European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6604

7.11.2024

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

dwar il-Qafas Strateġiku għall-Involviment fil-Kooperazzjoni Internazzjonali

fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti

(C/2024/6604)

1.   INTRODUZZJONI

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma fost il-fatturi ewlenin tat-tibdil fil-klima u tat-telfien tal-bijodiversità, iż-żewġ sfidi ambjentali ewlenin ta’ żminijietna. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO, Food and Agriculture Organization) tan-Nazzjonijiet Uniti tistma li bejn l-1990 u l-2020 intilfu 420 miljun ettaru ta’ foresti minħabba d-deforestazzjoni, erja akbar mill-Unjoni Ewropea (UE). Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) jistma li 23 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra (2007–2016) jiġu mill-agrikoltura, mill-forestrija u mill-użi l-oħra tal-art (1). Fl-istess ħin, il-popolazzjoni dinjija li dejjem tikber hija mistennija li żżid id-domanda għall-art agrikola u li tpoġġi pressjoni addizzjonali fuq il-foresti, flimkien ma’ xejriet oħra bħall-espansjoni tal-bijoekonomija (2). It-tisħiħ tal-azzjoni fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u t-twettiq ta’ bidla deċiżiva fuq livell globali lejn produzzjoni sostenibbli se jkunu essenzjali biex jitwaqqfu l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità li jheddu l-futur kollettiv tagħna. Dan se jgħin ukoll biex tiġi indirizzata l-kriżi globali tal-ilma fid-dawl tal-evidenza xjentifika disponibbli dwar ir-rabtiet bejn id-deforestazzjoni u l-livelli tax-xita u tat-temperatura. Barra minn hekk, il-foresti jipprovdu servizzi importanti tal-ekosistema mir-ritenzjoni tal-għargħar u l-purifikazzjoni tal-ilma sal-mediċini, u għandhom rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetà. It-telf ta’ dawn is-servizzi spiss jolqot il-partijiet l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjonijiet.

Wieħed mis-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG, Sustainable Development Goals) stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti fl-2015, SDG 15, (3) impenja lill-pajjiżi madwar id-dinja biex iwaqqfu d-deforestazzjoni sal-2020. Peress li dan l-għan ma ntlaħaqx, fil-COP26 tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC, UN Framework Convention on Climate Change) tal-2021 fi Glasgow, l-UE, flimkien ma’ 143 pajjiż produttur u konsumatur ieħor, wegħdet li twaqqaf u treġġa’ lura d-deforestazzjoni sal-2030. Fil-COP28 fi Glasgow, ir-Rendikont Globali rrikonoxxa l-importanza li titwaqqaf id-deforestazzjoni, li jiġu ppreservati u rrestawrati l-foresti bħala parti mill-isforzi ta’ mitigazzjoni globali u l-Kummissjoni Ewropea kompliet bl-isforzi tagħha mal-pajjiżi sħab biex tiżgura tranżizzjoni b’suċċess lejn ktajjen ta’ valur mingħajr deforestazzjoni. Dan issa ġie rikonoxxut mill-Ministri għall-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent tal-G7 fil-laqgħa tagħhom f’Turin bejn id-29 u t-30 ta’ April 2024  (4) u mill-mexxejja tal-G7 fis-Summit ta’ Apulia bejn it-12 u t-13 ta’ Ġunju 2024  (5).

Il-kawża ewlenija tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti hija l-espansjoni tal-art agrikola sabiex jiġu prodotti komoditajiet bħas-sojja, iċ-ċanga, iż-żejt tal-palm, l-injam, il-kawkaw, il-gomma u l-kafè. Bħala ekonomija ewlenija u konsumatur ewlieni ta’ dawn il-komoditajiet, l-UE tirrikonoxxi r-responsabbiltà parzjali tagħha għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja u d-dmir korrispondenti li tikkontribwixxi biex dawn jitwaqqfu. Anke l-miżuri sodi min-naħa tad-domanda huma komplement importanti għall-miżuri li diġà ttieħdu min-naħa tal-provvista. Mingħajrhom, ikun hemm ir-riskju li d-domanda għall-prodotti marbuta mad-deforestazzjoni tkompli tixpruna l-produzzjoni u timmina l-isforzi min-naħa tal-provvista.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Istrateġija tagħha Global Gateway, l-UE impenjat ruħha li ssegwi rabtiet aktar reżiljenti mad-dinja, inkluż permezz ta’ investiment fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, standards soċjali u ambjentali ogħla u ktajjen tal-valur aktar sostenibbli.

2.   IR-REGOLAMENT TAL-UE DWAR IL-KTAJJEN TAL-PROVVISTA MINGĦAJR DEFORESTAZZJONI

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew (EGD, European Green Deal), il-Kummissjoni Ewropea (KE) żviluppat ir-Regolament tal-UE dwar il-Ktajjen tal-Provvista Mingħajr Deforestazzjoni (EUDR) (6) li jibni fuq il-Komunikazzjoni tal-2019 dwar “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”. L-EUDR daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2023 u se jibda japplika fit-30 ta’ Diċembru 2024 (fit-30 ta’ Ġunju 2025 għall-operaturi li huma mikrointrapriżi u impriżi żgħar).

L-EUDR huwa l-ewwel leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip li għandha l-għan li telimina d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti xprunati mill-produzzjoni u l-konsum tal-UE. Dan huwa għodda essenzjali biex jiġu ssodisfati l-impenji globali stabbiliti fl-SDGs, fil-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal kif ukoll fil-Ftehim ta’ Pariġi.

L-EUDR japplika b’mod ugwali għall-komoditajiet u għall-prodotti magħżula li jitqiegħdu fis-suq tal-UE u jiġu esportati mis-suq tal-UE u tfassal biex jiżgura trattament ugwali u nondiskriminazzjoni skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization). L-operaturi kollha li għandhom l-għan li lis-suq tal-UE jipprovdulu l-komoditajiet u l-prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR se jkollhom japplikaw prattiki ta’ produzzjoni mingħajr deforestazzjoni kif ukoll trasparenza fil-katina tal-provvista. Peress li d-domanda għal prodotti mingħajr deforestazzjoni qed tikber fuq livell globali, l-EUDR jirrappreżenta opportunità ta’ negozju biex jittejjeb il-kummerċ ta’ prodotti mingħajr deforestazzjoni u biex tingħata spinta lill-opportunitajiet għal atturi sostenibbli madwar id-dinja.

Fl-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Regolament, biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu u biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni u legali, l-Artikolu 30 tar-Regolament jipprevedi kooperazzjoni u impenn internazzjonali b’saħħithom ibbażati fuq qafas strateġiku ddedikat. L-Artikolu 30.1 tal-EUDR jistipula dan li ġej:

“il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri interessati, għandhom ikunu involuti f’approċċ koordinat mal-pajjiżi produtturi u ma’ partijiet minnhom li huma kkonċernati minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk klassifikati li huma f’riskju għoli f’konformità mal-Artikolu 29, permezz ta’ sħubijiet eżistenti u futuri, u mekkaniżmi oħra rilevanti ta’ kooperazzjoni sabiex b’mod konġunt jindirizzaw il-kawżi fundamentali tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas strateġiku komprensiv tal-Unjoni għal tali impenn u għandha tqis il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha tal-Unjoni.”

Għalhekk, enfasi prominenti hija fuq il-kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-EUDR filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-inizjattivi rilevanti ta’ sostenibbiltà u l-aħjar prattiki fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali.

B’mod parallel, l-UE qiegħda ssaħħaħ l-involviment ma’ pajjiżi konsumaturi ewlenin oħra ta’ komoditajiet li jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni rigward miżuri effettivi min-naħa tad-domanda li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv tal-2030. L-UE qiegħda ssegwi wkoll djalogu aktar b’saħħtu dwar il-politiki u l-azzjonijiet biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti f’fora multilaterali rilevanti.

