European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6309

24.10.2024

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti biex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva

Direttur amministrattiv

(C/2024/6309)

 

Titolu tal-impjieg:

Direttur Amministrattiv

Numru ta’ referenza:

EPPO/2024/AD/019

Tip ta’ kuntratt:

Persunal temporanju (kuntratt inizjali ta’ erba’ (4) snin, li jista’ jiġġedded darba għal perjodu massimu ta’ erba’ (4) snin, full-time, dispożizzjonijiet ta’ ħin flessibbli.

Grupp u grad ta’ funzjonijiet:

AD 14

Salarju:

Salarju bażiku minimu fix-xahar ta’ EUR 17 237,05 u benefiċċji; ara aktar informazzjoni hawn taħt

Post tax-xogħol:

IL-LUSSEMBURGU, modalitajiet tax-xogħol ibridi disponibbli.

Data tal-għeluq:

25 ta’ Novembru 2024 23:59 (CET)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) qed ifittex kandidati adatti għall-pożizzjoni ta’ Direttur Amministrattiv b’esperjenza professjonali evidenzjata fl-għoti ta’ appoġġ amministrattiv ta’ kwalità għolja lil organizzazzjonijiet kbar.

Id-Direttur Amministrattiv għandu jinħatar mill-Kulleġġ tal-UPPE minn lista ta’ kandidati li rnexxew proposti mill-Kap Prosekutur Ewropew.

Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-UPPE għal finijiet amministrattivi u baġitarji u jimplimenta l-baġit tal-UPPE bħala l-uffiċjal awtorizzanti.

Jekk int interessat li tkun parti minn organizzazzjoni multikulturali b’saħħitha, ara s-sit web  (1) tagħna, fejn issib aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħna, l-opportunitajiet ta’ karriera fl-UPPE, u l-għajxien u x-xogħol fil-Lussemburgu.

1.   IL-KOMPITI U RESPONSABBILTAJIET TIEGĦEK

Id-Direttur Amministrattiv għandu jkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jaċċetta struzzjonijiet mingħand xi gvern jew korp ieħor.

Id-dmirijiet tad-Direttur Amministrattiv se jinkludu, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

—

l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-UPPE u tal-ġestjoni tal-persunal;

—

l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kap Prosekutur Ewropew jew mill-Kulleġġ;

—

l-iżvilupp ta’ deċiżjonijiet u politiki biex jiġi żgurat it-twassil effettiv ta’ servizzi fil-qasam tar-riżorsi umani, il-finanzi u l-akkwist, is-sigurtà u s-servizzi diġitali;

—

it-tħejjija ta’ proposta għad-dokument ta’ programmazzjoni annwali u pluriennali u s-sottomissjoni tiegħu lill-Kap Prosekutur Ewropew;

—

l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali u r-rappurtar lill-Kulleġġ dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

—

it-tħejjija tal-partijiet amministrattivi u baġitarji tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UPPE;

—

it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni li jagħti segwitu għall-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awditjar, l-evalwazzjonijiet u l-investigazzjonijiet interni jew esterni, inklużi dawk tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-OLAF; l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-osservazzjonijiet u r-rappurtar lill-korpi tal-awditjar u lill-Kulleġġ;

—

l-implimentazzjoni tal-istrateġiji interni kontra l-frodi, tal-kontroll intern u tal-ġestjoni tar-riskju tal-UPPE u r-rappurtar regolari lill-Kulleġġ;

—

it-tħejjija tar-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat (CAAR) tal-UPPE li jinkludi d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tiegħu għall-infiq legali u regolari tal-baġit tal-UPPE u l-preżentazzjoni lill-Kap Prosekutur Ewropew u lill-Kulleġġ għall-adozzjoni;

—

l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa tal-baġit f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-UPPE u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati; it-tħejjija ta’ proposta għall-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqiet tal-UPPE, u s-sottomissjoni tagħha lill-Kap Prosekutur Ewropew;

—

l-għoti ta’ appoġġ amministrattiv meħtieġ biex jiġi ffaċilitat ix-xogħol operazzjonali tal-UPPE;

