European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6074

21.10.2024

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Rzeszowie (il-Polonja) fit-3 ta’ Lulju 2024 – B.F. (1), B.F. (2) vs Z. sp. z o.o.

(Kawża C-469/24, Tuleka  (1) )

(C/2024/6074)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Rzeszowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B.F. (1), B.F. (2)

Konvenut: Z. sp. z o.o.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 14(3)(b) b’rabta mal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-punt 2 tal-Artikolu 50(3) tal-ustawa z 24 listopada 2017 r. o imprezach turystycznych i powiązanych usługach turystycznych (il-Liġi tal-24 ta’ Novembru 2017 dwar l-Pakketti tal-Ivvjaġġar u l-Arranġamenti tal-Ivvjaġġar Relatati) sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq l-organizzaturi ta’ vjaġġi l-obbligu li juru li tissussisti responsabbiltà fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità min-naħa ta’ terzi mhux marbuta mal-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar koperti mill-kuntratt ta’ pakkett ta’ vvjaġġar fejn dan in-nuqqas ta’ konformità huwa ta’ natura imprevedibbli u inevitabbli?

2)

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skontha t-tnaqqis ta’ prezz xieraq għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità jista’ jagħti lok għar-rimbors sħiħ tal-prezz imħallas mill-vjaġġaturi, minħabba nuqqas ta’ konformità evidenti, minkejja l-fatt li l-vjaġġaturi bbenefikaw minn parti mis-servizzi pprovduti mill-organizzatur?

3)

L-Artikolu 14(1) u (2) tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talba għat-tnaqqis tal-prezz għal kull perijodu ta’ nuqqas ta’ konformità kif ukoll it-talba għal kumpens għal kwalunkwe dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ konformità jkunu esklużivament ta’ natura li jistabbilixxu mill-ġdid l-ekwilibriju kuntrattwali tal-partijiet, jew dawn it-talbiet għandhom ukoll natura sanzjonatorja intiża li tiddisswadi lill-organizzatur milli jittollera n-nuqqas ta’ konformità?

4)

Il-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ awtorità pubblika, inkluża deċiżjoni ta’ twaqqigħ ta’ lukanda adottata minn rappreżentant tal-gvern, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u inevitabbli?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)   ĠU 2015, L 326, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6074/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)