L-UE hija impenjata li timplimenta b’mod effettiv il-EUDR, filwaqt li qiegħda tiddjaloga u tikkollabora ma’ pajjiżi produtturi. Għalhekk, l-UE intensifikat l-isforzi tagħha għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar id-diversi elementi kostitwenti tal-EUDR, speċjalment fil-kuntest tal-Pjattaforma ddedikata ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati u permezz ta’ diskussjonijiet tekniċi ma’ pajjiżi produtturi u partijiet ikkonċernati, inkluż permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE. L-UE qed tagħmel disponibbli wkoll diversi għodod ta’ appoġġ biex tgħin lill-partijiet ikkonċernati soġġetti għar-regoli ta’ dan ir-Regolament iħejju ruħhom għall-obbligi tagħhom. Dawn jinkludu:

a)

Dokument ta’ Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs, Frequently Asked Questions) (7) (li jiġi aġġornat regolarment) għandu l-għan li jipprovdi kjarifiki rigward diversi dispożizzjonijiet dwar l-EUDR.

b)

Gwida formali se tiċċara ċerti aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni tal-EUDR, b’mod partikolari dwar id-definizzjoni ta’ “użu agrikolu”, iċ-ċertifikazzjoni, il-legalità u dwar suġġetti oħra li qajmu l-partijiet ikkonċernati fl-UE u fuq livell globali.

c)

L-Osservatorju tal-UE dwar id-deforestazzjoni, għodda bla ħlas (8) imressqa mill-Kummissjoni, jippermetti lil kwalunkwe utent jaċċessa data xjentifika dwar il-kopertura tal-foresti tad-dinja (ara aktar dettalji fit-Taqsima 5.5).

Barra minn hekk, l-Artikolu 29(3) tar-Regolament jistabbilixxi li l-klassifikazzjoni ta’ pajjiżi b’riskju baxx u b’riskju għoli (jew partijiet minnhom) “ għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva u trasparenti mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħħar evidenza xjentifika u sorsi rikonoxxuti internazzjonalment ”. F’dan ir-rigward, l-UE tagħti importanza kbira lill-iżvilupp ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju komprensiva sostnuta minn metodoloġija soda biex tiġi ġġenerata data solida, verifikabbli u affidabbli bbażata fuq valutazzjoni komprensiva ta’ informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva f’konformità mal-Artikolu 29(3) u (4) tar-Regolament. L-UE hija impenjata wkoll li tintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li huma meqjusin ta’ riskju għoli jew li jinsabu f’riskju li jkunu ta’ riskju għoli fl-isforzi biex jitnaqqsu l-livelli ta’ riskju tagħhom (ara l-Anness).

Dan id-dokument jistabbilixxi dan il-Qafas Strateġiku, li se jkun il-bażi għal analiżi speċifika għall-pajjiż, fejn xieraq.

3.   OBJETTIVI TAL-QAFAS TA’ IMPENN STRATEĠIKU DWAR ID-DEFORESTAZZJONI

L-objettiv ġenerali tal-Qafas ta’ Impenn Strateġiku huwa li jappoġġa l-ħidma fi sħubija ma’ pajjiżi u partijiet ikkonċernati madwar id-dinja abbażi ta’ għadd ta’ prinċipji stabbiliti u tul il-ktajjen tal-valur rilevanti fi sforzi biex jiġu indirizzati b’mod konġunt il-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR, iżda wkoll lil hinn minnu.

L-objettivi speċifiċi tal-Qafas jinkludu dawn li ġejjin:

It-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali, internazzjonali u ta’ diversi partijiet ikkonċernati dwar il-politiki u l-azzjonijiet biex titwaqqaf id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inklużi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti kif ukoll l-użu sostenibbli tal-art, il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-konsum u l-kummerċ tal-komoditajiet.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi affettwati lejn inċentivi ekonomiċi għall-preservazzjoni tal-foresti u t-titjib tal-investimenti fi ktajjen tal-provvista sostenibbli.

L-għoti ta’ għajnuna lill-pajjiżi u lir-reġjuni produtturi, speċjalment lil dawk b’kapaċità aktar dgħajfa u b’esponiment għoli għad-deforestazzjoni, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom lejn ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni u legali.

It-tkomplija tal-involviment ma’ pajjiżi konsumaturi oħra biex tiġi promossa l-adozzjoni ta’ rekwiżiti ambizzjużi sabiex jiġi mminimizzat il-kontribut ta’ dawn il-pajjiżi għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

F’dan il-kuntest, il-Qafas jiddeskrivi b’mod ġenerali l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ewlenin għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex jinforma, kif rilevanti, il-pjanijiet u l-istrateġiji ta’ kooperazzjoni tal-UE, tal-Istati Membri u tal-Istituzzjonijiet tal-Finanzi għall-Iżvilupp (DFIs, Development Finance Institutions). Dan għandu l-għan ukoll li jgħin jidderieġi l-użu possibbli ta’ strumenti xierqa li jistgħu jitqiesu għall-appoġġ rilevanti għall-implimentazzjoni tal-EUDR.

Il-Qafas iwitti wkoll it-triq għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex ikomplu bl-involviment tagħhom fil-fora multilaterali rilevanti bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD, UN Convention to Combat Desertification), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-Assemblea tan-NU għall-Ambjent (UNEA, UN Environment Assembly), il-Forum tan-NU dwar il-Foresti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) kif ukoll il-G7 u l-G20 u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Cooperation and Development). L-għan kumplessiv huwa li jiġi promoss fehim komuni tal-ħtieġa li ssir tranżizzjoni globali lejn produzzjoni agrikola sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni, ġestjoni sostenibbli msaħħa tal-foresti, l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista sostenibbli, trasparenti u mingħajr deforestazzjoni, u li jinħolqu politiki abilitanti f’dan ir-rigward. L-UE u l-Istati Membri tal-UE se jkomplu wkoll bl-isforzi tagħhom u bil-ħidma konġunta mas-sħab fil-livell globali lejn l-identifikazzjoni ta’ standards u definizzjonijiet robusti li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-foresti u ta’ ekosistemi naturali oħra u tad-drittijiet tal-bniedem assoċjati, u lejn il-qbil fuqhom.

4.   PRINĊIPJI TAL-QAFAS TA’ IMPENN STRATEĠIKU DWAR ID-DEFORESTAZZJONI

It-tmien prinċipji ewlenin li ġejjin se jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-Qafas mill-UE u l-Istati Membri tagħha:

1)

Djalogu u kooperazzjoni kontinwi ma’ pajjiżi terzi kkonċernati biex jiġu skambjati prattiki u sforzi u biex dawn jiġu appoġġati biex joħolqu ambjenti abilitanti għal tranżizzjoni inklużiva u ġusta lejn ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni, li jibbażaw fuq mekkaniżmi eżistenti u futuri bħal djalogi strutturati, arranġamenti amministrattivi, ftehimiet eżistenti jew dispożizzjonijiet tagħhom. L-involviment se jinkludi wkoll azzjonijiet oħra biex jappoġġaw lill-pajjiżi sħab sabiex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ktajjen tal-provvista aktar trasparenti, jibnu sistemi ta’ traċċabbiltà ġodda jew eżistenti biex jiżguraw standards ġodda u jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-katina tal-provvista. Dan se jinkludi l-wiri ta’ prattiki tajbin fil-qasam diġitali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ traċċabbiltà permezz tal-ġeolokalizzazzjoni, fil-Pjattaforma ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati dwar il-Protezzjoni u r-Restawr tal-Foresti tad-dinja. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pajjiżi kklassifikati jew li jirriskjaw li jiġu kklassifikati bħala ta’ riskju għoli f’termini ta’ deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti skont l-Artikolu 29 (valutazzjoni tal-pajjiżi).