—

l-għoti ta’ appoġġ lill-Kap Prosekutur Ewropew u l-Viċi Kapijiet Prosekuturi Ewropej fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

2.   REKWIŻITI TA’ ELIĠIBBILTÀ BAŻIĊI

Sabiex titqies eliġibbli, jeħtieġ li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà bażiċi li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjoni:

Livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal jew:

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun erba’ (4) snin jew aktar, u, wara l-kisba tad-diploma, mill-inqas ħmistax (15)-il sena ta’ esperjenza professjonali adegwata; jew

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun tliet (3) snin jew iktar, u, wara l-kisba tad-diploma, mill-inqas sittax (16)-il sena ta’ esperjenza professjonali adegwata.

Jeħtieġ ukoll li:

—

tkun ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tgawdi d-drittijiet sħaħ bħala ċittadin;

—

tissodisfa kull obbligu impost mil-liġijiet li jikkonċernaw is-servizz militari;

—

tipprovdi r-referenzi adegwati dwar il-karattru fir-rigward tal-adegwatezza biex twettaq id-dmirijiet tiegħek (2);

—

tkun fiżikament f’saħħtek biex twettaq id-dmirijiet tiegħek (3); u tipprovdi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE (4) u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE, sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħek.

3.   KRITERJI TA’ SELEZZJONI

L-esperjenza u l-kompetenzi li ġejjin se jiġu vvalutati matul il-fażijiet differenti tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Jekk jogħġbok innota:

Il-kriterji essenzjali kollha huma obbligatorji, li jfisser li l-ebda applikazzjoni ma tiġi vvalutata aktar jekk kandidat ma jissodisfax il-kriterji essenzjali kollha.

Jeħtieġ li tipprovdi eżempji speċifiċi ta’ kif tissodisfa kemm ir-rekwiżiti essenzjali kif ukoll dawk vantaġġużi fil-formola tal-applikazzjoni.

—

Essenzjali:

(a)

Mill-inqas għaxar (10) snin ta’ esperjenza professjonali fi rwoli rilevanti għad-dmirijiet imsemmija taħt “Responsabbiltajiet ewlenin”;

(b)

Mill-anqas ħames (5) snin ta’ esperjenza f’pożizzjoni maniġerjali;

(c)

Għarfien eċċellenti tal-Ingliż, kemm miktub kif ukoll mitkellem, mill-inqas fil-livell C1 (5); l-Ingliż, li huwa l-lingwa ta’ ħidma tal-UPPE, se jintuża matul il-proċess ta’ selezzjoni.

—

Vantaġġ:

(a)

Esperjenza maniġerjali f’organizzazzjoni pubblika nazzjonali jew internazzjonali, jew f’ambjent ġudizzjarju, tal-infurzar tal-liġi jew militari, jew bħala l-mexxej amministrattiv ta’ istituzzjoni governattiva;

(b)

Għarfien sod tar-Regolamenti tal-Persunal u Finanzjarji tal-UE;

(c)

Esperjenza ta’ xogħol evidenzjata f’ambjent internazzjonali.

—

Kompetenzi interpersonali:

(a)

Ħiliet maniġerjali b’saħħithom;

(b)

Ħiliet ta’ organizzazzjoni u ta’ soluzzjoni tal-problemi eċċellenti;

(c)

Ħiliet ta’ negozjar eċċellenti;

(d)

Ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub;

4.   IS-SALARJU U L-BENEFIĊĊJI TIEGĦEK

Il-kandidat li jirnexxi se jiġi offrut kuntratt bħala aġent temporanju tat-tip 2(a) skont is-CEOS għal perjodu inizjali ta’ erba’ (4) snin, li jista’ jiġġedded darba għal perjodu massimu ta’ erba’ (4) snin.

Il-kandidat(i) li jirnexxi/jirnexxu li se jiġu offruti kuntratt ta’ impjieg, mad-dħul fis-servizz tagħhom, jitqiegħdu fi Skala 1 jew fi Skala 2 tal-Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14, skont it-tul tal-esperjenza professjonali. Is-salarju bażiku fix-xahar għall-Grupp ta’ Funzjonijiet AD, Grad 14 attwalment huwa ta’ EUR 17 237,05 (Skala 1).

