European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6642

11.11.2024

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-642/24)

(C/2024/6642)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B.-R. Killmann u E. Schmidt, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

1.

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ benefiċċji tal-familja fi Freistaat Bayern, li permezz tagħha l-ħaddiema li wliedhom jirrisjedu b’mod permanenti f’wieħed mill-Istati Membri elenkati fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni rilevanti ta’ Freistaat Bayern, huma intitolati li jirċievu ammonti iktar baxxi,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1), kif ukoll

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 (2);

2.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni Ewropea tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kisret l-Artikoli 7 u 67 tar-Regolament Nru 883/2004. L-allowances tal-familja, kif mogħtija minn Freistaat Bayern, huma benefiċċju tal-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament. Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jipprojbixxu li l-għoti jew l-ammont tal-benefiċċji tal-familja jiddependu fuq il-membri tal-familja ta’ ħaddiem residenti fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji. Madankollu, Freistaat Bayern jipprovdi għal tnaqqis fl-ammont tal-allowances tal-familja għall-ulied meta dawn jgħixu barra mill-Ġermanja, fi 15-il Stat Membru li huma elenkati. Freistaat Bayern għalhekk jittratta l-benefiċċji tal-familja għall-ulied skont l-Istat Membru li fih jgħixu dawn l-ulied u mhux bħallikieku jgħixu fil-Ġermanja.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Peress li jnaqqas l-allowances tal-familja għall-ulied li jgħixu fil-15-il Stat Membru li huma elenkati, Freistaat Bayern jittratta lill-persuni b’mod differenti skont fejn jgħixu wliedhom, u b’mod partikolari jittratta agħar lil dawk l-ulied li jgħixu f’wieħed mill-15-il Stat Membru li huma elenkati. Dan iwassal għal diskriminazzjoni indiretta kontra ħaddiema migranti minn dawk l-Istati Membri, li għaliha ma jista’ jiġi identifikat l-ebda għan leġittimu.


(1)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

(2)  Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6642/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)