2)

Appoġġ għall-azzjonijiet b’enfasi fuq il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-foresti, it-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti u t-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-komoditajiet, l-ipproċessar tal-konsum u l-metodi kummerċjali. Dan jinkludi prattiki tal-użu sostenibbli tal-art u sistemi ta’ traċċabbiltà kif ukoll l-aċċess tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira għas-swieq, il-finanzi u t-teknoloġija.

3)

L-isfruttar tat-tagħlimiet meħuda u tal-prattiki tajbin stabbilitifil-pajjiżi produtturi u konsumaturi, inklużi proġetti ta’ kooperazzjoni tal-UE ta’ suċċess, inizjattivi u l-aħjar prattiki rilevanti, bħal fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Kawkaw Sostenibbli, iċ-ċertifikazzjoni eżistenti u l-iskemi ta’ verifika min-naħa ta’ parti terza, inkluża t-traċċabbiltà.

4)

It-tħeġġiġ tal-involviment fil-livell tal-pajjiżi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li għandhom rwol x’jaqdu fl-ilħuq tal-agrikoltura sostenibbli, tal-ġestjoni tal-foresti u tal-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni fil-pajjiżi produtturi u konsumaturi. Dawn il-partijiet ikkonċernati jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, is-settur privat inklużi l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet lokali, u l-popli indiġeni.

5)

Approċċ iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jipproteġi dawk id-drittijiet assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti, inklużi d-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet lokali, u tad-detenturi tad-dritt konswetudinarju għall-pussess tal-art, kif ukoll li jippromwovi r-rwol tagħhom fil-protezzjoni tal-foresti.

6)

Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess pubbliku għad-dokumenti rilevanti relatati mal-ktajjen tal-provvista tal-foresti u tal-agrikoltura u l-aċċess għall-ġustizzja (l-aċċess għal proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jiġu rieżaminati d-deċiżjonijiet, l-atti jew in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet).

7)

Sinerġiji ma’ inizjattivi ta’ politika oħra tal-UE bħal dawk li jiffokaw fuq ix-xogħol furzat, il-finanzi sostenibbli, id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva kif ukoll politiki ambjentali usa’ u l-Global Gateway tal-UE.

8)

Il-koordinazzjoni mas-sħab rilevanti għall-iżvilupp biex jiġu ffaċilitati l-komplementarjetà u l-appoġġ ta’ tisħiħ reċiproku.

5.   OQSMA PRIJORITARJI TA’ AZZJONI

Fi sforzi biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn il-katina tal-valur globali mingħajr deforestazzjoni u f’konformità mal-objettivi tal-Global Gateway tal-UE, l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jingħaqdu flimkien biex jużaw l-appoġġ u l-koordinazzjoni meħtieġa sabiex jiżguraw tranżizzjoni inklużiva u ġusta lejn ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni u legali lejn l-UE u minnha. Għal dan, ġew identifikati ħames oqsma wesgħin ta’ ħtiġijiet ta’ prijorità. Dawn huma indikattivi u se jiġu analizzati f’aktar dettall fil-livelli tal-pajjiżi u reġjonali:

Image 1

5.1.   Appoġġ lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira

Il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira jipprovdu sehem sinifikanti tal-produzzjoni globali ta’ diversi prodotti u komoditajiet tal-EUDR. . L-obbligi legali tal-EUDR japplikaw għall-operaturi u għan-negozjanti li jqiegħdu u jagħmlu disponibbli prodotti fis-suq tal-UE. Peress li l-operaturi se jkunu jeħtieġu informazzjoni minn partijiet preċedenti tal-ktajjen tal-provvista, madankollu, il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira jistgħu jintalbu mill-operaturi jipprovdu sett limitat ta’ informazzjoni. Il-kompiti ewlenin tal-produtturi huma li jiżguraw il-legalità tal-produzzjoni, li ma jikkonvertux l-art forestali tagħhom f’użu agrikolu, u li jipprovdu d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, li tista’ tinkiseb b’mezzi tekniċi fuq skala żgħira u jeħtieġ li tiġi stabbilita darba biss. Ma għandhomx għalfejn iwettqu diliġenza dovuta.

Fejn rilevanti, u f’konformità mal-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti tal-UE, l-UE u l-Istati Membri jappoġġaw l-inklużjoni tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira fil-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni. Ir-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà tal-EUDR, għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira billi jnaqqsu l-kumplessitajiet tal-katina tal-provvista, jiftħu opportunitajiet ġodda tas-suq u jiksbu prezzijiet aktar ġusti.

Azzjonijiet possibbli jistgħu jinkludu assistenza teknika u taħriġ, eż. dwar prattiki agrikoli u tal-użu tal-art sostenibbli u t-traċċabbiltà, kif ukoll l-aċċess għall-finanzi u t-tagħmir/it-teknoloġija rilevanti.

L-UE se tfittex ukoll li tinkludi lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u/jew tippromwovi l-interessi tagħhom fid-djalogi bilaterali tal-UE mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi sħab u fil-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ bħall-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni (ara l-punt 6.2.1 hawn taħt).

Kaxxa 1: AL-INVEST VERDE

AL-INVEST VERDE (9) huwa programm iffinanzjat mill-UE li ilu jeżisti u li jimplimenta azzjonijiet fi 12-il pajjiż fl-Amerka Latina. Fis-sitt iterazzjoni kurrenti tiegħu, dan jappoġġahom fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u aktar ċirkolari u jiffaċilita mudelli ta’ produzzjoni sostenibbli. Dan għandu tliet komponenti ewlenin (1) l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-SMEs, (2) l-assistenza teknika għas-settur pubbliku, (3) l-użu tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp sostenibbli.

Taħt il-komponent tal-SMEs pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea qed tgħin lill-SMEs jespandu l-possibbiltajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom skont l-istandards u r-regolamenti l-ġodda tal-UE billi jaqilbu għal prodotti, proċessi u servizzi aktar nodfa u aktar effiċjenti, filwaqt li l-pajjiżi jadottaw xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli.

Kaxxa 2: L-involviment tal-EUDR fix-Xlokk tal-Asja

Il-proġett Involviment mal-Indoneżja, il-Malażja, il-Laos, it-Tajlandja u l-Vjetnam biex jiġu promossi l-fehim aħjar u l-bini tal-kapaċitajiet abbażi tal-approċċ tal-UE sabiex jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti xprunati mill-UE (Involviment tal-EUDR (10)) jagħmel enfasi fuq id-djalogu u t-taħriġ mal-partijiet ikkonċernati politiċi, il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, is-settur privat u s-soċjetà ċivili rigward ir-rekwiżiti ewlenin tat-traċċabbiltà tal-EUDR fix-Xlokk tal-Asja.

5.2.   Appoġġ għall-iżvilupp ta’ skemi ta’ traċċabbiltà ta’ standard għoli.

Flimkien mal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ verifika min-naħa ta’ parti terza, l-iskemi tat-traċċabbiltà ta’ standard għoli jistgħu jiffaċilitaw il-konformità tal-operaturi mar-rekwiżiti rilevanti tal-aċċess għas-suq filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-isforzi li jsiru fil-prattika. L-UE tista’ tinvolvi ruħha fi djalogu u f’kooperazzjoni teknika fil-livell tal-pajjiż, reġjonali u globali mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq skambju trasparenti ta’ informazzjoni, data u l-aħjar prattiki. L-għan huwa li jiġu identifikati, jiġu żviluppati u/jew jissaħħu skemi rilevanti, b’enfasi fuq it-trasparenza u t-traċċabbiltà u li jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà effettivi tagħhom.