Id-data tal-bidu stmata hija l-1 ta’ Marzu 2025.

Minbarra s-salarju bażiku, jistgħu japplikaw il-benefiċċji li ġejjin:

—

Benefiċċji speċifiċi addizzjonali (eż. espatrijazzjoni, familja, wild dipendenti, installazzjoni), skont is-sitwazzjoni tal-familja tal-individwu u l-post tal-oriġini;

—

Arranġamenti tax-xogħol flessibbli (bħal sigħat tax-xogħol flessibbli, telexogħol);

—

Opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ żvilupp;

—

Intitolament għal liv annwali ta’ mill-inqas 24 jum;

—

Liv tal-maternità/paternità u liv tal-ġenituri taħt ċerti kundizzjonijiet;

—

Skema tal-Assigurazzjoni tal-Mard u tal-Qgħad li tippermetti aċċess għal kura fid-dinja kollha;

—

Drittijiet għal Pensjoni ta’ Uffiċjal tal-UE wara 10 snin ta’ servizz;

—

Opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ karriera maniġerjali fis-Servizz Pubbliku tal-UE.

Is-salarju huwa soġġett għal taxxa tal-Komunità li titnaqqas mis-sors u l-membri tal-persunal huma eżenti mit-taxxa nazzjonali.

Id-dettalji tal-pakkett ta’ remunerazzjoni kollu huma pprovduti fl-Artikoli 62–70 u fl-Anness VII fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6).

5.   KIF TAPPLIKA

1.

Niżżel u imla l-formola tal-Applikazzjoni tal-UPPE – din tista’ tinstab fuq is-sit web tagħna: https://www.eppo.europa.eu/how-to-apply

2.

Issejvja l-formola kompluta tiegħek kif ġej:

KUNJOM_Isem_Numru ta’ referenza

3.

Ibgħat il-Formola ta’ Applikazzjoni mimlija tal-UPPE, f’format PDF, lit-tim ta’ Selezzjoni u Reklutaġġ tagħna eu-eppo-recruitment@ec.europa.eu sal- 25 ta’ Novembru 2024 23:59 (CET).

4.

Fil-linja tas-suġġett tal-email, jekk jogħġbok semmi r-referenza ta’ din il-pożizzjoni vakanti, segwita minn kunjomok (Suġġett: Numru ta’ referenza_KUNJOM)

Jekk jogħġbok innota li l-lista preliminari se tkun valida sal-31 ta’ Diċembru 2026, u tista’ tiġi estiża.


(1)   https://www.eppo.europa.eu/en

(2)  Jekk tirnexxi, tintalab tipprovdi, qabel ir-reklutaġġ, ċertifikat formali minn awtoritajiet pertinenti li jikkonferma n-nuqqas ta’ kwalunkwe rekord kriminali.

(3)  Qabel ir-reklutaġġ, il-kandidat li jirnexxi se jiġi eżaminat minn wieħed miċ-ċentri mediċi tal-Istituzzjonijiet biex jiġi kkonfermat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 12 (2) (d) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-UE (CEOS) jiġu ssodisfati.

(4)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, in-Netherlandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż.

(5)  Ara l-livelli lingwistiċi tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi: https://europass.europa.eu/mt/common-european-framework-reference-language-skills

(6)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20240101


ANNESS

1.   Proċedura tal-applikazzjoni

Jekk jogħġbok irreferi għad-deskrizzjoni tal-impjieg taħt “Il-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħek” għal struzzjonijiet dettaljati ta’ applikazzjoni.

—

Eliġibbiltà: Il-kandidati huma meħtieġa jivverifikaw bir-reqqa, qabel ma jippreżentaw applikazzjoni, jekk jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha – b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa, kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi tagħhom.

—

Approvazzjoni ta’ sigurtà: Il-kandidat irid ikun jew detentur ta’ approvazzjoni valida ta’ sigurtà sal-livell ta’ “SECRET UE/EU SECRET” jew ikun lest li jgħaddi mill-proċedura nazzjonali ta’ skrutinju tas-sigurtà (sabiex jitħalla jwettaq ix-xogħol).

