European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6405

4.11.2024

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fl-24 ta’ Lulju 2024 – Magyar Telekom Nyrt. vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

(Kawża C-514/24, Magyar Telekom)

(C/2024/6405)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Magyar Telekom Nyrt.

Konvenut: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

Domandi preliminari

1)

Jista’ jiġi kkunsidrat li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu direttament modifika tal-kundizzjonijiet kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 105(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi EKE” jew il-“Kodiċi”), jew hija interpretazzjoni tad-dritt li ma timmodifikax il-leġiżlazzjoni preċedenti mill-perspettiva tal-Artikolu 105(4) inkwistjoni?

2)

Jista’ jiġi kkunsidrat li l-Linji Gwida tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem “BEREC”), BoR (16) 127, tat-30 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida tal-BEREC tal-2016”), issostitwiti, għal dak li jikkonċerna din it-tilwima, bil-Linji Gwida tal-BEREC, BoR (22) 81, tad-9 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem, il-Linji Gwida tal-BEREC tal-2022”) – fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 10(2) tal-Kodiċi u tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament BEREC”) – huma parti mid-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjonijiet tiegħu direttament vinkolanti, u li, bħala tali, jikkostitwixxu modifika tal-leġiżlazzjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 105(4) tal-Kodiċi, jew inkella hija biss interpretazzjoni tad-dritt – speċjalment jekk japplikaw sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – li ma tikkostitwixxix modifika tal-leġiżlazzjoni preċedenti mill-perspettiva tal-Artikolu 105(4) tal-Kodiċi?

3)

Fil-każ li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 105(4) tal-Kodiċi ma hija ġġustifikata la minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mil-Linji Gwida tal-BEREC tal-2022, jista’ jiġi kkunsidrat li tikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali direttament vinkolanti, fis-sens tal-Artikolu 105(4) tal-Kodiċi, id-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali li tapplika, fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, kriterju ta’ ġurisprudenza emendata dwar l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (2) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament 2015/2120”), u bbażat fuq il-Linji Gwida tal-BEREC tal-2022 emendati abbażi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li huwa ppreċiżat il-fatt li d-dispożizzjoni tar-Regolament 2015/2120 għandha l-istess u ma nbidlitx matul il-perijodu ta’ żmien rilevanti għat-tilwima?


(1)   ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifika fil-ĠU 2020, L 419, p. 36.

(2)   ĠU 2015, L 310, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6405/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)