L-UE tappoġġa lill-pajjiżi sħab fit-tisħiħ tal-iskemi eżistenti ta’ traċċabbiltà ta’ standard għoli, b’enfasi fuq il-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni abbażi tad-definizzjonijiet u l-legalità tal-FAO. F’dan il-kuntest, l-UE tista’ tiffinanzja analiżijiet konġunti ma’ pajjiżi sħab (fuq talba) biex jiġu identifikati lakuni, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar passi ulterjuri għall-allinjament, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

Diversi programmi taħt l-Inizjattiva globali ta’ Tim Ewropa dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni, bħal pereżempju l-programm SAFE, l-Inizjattiva dwar il-Kawkaw Sostenibbli u AL INVEST Verde, diġà jipprovdu appoġġ konkret lis-sistemi nazzjonali u lokali ta’ traċċabbiltà fil-pajjiżi sħab.

Il-programm Agrikoltura Sostenibbli għall-Ekosistemi tal-Foresti (SAFE), iffinanzjat mill-UE, mill-Ġermanja u min-Netherlands, jipprovdi appoġġ għas-sistemi ta’ traċċabbiltà fil-livell nazzjonali u lokali f’pajjiżi produtturi differenti. Fil-Brażil, il-programm SAFE jappoġġa l-iżvilupp ta’ sistema ta’ traċċabbiltà fis-settur tal-bhejjem tal-ifrat permezz ta’ proċess ta’ djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati fil-qafas tal-“Koalizzjoni Brażiljana dwar il-Klima, il-Foresti u l-Agrikoltura”. Barra minn hekk, il-programm SAFE għandu l-għan li jappoġġa lill-Ministeru Brażiljan għall-Agrikoltura fl-implimentazzjoni tiegħu tal-pjattaforma nazzjonali ta’ traċċabbiltà għal komoditajiet differenti “AgroBrasil + Sustentável”.

Image 2

5.3.   Tranżizzjoni lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-komoditajiet u l-użu tal-art sostenibbli

Iż-żieda fl-effiċjenza tal-użu tal-art agrikola u t-tranżizzjoni lejn metodi ta’ produzzjoni agrikola aktar sostenibbli jistgħu jaċċelleraw il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. L-UE hija impenjata li tiżviluppa u tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi u/jew alternattivi li jilħqu bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ekosistemi u l-issodisfar tad-domanda globali għall-komoditajiet agrikoli ewlenin.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà tiffinanzja firxa wiesgħa ta’ programmi u proġetti mmirati lejn l-appoġġ lill-pajjiżi sħab fit-tranżizzjoni tagħhom lejn produzzjoni agrikola sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni, inkluż billi tipprovdi assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira.

Kaxxa 3: Inizjattiva tal-UE dwar il-Kawkaw Sostenibbli

Imnedija fl-2020, l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Kawkaw Sostenibbli  (11) hija djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati, jiġifieri bejn l-UE, il-Kosta tal-Avorju, il-Ghana u l-Kamerun, dwar is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali fis-settur tal-kawkaw. Din hija inizjattiva ewlenija taħt il-Patt Ekoloġiku tal-UE, artikolat madwar żewġ pilastri ewlenin:

1.

djalogu inklużiv bejn diversi partijiet ikkonċernati, il-Cocoa Talks, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea biex jinkiseb kunsens u jiġu identifikati azzjonijiet ta’ prijorità għas-settur.

2.

appoġġ finanzjarju u tekniku prinċipalment permezz ta’ Programm reġjonali għal Kawkaw Sostenibbli (SCP, Sustainable Cocoa Programme), programm ta’ €EUR 25 miljun għall-Kosta tal-Avorju, il-Ghana u l-Kamerun biex jiġu żgurati r-riżorsi meħtieġa sabiex isir progress fil-punti ta’ azzjoni definiti permezz tad-djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati. Il-programm ġie kkomplementat b’aktar riżorsi fil-livell tal-pajjiżi. L-attivitajiet jinkludu l-bini tal-kapaċitajiet għall-monitoraġġ tad-deforestazzjoni, tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ traċċabbiltà, tat-titjib tal-istandards pubbliċi/privati u taċ-ċertifikazzjoni għall-produzzjoni tal-kawkaw u l-valutazzjoni ta’ prattiki agrikoli speċifiċi bħall-agroforestrija.

Id-djalogu laħaq il-qofol tiegħu f’Ġunju 2022 b’approvazzjoni mill-partijiet ikkonċernati tal-Pjan Direzzjonali dwar il-kawkaw Sostenibbli u l-ħolqien ta’ Pjan Direzzjonali “Alleanza għall-Kawkaw Sostenibbli”.

5.4.   Involviment fir-rigward ta’ miżuri regolatorji u standards ambjentali fuq livell globali

Id-djalogu ta’ politika ma’ swieq kbar oħra tal-konsumatur biex jiġu promossi politiki simili se jkun essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan aħħari li titwaqqaf id-deforestazzjoni globali. L-UE qed taħdem mill-qrib mal-pajjiżi sħab konsumaturi u mal-partijiet ikkonċernati tal-katina tal-provvista tagħhom sabiex jippruvaw jilħqu l-miri kondiviżi tad-deforestazzjoni f’fora multilaterali. Dan qed isir billi jiġu identifikati u żviluppati l-aħjar prattiki u teknoloġiji, il-miżuri regolatorji, standards ambjentali ogħla, id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà soċjali korporattiva kif ukoll appoġġ konġunt possibbli għar-rwol tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira fil-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni. F’dan il-kuntest, l-UE għandha l-għan li tippromwovi fehim aħjar tal-approċċ tal-UE għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni kif ukoll li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni fuq livell globali abbażi ta’ definizzjonijiet li jintużaw fuq livell internazzjonali bħal dawk tal-FAO, bil-ħsieb li jiġu ssodisfati l-impenji internazzjonali konġunti dwar il-klima u l-bijodiversità. L-UE se tuża wkoll strumenti li jappoġġaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-approssimizzazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tal-UE sabiex il-pajjiżi sħab jgħollu l-istandards ambjentali. Pereżempju, l-istrumenti tal-UE għall-bini tal-istituzzjonijiet TAIEX (strument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni) (12) u Twinning (13), li jlaqqgħu flimkien l-għarfien espert tas-settur pubbliku mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi sħab permezz ta’ attivitajiet bejn il-pari.

5.5.   Żvilupp tal-għarfien u tal-innovazzjoni

Skont il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u Innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li toħloq għarfien ġdid u data xjentifika ġdida kif ukoll li tiżviluppa soluzzjonijiet u teknoloġiji innovattivi li jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn produzzjoni agrikola sostenibbli, l-użu sostenibbli tal-art u ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni, taċċellera l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni madwar id-dinja u tistimula bijoekonomija ċirkolari sostenibbli.

B’mod aktar speċifiku, l-UE stabbiliet l-Osservatorju tal-UE dwar id-Deforestazzjoni  (14) u d-Degradazzjoni tal-Foresti mmexxi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre). Dan jipprovdi data xjentifika aċċessibbli dwar it-tibdil fil-kopertura tal-foresti tad-dinja u l-kummerċ tal-komoditajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUDR li tista’ tinforma lill-entitajiet pubbliċi, lill-konsumaturi u lis-settur privat. Il-mapep imfassla mill-Osservatorju ma għandhom l-ebda valur legali iżda jirrappreżentaw għodda ta’ appoġġ siewja għall-valutazzjoni tar-riskju u biex jgħinu lill-operaturi jikkonformaw mal-EUDR, mingħajr, madankollu, ma jneħħulhom id-dmir li jwettqu d-diliġenza dovuta. L-Osservatorju jibni u se jkompli jibni fuq għodod ta’ monitoraġġ diġà eżistenti, inklużi l-prodotti ta’ Copernicus u sorsi oħra disponibbli pubblikament jew privatament, kif ukoll skambju u kooperazzjoni mill-qrib dwar l-evidenza mal-pajjiżi sħab. Dan se jsegwi wkoll sinerġiji mal-iżviluppi ta’ politika rilevanti l-oħra bħal-liġi tal-UE dwar il-monitoraġġ tal-foresti u s-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa (FISE, Forest Information System for Europe).

