European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6080

21.10.2024

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fid-29 ta’ Lulju 2024 – BG vs Ministero della Difesa

(Kawża C-522/24, Ministero della difesa)

(C/2024/6080)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BG

Konvenut: Ministero della Difesa

Domandi preliminari

1)

Peress li l-Amministrazzjoni ma qisitx neċessarju li tiġi imposta l-vaċċinazzjoni fuq il-militar skont l-Artikolu 206 bis tad-decreto legislativo n. 66/10 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/10), minħabba l-impjieg speċifiku tagħhom, filwaqt li assumiet ir-responsabbiltà fir-rigward tal-effetti tal-vaċċin, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1), tipprekludi traspożizzjoni li tippermetti li d-decreto-legge n. 172/21 (id-Digriet-Liġi Nru 172/21) sa fejn dan jemenda d-decreto-legge n. 44/21 (id-Digriet-Liġi Nru 44/21) billi jżid l-[Artikolu] 4-ter(2)(b), li jimponi fuq persunal militari vaċċinazzjoni obbligatorja u kuntrarja għall-opinjoni personali tiegħu, għaliex tobbligah jissuġġetta ruħu volontarjament għal dan it-trattament mediku, li għadu sperimentali, għar-riskji u għall-perikli tiegħu, bħala rekwiżit addizzjonali sabiex ikun jista’ jaħdem fl-istess post tax-xogħol bħal impjegati ċivili li minnhom ma hijiex mitluba din il-vaċċinazzjoni, minkejja li jeżerċitaw funzjonijiet li, mill-perspettiva ta’ possibbiltà ta’ kontaminazzjoni u ta’ trażmissjoni possibbli għall-bniedem, huma simili għal dawk eżerċitati mill-militar?

2)

Peress li, skont il-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tal-aċċess għall-post tax-xogħol, inkluż f’ambjenti b’ħafna nies bħat-trasport pubbliku, l-istadiums u r-ristoranti, għall-ħaddiema mhux koperti mill-istess Digriet-Liġi Nru 172/21, iċ-ċertifikat ta’ vaċċinazzjoni jew ir-riżultat negattiv ta’ swab test imwettaq mhux iktar minn 48 siegħa qabel huma meqjusa bħala ekwivalenti, l-Artikolu 2[(2)](b) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludi miżura bħad-Digriet-Liġi Nru 172/2021, sa fejn dan jemenda d-Digriet-Liġi Nru 44/21 billi jżid l-[Artikolu] 4-ter(1)(b), li jimponi fuq il-ħaddiem tal-militar vaċċinazzjoni obbligatorja u kuntrarja għall-konvinzjonijiet personali tiegħu, bħala kundizzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jaħdem fl-istess ambjent bħal persunal militari oħrajn li, konformement mal-konvinzjonijiet personali tagħhom, qiesu li kellhom jieħdu l-vaċċin anki jekk ma kinux obbligati li jagħmlu dan, u dan anki jekk il-persunal militari mhux ivvaċċinat huwa lest li jipproduċi, u huwa fi kwalunkwe każ diġà obbligat li jagħmel dan, f’intervalli ta’ inqas minn 48 siegħa, ir-riżultat ta’ swab test li jiċċertifika li ma huwiex infettat bil-COVID?

3)

Il-miżura prevista mid-Digriet-Liġi Nru 172/21 li tikkompleta d-Digriet-Liġi Nru 44/21 li, permezz tal-Artikolu 4-ter(3) tiegħu, twassal lill-ħaddiem, sospiż minħabba ksur tal-obbligu ta’ vaċċinazzjoni, sabiex ma jkun jista’ bl-ebda mod legali jipprovdi għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu u għall-protezzjoni u l-kura neċessarji għall-benesseri dovut tat-tfal bniet minuri tiegħu, tikser l-Artikoli 1 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 24 tagħha?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6080/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)