—

Lingwa: L-applikazzjonijiet kollha jridu jkunu bl-Ingliż. L-intervista se ssir bl-Ingliż u b’lingwa oħra meħtieġa, jekk applikabbli.

L-Ingliż huwa l-lingwa ta’ ħidma għall-attivitajiet operazzjonali u amministrattivi tal-UPPE, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2/2020 tal-Kulleġġ tal-UPPE tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar l-Arranġamenti Lingwistiċi Interni.

—

Formola ta’ applikazzjoni: L-applikazzjonijiet li ma jintbagħtux permezz tal-formola ta’ applikazzjoni tal-UPPE jiġu skwalifikati u ttrattati bħala mhux eliġibbli, peress li ma jkunux kompluti u/jew ma jkunux jistgħu jinqraw u ma jintbagħtux f’format PDF.

—

Esperjenza professjonali:

Kwalunkwe perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss (sabiex jiġi kkalkulat bħala eliġibbli, is-snin ta’ studju jew esperjenza professjonali li għandhom jitqiesu m’għandhomx jikkoinċidu ma’ perjodi oħra ta’ studji jew esperjenza professjonali, eż. jekk l-applikant kellu xogħol full-time u għamel xogħol ta’ konsulenza għal rasu filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa, il-ħin imqatta’ fuq dan tal-aħħar mhux se jiżdied mal-perjodu).

L-esperjenza tax-xogħol part-time se tingħadd b’mod proporzjonali għall-perċentwal ta’ sigħat tax-xogħol full-time maħduma; għalhekk, il-kandidati huma mitluba jindikaw il-perċentwal ta’ impjieg part-time.

Servizz militari obbligatorju jew servizz ċivili ekwivalenti li jsir wara li tinkiseb il-kwalifika minima ddikjarata hawn fuq għandu jitqies bħala esperjenza professjonali jekk tiġi pprovduta dokumentazzjoni uffiċjali.

Applikanti freelance jew li jaħdmu għal rashom iridu jipprovdu jew ċertifikat tal-prattika (jew ekwivalenti), jew kopja tad-dħul fir-reġistru tal-professjoni rilevanti, jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor (pereżempju dokument tat-taxxa) li juri b’mod ċar it-tul tal-esperjenza professjonali rilevanti.

—

Edukazzjoni:

Il-kwalifiki li ngħataw fl-Istati Membri tal-UE jew li huma s-suġġett ta’ ċertifikati ta’ ekwivalenza maħruġin mill-awtoritajiet fl-Istati Membri tal-UE msemmija biss għandhom jiġu kkunsidrati. Il-kandidati li jkollhom diplomi ta’ livell aktar baxx minn barra l-UE (eż. Lawrji ta’ Baċellerat) kif ukoll diplomi ta’ livell ogħla minn Università ta’ Stat Membru tal-UE (eż. Lawrji ta’ Masters), jista’ ma jkunux jeħtieġu rikonoxximent għad-diploma/diplomi ta’ livell aktar baxx tagħhom.

Id-diplomi tar-Renju Unit mogħtija qabel 31/12/2020 jistgħu jiġu rikonoxxuti wkoll mingħajr ekwivalenza.

Għal diplomi mogħtija f’pajjiżi mhux tal-UE, huwa meħtieġ rikonoxximent ta’ NARIC.

Id-dottorat jista’ jitqies bħala esperjenza professjonali biss għall-kandidati li jkunu rċevew borża ta’ studju jew salarju matul it-tul tal-programm ta’ dottorat tagħhom, b’tul massimu ta’ rikonoxximent li jkun ugwali għal tliet snin, u dment li l-programm ikun ġie konkluż b’suċċess sad-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet.

—

Dokumenti ta’ sostenn: eż. kopji ċċertifikati ta’ lawrji/diplomi, referenzi, provi ta’ esperjenza, eċċ. ma għandhomx jintbagħtu f’dan l-istadju, iżda fi stadju aktar tard tal-proċedura fuq talba tal-UPPE.