Kaxxa 4: Stejjer ta’ Suċċess mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka ffinanzjati taħt il-Programmi Qafas tal-UE Orizzont 2020 jew Orizzont Ewropa għar-Riċerka u Innovazzjoni

il-proġett INCLUDE (15) (2016–2021) analizza l-impatt li d-deforestazzjoni qed ikollha fuq il-gruppi emarġinati bħall-bdiewa ż-żgħar u l-komunitajiet indiġeni billi jiffoka fuq ir-reġjun ta’ Chaco Salteno fl-Arġentina.

Il-proġett FORESTPOLICY (16) (2021–2026) jeżamina jekk il-politiki tal-kumpaniji għat-twaqqif tad-deforestazzjoni jgħinux biex inaqqsu d-deforestazzjoni u jekk l-effettività ambjentali twassalx għall-esklużjoni tal-bdiewa l-aktar foqra jew tkunx ta’ benefiċċju għalihom. Ifittex ukoll li jidentifika għaliex il-politiki tal-katina tal-provvista jirnexxu jew ma jirnexxux.

Il-proġett SUSTAINFOREST (17) (2021–2026) janalizza r-rwoli interattivi ta’ rqajja’ ta’ foresti ekoloġikament u ekonomikament importanti fil-pajsaġġi agrikoli tal-foresti pluvjali u taż-żoni savani fit-Togo, fil-Benin, fin-Niġerja u fil-Kamerun.

6.   GĦODOD TA’ IMPLIMENTAZZJONI

6.1.   Sensibilizzazzjoni u Djalogu

Biex twettaq il-prinċipji u l-objettivi tal-Qafas, l-UE se tagħmel l-EUDR u l-ġlieda usa’ kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-livell dinji parti integrali mill-ħidma u mill-isforzi tad-diplomazija ekoloġika tal-UE. Għal dan l-għan, l-UE, l-ewwel u qabel kollox, se jkollha djalogu miftuħ, onest u strateġiku mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab li jibbażaw fuq il-fora bilaterali, bireġjonali u internazzjonali rilevanti.

Fir-rigward tal-fora ta’ djalogu pertinenti:

Fil-livell internazzjonali, l-UE se tkompli s-sensibilizzazzjoni u l-involviment tagħha dwar id-deforestazzjoni fil-kuntest tal-G7 u l-G20, tal-OECD, tal-UNFCCC, tal-UNCCD, tal-KDB, tal-FAO u tad-WTO, kif ukoll fora rilevanti oħra.

Fil-livell reġjonali u bilaterali, l-UE qed tintegra d-deforestazzjoni fl-oqfsa ta’ kooperazzjoni rilevanti kollha għad-djalogu ta’ politika inklużi d-djalogi politiċi u settorjali formali, l-Alleanzi u s-Sħubijiet Ekoloġiċi, u l-proġetti ta’ assistenza teknika, filwaqt li tibni kemm jista’ jkun fuq il-mekkaniżmi u l-proċessi eżistenti.

Il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs, Free Trade Agreements) tal-UE u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) ma’ pajjiżi u reġjuni sħab jipprovdu pjattaformi addizzjonali għad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, inkluża d-deforestazzjoni, filwaqt li jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti u lis-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat.

Fil-livell tal-esperti, f’Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjattaforma ta’ Diversi Partijiet Konċernati dwar il-protezzjoni u r-Restawr tal-Foresti tad-Dinja biex tgħin fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja, li sservi bħala forum għall-iskambji bejn il-pajjiżi konsumaturi u produtturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-EUDR. Din tiltaqa’ regolarment u hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati mill-pajjiżi sħab.

Kaxxa 5: Il-Pjattaforma ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati dwar il-Protezzjoni u r-Restawr tal-Foresti tad-Dinja

Fl-2020, il-Kummissjoni ħolqot il-“Pjattaforma ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati dwar il-Protezzjoni u r-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”, bil-għan li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati, lir-riċerkaturi u lil pajjiżi terzi fil-proċess leġiżlattiv. Il-laqgħat tal-Pjattaforma jsiru regolarment. Permezz tal-Pjattaforma ta’ Diversi Partijiet Ikkonċernati, il-parteċipanti, inklużi l-pajjiżi sħab, jieħdu sehem fil-proċess leġiżlattiv permezz ta’ workshops iddedikati, aġġornamenti mogħtija mill-Kummissjoni u talbiet għal feedback u kontributi. Fil-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-laqgħat regolari jiżguraw li jiġu diskussi l-kwistjonijiet kollha rilevanti għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-EUDR u li jinstemgħu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati. Dan se jkompli fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Il-pjattaforma taqsam ukoll l-aħjar prattiki eż. dwar it-traċċabbiltà u l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira.

Minbarra l-Istati Membri, jipparteċipaw ir-rappreżentanti tas-setturi rilevanti kollha tal-industrija u tas-soċjetà ċivili, flimkien mar-rappreżentanti tal-pajjiżi sħab.

Informazzjoni dettaljata, inklużi aġendi, minuti, il-preżentazzjonijiet kollha u materjali rilevanti oħra tista’ tinstab fuq is-sit web tar-Reġistru tal-Kummissjoni (18).

6.2.   Inizjattivi Speċifiċi

Minbarra s-sensibilizzazzjoni u d-djalogu, l-UE se tkompli toffri appoġġ u tivvaluta aktar miżuri dwar il-ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri f’Approċċ ta’ Tim Ewropa (19). Barra minn hekk, l-UE se ssaħħaħ l-involviment tagħha mad-DFIs u mas-settur privat biex tinkludi investimenti fit-tul fil-ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE Global Gateway. L-UE se tkompli wkoll trawwem is-sħubijiet tagħha mal-istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti (eż. id-WTO, l-OECD, il-Bank Dinji, il-UNEP, l-FAO eċċ.) biex taċċellera l-moviment globali sabiex titwaqqaf id-deforestazzjoni.

6.2.1.   Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni

Matul il-COP28 tal-UNFCCC, l-UE u l-Istati Membri tagħha nedew Inizjattiva globali ta’ Tim Ewropa (TEI, Team Europe Initiative) dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni bl-elementi operazzjonali li ġejjin biex jiffaċilitaw tranżizzjoni inklużiva għall-produzzjoni sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni fil-pajjiżi sħab:

a)

Iċ-Ċentru tat-TEI se jipprovdi informazzjoni u sensibilizzazzjoni lill-pajjiżi sħab dwar il-ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni u se jwettaq ġestjoni tal-għarfien biex jikkoordina proġetti diġà eżistenti rilevanti mill-UE u mill-Istati Membri mal-attivitajiet li ġejjin iddedikati għall-għanijiet tat-TEI. Dan se jiżgura li attivitajiet differenti tat-TEI dwar il-ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni fil-pajjiżi produtturi jistgħu jkunu allinjati aħjar, li jiġu identifikati l-lakuni u li jiġi evitat l-għoti tas-sensji.

b)

Il-programm Agrikoltura Sostenibbli għall-Ekosistemi tal-Foresti (SAFE, Sustainable Agriculture for Forest Ecosystems) huwa l-aktar pilastru importanti tat-TEI b’attivitajiet li għaddejjin bħalissa fil-Brażil, fl-Ekwador, fl-Indoneżja u fiż-Żambja. Bħalissa għaddejja ħidma biex jiġi appoġġat il-Vjetnam u fl-2024 se tiżdied ir-RDK. Il-programm jagħmel enfasi fuq l-appoġġ lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ktajjen tal-valur sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni u l-assistenza lill-pajjiżi produtturi biex joħolqu ambjent abilitanti sabiex jiġi żgurat l-aċċess għas-suq tal-UE. Il-programm SAFE se jkompli jikber bil-kontribuzzjonijiet li se jsiru mill-Istati Membri.

