni akbar fl-età (65+). Is-sehem huwa wkoll ogħla b'mod sinifikanti għall-persuni b'diżabilità u r-Rom. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi fl-introjtu huma sinifikanti. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali, li ġie pilotat fl-2024. F'konformità mal-Artikolu 3(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Semestru Ewropew għandu jinkludi s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni, fost l-oħrajn permezz ta' qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali. Il-Bulgarija tista' tagħmel użu wkoll mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), inkluż fiż-żieda tal-investimenti fid-diġitalizzazzjoni, fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u fit-trasformazzjoni industrijali ekoloġika. Dik l-inizjattiva tista' tippermetti lill-Bulgarija timplimenta l-impenji tagħha favur teknoloġija nadifa, ekonomija ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju bl-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħha u tiżgura approċċ koeżiv biex tavvanza s-sostenibbiltà industrijali.

(23)

Il-Bulgarija qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u tal-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport sostenibbli kif ukoll il-kwalità tal-edukazzjoni u l-ħiliet. Dawk l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati aktar lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni.

(24)

L-aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli għadu kwistjoni ta' prijorità fil-Bulgarija. Filwaqt li l-pajjiż għamel progress limitat, għad fadal aktar sfidi strutturali. B'mod partikolari, il-liberalizzazzjoni posposta tas-suq tal-elettriku — waħda mir-riformi essenzjali tad-dekarbonizzazzjoni skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza – timpedixxi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u affordabbli. Barra minn hekk, is-sistemi tat-tisħin distrettwali fil-Bulgarija spiss ikunu f'kundizzjoni teknika ħażina, u l-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati l-aktar fuq il-gass naturali jew il-faħam. Fl-2023, l-użu tal-fotovoltajċi solari ra żieda sinifikanti b'aktar minn 1,2 GW f'kapaċità installata ġdida, li ġabet it-total għal kważi 3 GW. Madankollu, il-kapaċità tar-riħ installata staġnat matul l-aħħar deċennju, b'total ta' 700 MW f'installazzjonijiet fuq l-art. Dan minkejja l-potenzjal tal-enerġija mir-riħ li tagħti spinta lill-kapaċità tal-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku matul perjodi kwieti. Il-potenzjal tekniku mhux sfruttat tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta huwa stmat għal 26 GW (20). Fl-istess ħin, in-nuqqas ta' ħżin suffiċjenti tal-enerġija qed isir dejjem aktar evidenti, speċjalment matul is-sigħat xemxin, u dan joħloq riskju għall-użu kontinwu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala tal-grilja fil-Bulgarija. Minkejja interkonnessjoni qawwija tal-elettriku mal-ġirien tagħha, inkluża linja ġdida ta' 400 kV mal-Greċja (PCI Maritsa East-Nea Santa), għad hemm konġestjonijiet għall-grilji ta' trażmissjoni u distribuzzjoni. Azzjoni ulterjuri biex tittejjeb il-ġestjoni tal-grilji bl-introduzzjoni ta' elementi ta' grilji intelliġenti, inkluża l-introduzzjoni ta' miters intelliġenti u miżuri ta' rispons min-naħa tad-domanda tista' ttejjeb is-sitwazzjoni. Filwaqt li kien hemm titjib żgħir fl-indikaturi tal-faqar enerġetiku fil-Bulgarija, għad hemm sfidi sinifikanti. Is-sehem tal-popolazzjoni li ma setgħetx issaħħan djarha b'mod adegwat kien ta' 22,5 % fl-2022, l-ogħla rata fl-Unjoni, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni ta' 9,3 %. Għalkemm il-Bulgarija adottat definizzjoni uffiċjali għall-faqar enerġetiku, għad iridu jiġu żviluppati bis-sħiħ skemi ta' appoġġ konkreti, bil-kwota tat-tisħin immirata attwali tibqa' limitata kemm fid-durata kif ukoll fil-kopertura.

(25)

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport huma ta' tħassib sinifikanti għall-Bulgarija, b'mod partikolari mit-trasport bit-triq, fejn l-emissjonijiet tal-gassijiet serra żdiedu b'29 % fl-2022 (meta mqabbla mal-livelli tal-2005). L-użu tal-karozzi tal-passiġġieri għadu għoli, filwaqt li s-sehem tal-vetturi elettriċi bil-batterija għadu baxx ħafna. Barra minn hekk, l-infrastruttura tal-iċċarġjar għadha insuffiċjenti, b'punt wieħed biss tal-iċċarġjar għal kull tliet vetturi elettriċi, li jimpedixxi l-adozzjoni tal-mobbiltà elettrika. Barra minn hekk, l-infrastruttura ferrovjarja tal-Bulgarija għadha lura meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni, b'disparitajiet speċifiċi bejn ir-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar. It-tisħiħ tal-investimenti fin-network ferrovjarju tal-pajjiż u ż-żieda fl-għadd ta' inizjattivi tat-trasport urban sostenibbli huma kruċjali, filwaqt li tiġi żgurata l-konnettività tat-trasport bejn ir-reġjuni tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, iċ-ċentri urbani kbar u ż-żoni rurali u periferiċi, kif ukoll it-tlestija tal-konnessjonijiet man-network trans-Ewropew tat-trasport.