—

Data ta’ skadenza tal-applikazzjoni: L-UPPE mhux se jqis ebda applikazzjoni li jirċievi wara d-data ta’ skadenza. L-applikanti huma mwissija biex ma jistennewx sal-aħħar ġurnata biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, minħabba li ħafna applikazzjonijiet f’daqqa jew xi problema fil-konnessjoni tal-Internet jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fis-sottomissjoni. L-UPPE ma jistax jinżamm responsabbli għal kwalunkwe dewmien minħabba dawn id-diffikultajiet.

Jekk jogħġbok innota: Minħabba l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet riċevuti f’kull proċedura ta’ selezzjoni, se jiġu kkuntattjati biss il-kandidati inklużi fil-lista preliminari għall-intervista. Il-kandidati kollha se jiġu infurmati meta tingħalaq proċedura.

2.   Proċedura ta’ selezzjoni

1.

Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet: Il-Bord ta’ Selezzjoni, ippresedut mill-Kap Prosekutur Ewropew, se jivvaluta l-applikazzjonijiet tal-kandidati skont il-kriterji tal-eliġibbiltà u ta’ selezzjoni.

2.

Intervisti u testijiet bil-miktub: Il-kandidati l-aktar adatti, li jikkorrispondu l-aħjar għall-profil imfittex u bil-kundizzjoni li jkunu kisbu punteġġ ta’ mill-inqas 60 % matul l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, jiġu mistiedna għal intervista mal-Bord ta’ Selezzjoni u għal test bil-miktub.

3.

Lista preliminari: Il-Bord ta’ Selezzjoni se jipproponi lista ta’ kandidati b’ħiliet adegwati li għandhom jiġu inklużi f’lista preliminari, jikklassifikahom fl-ordni ta’ preferenza, u jibgħat din il-lista preliminari bil-valutazzjonijiet korrispondenti lill-Kulleġġ tal-UPPE.

4.

It-tieni intervista tax-xogħol u ċ-ċentru ta’ valutazzjoni: Il-kandidati fil-lista preliminari jistgħu jiġu mistiedna għat-tieni intervista quddiem il-Kulleġġ u jistgħu jintbagħtu f’ċentru ta’ valutazzjoni. Il-kandidat magħżul bid-deċiżjoni tal-Kulleġġ se jiġi offrut impjieg.

Skont l-Artikoli 11 u 11a tar-Regolamenti tal-Persunal (SR) u l-Artikoli 11 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) il-kandidat magħżul se jkun mitlub jagħmel dikjarazzjoni tal-kunflitt ta’ interess qabel ir-reklutaġġ.

L-Awtorità tal-Ħatra tal-UPPE se teżamina jekk il-kandidat li rnexxa għandux xi interess personali li jista’ jxekkel l-indipendenza tiegħu jew kwalunkwe kunflitt ta’ interess ieħor fir-rigward tal-pożizzjoni offruta, u se tadotta miżuri xierqa kif xieraq.

L-applikazzjonijiet kollha jiġu ttrattati b’mod ġust. L-applikanti se jiġu vvalutati abbażi tal-kwalifiki tagħhom u f’konformità stretta mal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs sabiex jagħmlu l-aħjar tqabbil possibbli bejn il-profil tal-kandidat u r-rekwiżiti tal-impjieg.

Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandhom il-kandidati jikkuntattjaw lill-Bord ta’ Selezzjoni, b’mod dirett jew indirett, rigward din il-proċedura ta’ selezzjoni. L-Awtorità tal-Ħatra tirriżerva d-dritt li tiskwalifika lil kwalunkwe kandidat li jinjora din l-istruzzjoni.

3.   Opportunitajiet indaqs

L-UPPE japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ xorta oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

4.   Notifika ta’ Privatezza

L-UPPE jipproċessa d-data personali sottomessa mill-applikanti bħala parti mill-formola tal-applikazzjoni, fi kwalunkwe dokument ta’ sostenn ippreżentat fi kwalunkwe stadju tal-proċess ta’ selezzjoni u tar-reklutaġġ, u l-komunikazzjoni relatata magħha. L-għan ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar huwa li tivvaluta l-adegwatezza tal-kandidati għal pożizzjoni fl-UPPE u li tamministra d-dokumentazzjoni relatata mas-selezzjoni u/jew ir-reklutaġġ. Dan jinkludi wkoll l-ipproċessar tad-data sottomessa għal aspetti amministrattivi relatati, bħal eż. rimborżi finanzjarji, kalkolu ta’ intitolamenti, eċċ.