c)

Il-Faċilità Teknika dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni hija strument flessibbli u fuq talba biex jgħin lill-pajjiżi produtturi b’għarfien espert fuq rekwiżiti tekniċi, bħall-ġeolokalizzazzjoni, l-immappjar tal-użu tal-art u t-traċċabbiltà, b’enfasi partikolari fuq l-inklużjoni tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira. Dawn l-attivitajiet se jiġu kkoordinati mill-qrib mad-Delegazzjonijiet tal-UE u allinjati permezz taċ-Ċentru tat-TEI ma’ proġetti diġà eżistenti inkluż il-programm SAFE, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

Image 3

6.2.2.   Sħubijiet għall-Foresti

Fil-kuntest tal-istrateġija tal-UE Global Gateway, l-UE ssegwi Sħubijiet tal-Foresti (FP) ma’ pajjiżi sħab b’ideoloġija simili biex joffru qafas fit-tul u olistiku sabiex jippreservaw il-foresti tagħhom, filwaqt li joħolqu valur għalihom u jiġġeneraw żvilupp soċjoekonomiku. L-FPs jagħmlu enfasi fuq it-titjib tal-governanza tal-foresti, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet ikkonċernati, it-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur ibbażati fuq il-foresti, l-istimulazzjoni ta’ ambjenti kummerċjali stabbli u legali u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-kummerċ tal-prodotti tal-foresti b’enfasi fuq il-legalità, is-sostenibbiltà u t-twaqqif tad-deforestazzjoni.

B’mod aktar speċifiku, l-FPs jistgħu jgħinu lis-sħab jifhmu u jadattaw għall-istandards leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi applikabbli. Se jikkontribwixxu għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ traċċabbiltà għall-prodotti tal-foresti, inkluż billi jibnu fuq esperjenzi promettenti fil-kuntest tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja (VPAs, Voluntary Partnership Agreements) taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT, Forest Law Enforcement, Governance and Trade), (20) u s-Sistemi tagħhom ta’ Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam. L-EUDR jibni fuq l-esperjenza tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR, EU Timber Regulation) u tar-Regolament FLEGT (21), li jkopru rekwiżiti addizzjonali lil hinn mil-legalità biex jiġi żgurat li l-injam imqiegħed fis-suq tal-UE jkun mingħajr deforestazzjoni. L-FPs għandhom l-għan ukoll li jtejbu l-inċentivi ekonomiċi għal standards ambjentali ogħla, ambjent kummerċjali mtejjeb u aċċess għall-finanzi. L-FPs għandhom l-għan li jappoġġaw lill-pajjiżi sħab biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti permezz tal-implimentazzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali tagħhom taħt il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima u l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni taħt il-Qafas Globali għall-Bijodiversità. L-UE diġà kkonkludiet FPs mal-Guyana, mal-Honduras, mal-Mongolja, mar-Repubblika tal-Kongo, mal-Uganda u maż-Żambja u qed tesplora għażliet għal aktar, filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi rilevanti tal-UE f’dan il-qasam.

6.2.3.   Inizjattivi rilevanti oħrajn

L-UE għandha programmi oħrajn biex tappoġġa l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE Global Gateway u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sostenibbli. Jekk jogħġbok irreferi għall-Kaxxa 4 għal eżempji speċifiċi fl-Amerka Latina.

Barra minn hekk, se jiġi segwit approċċ komplementari bl-azzjonijiet ta’ appoġġ futuri relatati mad-Direttiva tal-UE dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (CSDDD, Corporate Sustainability Due Diligence Directive) ladarba din tkun bdiet tapplika. Għal dan l-għan, l-UE se tipprovdi fost l-oħrajn appoġġ lill-gvernijiet, lis-settur privat u lis-soċjetà ċivili f’pajjiżi terzi biex tiffaċilita l-fehim tar-rekwiżiti rispettivi tal-EUDR u tas-CSDDD u l-benefiċċji tagħhom (eż., f’termini ta’ protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u tal-ambjent, l-involviment tal-komunitajiet lokali, ktajjen tal-provvista stabbli, żieda fir-reżiljenza, eċċ.), filwaqt li tindirizza l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw partijiet ikkonċernati ewlenin. L-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar is-Sostenibbiltà fil-Ktajjen tal-Valur Globali se tkun partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward biex tappoġġa l-implimentazzjoni tas-CSDDD fil-pajjiżi terzi. Pereżempju, il-helpdesk tagħha se jikkondividi informazzjoni rilevanti, se jipprovdi gwida u se jaħdem f’sinerġija maċ-Ċentru tat-TEI dwar il-Ktajjen tal-Valur mingħajr Deforestazzjoni, kif xieraq.

L-UE tipprovdi wkoll appoġġ immirat fil-livell ta’ pajjiż filwaqt li tqis il-ħtiġijiet reali fil-pajjiżi produtturi u l-pakketti finanzjarji allokati taħt l- Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument).

Fl-aħħar nett, l-Istituzzjonijiet Ewropej tal-Finanzi għall-Iżvilupp (DFIs) kif ukoll l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs) qed iżidu l-impenn tagħhom li jespandu l-portafolli ta’ investiment fit-tul fil-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), pereżempju, ħareġ gwida ddedikata f’Diċembru 2022 biex jiżdied il-finanzjament għas-settur tal-forestrija (22).

Eżempju konkret huwa l-proġett “Foresti Inklużivi u Sostenibbli fil-Marokk” (Inclusive and Sustainable Forests in Morocco) (23), li permezz tiegħu, il-BEI sellef EUR 100 miljun biex jappoġġa l-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tal-foresti tal-Marokk. B’appoġġ għall-istrateġija tal-2020–2030 dwar il-Foresti tal-Marokk, l-operazzjoni se tiġi implimentata fuq perjodu ta’ 5 snin mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Ilma u l-Foresti (ANEF, National Agency for Water and Forests). Barra minn hekk, fir-Repubblika tal-Moldova, l-Unjoni Ewropea f’kooperazzjoni mal-Bank Dinji pprovdiet appoġġ għat-tħejjija u l-kalkolu tal-kostijiet ta’ programm nazzjonali ta’ tisġir (24). Il-Programm Nazzjonali għall-Estensjoni u r-Riabilitazzjoni tal-Foresti, adottat fl-2023, huwa stmat li jiswa kważi EUR 759 miljun (25). Fuq livell reġjonali fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE u l-Bank Dinji jaħdmu flimkien biex itejbu l-oqfsa regolatorji u l-kapaċità għall-indirizzar tad-deforestazzjoni bħala parti mill-pilastru rispettiv tal-programm EU4Environment.

Kaxxa 6: L-Istrateġija tal-UE Global Gateway – Eżempji ta’ programmi u inizjattivi li għaddejjin bħalissa b’benefiċċji għal foresti sostenibbli u ktajjen tal-valur agrikolu sostenibbli fl-Amerka Latina

AMAZONIA + huwa l-programm iffinanzjat mill-UE li tnieda fl-2023 biex itejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi tal-Baċin tal-Amażonja (il-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Guyana, il-Perù, is-Suriname u l-Venezwela) sabiex jiġġieldu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti billi jaħdmu mal-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll mal-komunitajiet lokali u mal-popli indiġeni.

Il-proġett ĦAMES FORESTI KBAR TA’ MESOAMERICA (five great forests of Mesoamerica) huwa Inizjattiva ta’ Tim Ewropa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-aħħar foresti kbar li fadal fir-reġjun. L-enfasi hija fuq l-għoti ta’ data xjentifika dwar l-istat ta’ dawn il-foresti filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-programmi spazjali tal-UE; governanza effettiva tal-foresti u ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni; kif ukoll id-drittijiet ambjentali.