(26)

Minkejja xi emendi għall-qafas regolatorju bħala parti mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-eżiti edukattivi fil-Bulgarija huma insuffiċjenti u komplew jiddeterjoraw. Il-pajjiż irreġistra riżultati aktar baxxi fl-aħħar edizzjonijiet tal-valutazzjonijiet internazzjonali meta mqabbla mas-snin preċedenti. Is-sehem ta' studenti b'kisbiet baxxi fil-matematika, il-qari u x-xjenzi – kif muri mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti – huma fost l-aktar allarmanti fl-Unjoni. 53,5 % ta' dawk li għandhom 15-il sena ma għandhomx livell minimu ta' profiċjenza fil-matematika, 52,9 % fil-qari u 48 % fix-xjenzi, b'rati għolja ħafna fost l-istudenti minn sfondi żvantaġġati. Eżamijiet standardizzati nazzjonali juru inugwaljanzi kbar u li qed jikbru tal-eżiti u segregazzjoni soċjali qawwija fis-sistema edukattiva Bulgara. Madwar 50 % tal-għalliema tal-iskola għandhom mill-inqas 50 sena u qed jitfaċċa nuqqas ta' għalliema. Minkejja xi titjib, għad fadal sfidi għat-titjib tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu biex jiġi ffaċilitat it-titjib fil-kwalità u l-ekwità tal-edukazzjoni. Ir-rata ta' dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ tjiebet f'dawn l-aħħar snin iżda għadha partikolarment għolja fost ir-Rom u fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni baxxa tal-adulti fit-tagħlim (9,5 % meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta' 39,5 %) issarrfet f'ħiliet insuffiċjenti jew inadegwati, u b'hekk ħolqot ostakli għall-impjegabbiltà u l-kompetittività ġenerali. Il-qafas regolatorju tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali jintroduċi kompetenzi obbligatorji għall-protezzjoni ambjentali bħala parti mit-taħriġ professjonali ġenerali għall-professjonijiet kollha. Barra minn hekk, il-pjanijiet ta' tranżizzjoni ġusta għar-reġjuni tal-faħam jinkludu diversi miżuri li jkopru t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi f'tali reġjuni fil-Bulgarija. Il-livelli tal-ħiliet diġitali għadhom ferm aktar baxxi mill-medja tal-Unjoni (35,5 % meta mqabbla ma' 55,5 % fl-2023) u jinfluwenzaw l-impjegabbiltà. Biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi, hemm proġett ambizzjuż iffinanzjat mill-Faċilità li għandu l-għan li jtejjeb it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, li jiffoka fuq il-ħiliet diġitali, iżda l-implimentazzjoni tiegħu ddewmet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.

Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (21) fl-2025 għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju.

2.

Taċċellera b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi ttejjeb il-funzjonament u tagħti spinta lill-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fil-livell reġjonali, iżżid il-kwalità tal-proċeduri tal-akkwist u ssaħħaħ l-indipendenza u l-funzjonament tar-regolaturi. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.

Ittejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għal gruppi żvantaġġati, billi ttejjeb it-taħriġ tal-għalliema u timplimenta tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza. Tindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema biex tagħti spinta lill-kompetittività u tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika.

4.

Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u taċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, b'mod partikolari billi taqleb lejn enerġija rinnovabbli fit-tisħin distrettwali u tuża installazzjonijiet eoliċi. Tiżgura biżżejjed kapaċitajiet ta' ħżin biex tiżdied il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija. Issaħħaħ l-infrastruttura tal-grilja tal-elettriku billi jiġu introdotti elementi ta' grilja intelliġenti u tiżdied l-interkonnessjoni mal-pajjiżi ġirien. Tindirizza l-faqar enerġetiku billi timplimenta miżuri mmirati biex inaqqsu s-sehem tal-popolazzjoni li ma tistax iżżomm id-dar sħuna b'mod adegwat. Tippromwovi l-varar u l-adozzjoni ta' trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, inkluż billi taċċellera l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.04.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(8)  Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(9)  ST 8091/22 INIT; ST 8091/22 ADD 1.

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-4 ta' Mejju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Bulgarija (ST 15837/23 INIT; ST 15837/23 ADD 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2022 tal-Bulgarija, (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 11).

(13)  Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju tal-Bulgarija fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 10,1 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.

(14)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2023 tal-Bulgarija, (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 13).

(16)  In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(17)  Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).

(20)   Bank Dinji, Offshore Wind Energy Potential in the Black Sea, Washington, D.C., Marzu 2020.

(21)  Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6809/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)