Matul dan l-ipproċessar, id-data personali se ssir disponibbli għall-persunal magħżul li jaħdem fir-Riżorsi Umani, fil-Finanzi u fl-Akkwist, u f’każ ta’ appelli jew ilmenti, fis-Servizz Legali. Barra minn hekk, dan se jsir aċċessibbli għall-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni, għall-Awtorità tal-Ħatra u għall-persunal ta’ appoġġ rispettiv. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi kondiviż ukoll ma’ partijiet oħra fil-kuntest u l-iskop tal-awditi, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet interni, kemm jekk ikunu interni kif ukoll jekk mill-awtoritajiet superviżorji. Id-data personali miġbura għal dan il-għan se tinħażen għal mhux aktar minn tliet (3) snin wara l-kwittanza finanzjarja għas-sena li fiha ġie ffinalizzat ir-reklutaġġ, sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-awditjar, sakemm il-proċedimenti legali, l-investigazzjonijiet jew l-awditi li jkunu għaddejjin ma jkunux jeħtieġu l-ħżin kontinwu tagħhom. Meta l-proċess ikun wassal għall-impjieg ta’ kandidat, xi wħud mid-dokumentazzjoni u d-data personali li jinsabu fih jiġu riportati fil-fajl tal-persunal u soġġetti għar-reġim applikabbli għalih.

L-ipproċessar huwa meħtieġ biex jintgħażlu u jiġu reklutati kandidati adatti biex ikopru l-pożizzjonijiet vakanti tal-UPPE u biex għalhekk ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu. Il-bażi ġuridika li qed tiġi implimentata u vinkolanti fuq il-proċess ta’ selezzjoni u tar-reklutaġġ tal-UPPE huma r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom. Il-qafas legali applikabbli għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data għal dan l-ipproċessar ta’ data personali amministrattiva huwa r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

L-applikant għandu d-dritt fi kwalunkwe ħin li jitlob aċċess għal, rettifika, restrizzjoni jew tħassir tad-data personali tiegħu. Biex jeżerċitaw dawn id-drittijiet, jitolbu assistenza fl-eżerċizzju tagħhom jew mistoqsijiet għalihom, jew jippreżentaw ilment, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-kontrollur tad-data, jew lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-UPPE. Huma għandhom ukoll id-dritt li jindirizzaw lilhom infushom lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex jippreżentaw ilment.

Il-kontrollur huwa l-UPPE, u għal dan il-proċess ikkoordinat mill-Kap tar-Riżorsi Umani, jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-email: EU-EPPO-RECRUITMENT@ec.europa.eu.

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jista’ jintlaħaq permezz tal-email: EPPO-DPO@eppo.europa.eu.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi kkuntattjat f’dan l-indirizz: edps@edps.europa.eu.

5.   Appelli

Il-kandidati, li jqisu li l-interessi tagħhom ikunu ġew ippreġudikati minn kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-proċedura ta’ selezzjoni, jistgħu jressqu lment amministrattiv skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-limitu ta’ żmien previst, fl-indirizz li ġej:

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

Għall-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (Il-Kulleġġ) permezz tal-Kap Prosekutur Ewropew bħala l-president tal-Kulleġġ,

EPPO/2024/AD/019 – Direttur Amministrattiv

11 Avenue John F. Kennedy

L-1855 Luxembourg

Luxembourg

Email: eppo-executiveoffice@eppo.europa.eu

L-ilment għandu jitressaq fi żmien tliet (3) xhur. Il-limitu ta’ żmien għall-bidu ta’ din it-tip ta’ proċedura jibda minn meta l-kandidat jiġi nnotifikat bl-att li jaffettwah b’mod negattiv.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6309/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)