Fl-ambitu tal-programm EUROCLIMA (li nbeda fl-2008), l-UE fost l-oħrajn tappoġġa s-settur “tal-Foresti, tal-Bijodiversità u tal-Ekosistemi” fi 18-il pajjiż fl-Amerka Latina. L-enfasi kienet fuq proġetti innovattivi u fuq il-kapaċità istituzzjonali għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, iż-żieda fis-sekwestru tal-karbonju tal-ekosistemi u t-titjib tar-reżiljenza tal-popli xprunata min-natura għall-impatti tat-tibdil fil-klima f’allinjament mal-politiki pubbliċi. L-UE kkontribwiet ukoll għall-ħolqien ta’ pjattaforma reġjonali ta’ Popli Indiġeni fl-ambitu tal-Organizzazzjoni tat-Trattat ta’ Kooperazzjoni tal-Amażonja biex tiżgura li l-għarfien u l-prattiki tradizzjonali tagħhom jitqiesu fl-isforzi tal-protezzjoni tal-bijodiversità, tal-adattament għat-tibdil fil-klima u tal-mitigazzjoni tiegħu mmexxija mill-gvern.

Kaxxa 7: Il-programm Terre Verte dwar l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli

Fl-2022, il-Kummissjoni adottat programm ġdid (26) li jiswa EUR 115-il miljun biex tappoġġa l-iżvilupp ekoloġiku, inklużiv u innovattiv tas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija tal-Marokk. Il-programm “Terre Verte” għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-istrateġiji nazzjonali tal-Marokk “Ġenerazzjoni Ekoloġika” (Green Generation) u “Il-Foresti tal-Marokk” (Moroccan Forests) li jkopru l-perjodu bejn l-2020 u l-2030 billi jippromwovi tranżizzjoni ekoloġika li twassal għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol deċenti fis-settur agrikolu u tal-forestrija tal-Marokk. Dan huwa parti mis-Sħubija Ekoloġika bejn l-UE u l-Marokk, l-ewwel inizjattiva tal-UE ta’ dan it-tip ma’ pajjiż sieħeb. Għandu l-għan li javvanza d-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew permezz ta’ azzjoni prattika u huwa mistenni li jsir mudell għal sħubijiet simili ma’ pajjiżi oħra, inkluż fil-kontinent Afrikan.

7.   KONKLUŻJONI

Il-Qafas jipprovdi struttura komprensiva għal kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar l-EUDR bħala parti mill-isfida globali kondiviża biex titwaqqaf id-deforestazzjoni.

Il-Qafas huwa ffukat fuq il-ħidma fi sħubija lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament u tal-impenn globali biex titwaqqaf id-deforestazzjoni taħt l-SDGs sal-2020 u tal-impenn ta’ Glasgow biex jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-foresti sal-2030.

L-objettiv ewlieni tas-sħubija huwa li tippromwovi tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn ktajjen tal-provvista agrikola mingħajr deforestazzjoni filwaqt li ma teskludi lil ħadd. L-UE se tkompli tinvolvi ruħha mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati dwar il-miżuri effettivi min-naħa tad-domanda u tal-provvista, dwar l-isforzi li qed jagħmlu bħalissa lejn is-sostenibbiltà u tappoġġahom fil-fehim tal-istandards applikabbli u fl-adattament tagħhom.

Din is-sħubija hija implimentata permezz ta’ sensibilizzazzjoni, djalogu politiku u ta’ politika, miżuri ta’ appoġġ iddedikati inklużi l-assistenza teknika, l-investimenti u l-iżvilupp tal-għarfien u tal-innovazzjoni.

Din testendi għal diversi partijiet ikkonċernati bħall-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u lokali, atturi ewlenin fil-ktajjen tal-valur inklużi kumpaniji kbar, negozjanti, bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u konsumaturi, kif ukoll is-soċjetà ċivili, il-Popli Indiġeni u l-komunitajiet lokali.

Sabiex tkun sħubija effettiva, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri u mad-DFIs Ewropej. Din se tiffaċilita wkoll kollaborazzjoni aktar b’saħħitha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Madankollu, is-suċċess tas-sħubija se jiddependi wkoll fuq l-impenn tas-sħab tal-UE li jilħqu l-miri globali biex titwaqqaf id-deforestazzjoni, li jidher mill-isforzi nazzjonali biex jiżviluppaw il-politiki tagħhom stess xprunati mis-sostenibbiltà għar-rekwiżiti tal-produzzjoni u tad-diliġenza dovuta u biex jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom għal standards ambjentali ogħla f’kuntesti internazzjonali.


(1)  Madwar 11 % tal-emissjonijiet kumplessivi tas-CO2 ġejjin mill-forestrija u mill-użi l-oħrajn tal-art, l-aktar id-deforestazzjoni, filwaqt li t-12 % li jifdal huma emissjonijiet diretti mill-produzzjoni agrikola bħall-bhejjem u l-fertilizzanti.

(2)  Kif enfasizzat fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-bijoekonomija: https://research-and-innovation.ec.europa.eu/research-area/environment/bioeconomy/bioeconomy-strategy_en.

(3)  SDG 15.2: “Sal-2020, tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta’ foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu rrestawrati l-foresti ddegradati u jiżdiedu b’mod sostanzjali l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni b’mod globali.”

(4)   https://www.g7italy.it/wp-content/uploads/G7-Climate-Energy-Environment-Ministerial-Communique_Final.pdf.

(5)   https://www.g7italy.it/wp-content/uploads/Apulia-G7-Leaders-Communique.pdf.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj).

(7)   https://environment.ec.europa.eu/publications/frequently-asked-questions-deforestation-regulation_en.

(8)   https://forest-observatory.ec.europa.eu/

(9)   https://alinvest-verde.eu/en_gb/

(10)   https://zerodeforestationhub.eu/projects/eudr-engagement/

(11)   https://africa-knowledge-platform.ec.europa.eu/story_life_cycle.

(12)   https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/funding-and-technical-assistance/taiex_en.

(13)   https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/funding-and-technical-assistance/twinning_en.

(14)   https://forest-observatory.ec.europa.eu/forest/gfc2020.

(15)   https://cordis.europa.eu/project/id/681518.

(16)   https://cordis.europa.eu/project/id/949932.

(17)   https://cordis.europa.eu/project/id/101001200.

(18)   https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3282.

(19)  Għall-perjodu 2021–2024, l-UE allokat EUR 1 biljun f’għotjiet għall-protezzjoni, ir-restawr u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi sħab u EUR 2,5 biljun f’għotjiet għall-appoġġ tal-agrikoltura sostenibbli.

(20)  Il-Valutazzjoni tal-Impatt “Nimminimizzaw ir-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE” (Minimising the risk of deforestation and forest degradation associated with products placed on the EU market) (https://environment.ec.europa.eu/topics/forests/deforestation/regulation-deforestation-free-products_en) u l-Kontroll tal-Idoneità tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u tar-Regolament FLEGT (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:52021SC0328)

(21)   Il-Valutazzjoni tal-impatt “Nimminimizzaw ir-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE” (Minimising the risk of deforestation and forest degradation associated with products placed on the EU market) u l-Kontroll tal-Idoneità tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u tar-Regolament FLEGT.

(22)   https://www.eib.org/en/publications/20220173-forests-at-the-heart-of-sustainable-development.

(23)   https://www.eib.org/en/press/all/2023-558-maroc-bei-monde-100-millions-forets-inclusives-durables#:~:text=The%20EIB%20has%20granted%20a%20loan%20of%20%E2%82%AC100,the%20National%20Agency%20for%20Water%20and%20Forests%20%28ANEF%29.; https://www.eib.org/en/projects/all/20220943.

(24)   https://www.worldbank.org/en/news/feature/2024/05/21/investing-in-moldova-s-forest-biodiversity-to-build-a-more-sustainable-future.

(25)   https://www.eu4environment.org/news/how-the-european-union-jointly-with-the-world-bank-helps-moldova-green-its-landscapes/

(26)   https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/news/eu-morocco-green-partnership-commission-adopts-key-programme-support-agricultural-and-forestry-2022-10-25_en#:~:text=The%20programme%20%E2%80%9CTerre%20Verte%E2%80%9D%20aims%20to%20contribute%20to,in%20Morocco%20in%20the%20agricultural%20and%20forestry%20sector.


ANNESS

Prinċipji ġenerali dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni komparattiva

F’konformità mal-obbligi tagħha skont l-EUDR, il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa sistema biex il-pajjiżi jiġu vvalutati b’mod komparattiv, kif meħtieġ mill-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll l-ewwel lista li se tiġi ppubblikata f’Att ta’ Implimentazzjoni. Matul dan il-proċess, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-pajjiżi sħab rilevanti. Din il-lista se tiġi aġġornata regolarment, fid-dawl ta’ evidenza ġdida.

Sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa qabel il-pubblikazzjoni tal-Att ta’ Implimentazzjoni, flimkien mal-lista meħtieġa mil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni qed taqsam il-prinċipji ġenerali dwar il-metodoloġija ta’ valutazzjoni komparattiva.

Din is-sistema hija maħsuba biex tikklassifika l-pajjiżi bħala ta’ riskju baxx, standard jew għoli, u b’hekk tiffaċilita l-proċessi tad-diliġenza dovuta tal-operaturi u tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw u jinfurzaw il-konformità b’mod effettiv. Barra minn hekk, isservi bħala inċentiv għall-pajjiżi produtturi biex itejbu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-produzzjoni agrikola tagħhom u jimminimizzaw l-impatt tad-deforestazzjoni tagħhom. Din is-sistema se tippermetti wkoll lill-Kummissjoni tidħol f’konsultazzjonijiet u djalogi ma’ pajjiżi prijoritarji.

Il-metodoloġija tal-Kummissjoni hija msejsa sew fuq impenn favur il-ġustizzja, l-oġġettività u t-trasparenza. Tiddependi fuq kriterji kwantitattivi bbażati fuq evidenza xjentifika u fuq l-aħħar data disponibbli li hija rikonoxxuta internazzjonalment, primarjament mill-Valutazzjoni Globali tar-Riżorsi tal-Foresti tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO, Food and Agriculture Organization of the United Nations). Billi tiffoka fuq dawn il-fatturi li jistgħu jitkejlu, il-Kummissjoni tiżgura li l-proċess ta’ klassifikazzjoni jkun imsejjes fuq data solida, filwaqt li meta jkun rilevanti tiġi integrata metodoloġija għal valutazzjoni kwalitattiva.

Il-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi bħala ta’ riskju baxx tinvolvi valutazzjoni kwantitattiva bir-reqqa, skont il-kriterji elenkati fl-Artikolu 29(3) tal-EUDR, li primarjament teżamina d-deforestazzjoni kemm f’termini assoluti (ettari ta’ foresti mitlufa fis-sena) kif ukoll f’termini relattivi (perċentwal ta’ kopertura tal-foresti mitlufa fis-sena), filwaqt li tqis il-medji tad-deforestazzjoni grossi globali. Hawn taħt għandek issib ħarsa ġenerali viżwali lejn il-valutazzjoni kwantitattiva.

Image 4

Skont il-metodoloġija, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi madwar id-dinja se jiġu kklassifikati bħala pajjiżi ta’ riskju baxx. B’hekk, l-isforzi u r-riżorsi kollettivi jkunu jistgħu jiġu ffukati fuq il-protezzjoni tal-foresti f’dawk iż-żoni ġeografiċi fejn l-isfidi tad-deforestazzjoni huma aktar akuti. Barra minn hekk, dan joħloq miri li jistgħu jintlaħqu għall-pajjiżi li jeħtieġu titjib kif ukoll inaqqas il-kostijiet għall-operaturi.

Fir-rigward tal-pajjiżi ta’ riskju għoli, sakemm tiġi rieżaminata l-klassifikazzjoni, din il-kategorija tiddedika attenzjoni speċjali għall-pajjiżi soġġetti għas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Kunsill tal-UE, minħabba diffikultajiet partikolari biex titwettaq id-diliġenza dovuta tul il-ktajjen tal-valur ta’ dawn il-pajjiżi.

Il-pajjiżi l-oħra kollha li mhumiex ikklassifikati bħala pajjiżi ta’ riskju baxx jew għoli jibqgħu fil-kategorija standard. F’din il-kategorija, il-metodoloġija ta’ valutazzjoni komparattiva tippermetti li jkun hemm approċċ speċifiku għall-pajjiżi li huma l-inqas ta’ riskju u għall-pajjiżi li huma l-iktar ta’ riskju, kemm f’termini assoluti (ettari ta’ foresti mitlufa fis-sena) kif ukoll f’termini relattivi (perċentwal ta’ kopertura tal-foresti mitlufa fis-sena). Dawn huma l-ewwel pajjiżi li l-Kummissjoni se tinvolvi ruħha magħhom. B’mod parallel, il-Kummissjoni tista’ tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari ma’ dawk li għandhom kummerċ sinifikanti mal-UE li jinvolvi l-komoditajiet tal-EUDR.

Metodoloġija kwalitattiva se tappoġġa d-djalogi li se jsiru ma’ dawn il-pajjiżi, bl-objettiv li tittejjeb is-sitwazzjoni tad-deforestazzjoni tagħhom u li possibbilment jiġi evitat li l-pajjiżi jiġu kklassifikati bħala pajjiżi ta’ riskju għoli, inkluż valutazzjonijiet fil-livell reġjonali, meta jkun rilevanti.

Il-valutazzjoni kwalitattiva tqis il-kriterji elenkati fl-Artikolu 29(4) tal-EUDR, b’mod aktar speċifiku: l-informazzjoni sottomessa fir-rigward tal-kopertura effettiva tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art fil-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali għall-UNFCCC; il-ftehimiet u l-istrumenti l-oħra bejn il-pajjiż ikkonċernat u l-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jiffaċilitaw il-konformità ta’ komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti mal-Artikolu 3 u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; il-liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali fis-seħħ; id-disponibbiltà u t-trasparenza tad-data rilevanti dwar il-konformità mal-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-komunitajiet lokali u ta’ detenturi oħra tad-drittijiet konswetudinarji għall-pussess tal-art, jew l-infurzar effettiv ta’ dawn il-liġijiet; u sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-komoditajiet rilevanti u l-prodotti rilevanti. Hawn taħt għandek issib ħarsa ġenerali viżwali lejn il-valutazzjoni kwalitattiva.

Image 5

Il-ħidma mal-pajjiżi rilevanti l-oħra kollha, inkluż dawk li għandhom kummerċ sinifikanti mal-UE li jinvolvi l-komoditajiet ikkonċernati mill-EUDR, se ssir b’mod parallel.

Sabiex żgur titqies l-aħħar data xjentifika disponibbli, il-klassifikazzjoni tal-pajjiżi hija proċess dinamiku li regolarment jiġi rivedut kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll f’termini kwalitattivi. Kull 5 snin l-FAO toħroġ data ġdida li, skont ir-Regolament, twassal għal rieżami tal-klassifikazzjoni tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni tipprevedi dan l-ewwel rieżami fl-2026.

B’mod kumplessiv, is-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-Kummissjoni hija strument kruċjali fl-isforz globali biex jiġu miġġielda d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Bl-applikazzjoni ta’ metodoloġija rigoruża, immexxija mid-data u trasparenti, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-EUDR jiġi implimentat b’mod li jkun kemm effettiv kif ukoll ekwu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6604/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)