European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5854

30.9.2024

Pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni vakanti għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA)

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

(COM/2024/20110)

(C/2024/5854)

 

Min aħna

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA) hija Aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE). Mit-2 ta’ Lulju 2024, l-EUDA tissostitwixxi u tissuċċedi ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (il-“EMCDDA”), li ġie stabbilit fl-1993 bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 (1) u riformulat fl-2006 bir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 (2). L-EUDA ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) 2023/1322 (3) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament EUDA).

L-Aġenzija hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ bħala ċentru ta’ eċċellenza xjentifika fl-Ewropa u internazzjonalment, billi tipprovdi data fattwali, oġġettiva, affidabbli u komparabbli fil-livell Ewropew dwar id-drogi, id-dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħhom, u timmonitorja b’suċċess it-theddid u x-xejriet emerġenti. Mill-2024, l-Aġenzija hija mgħammra b’mandat ġdid li jippermettilha tibni fuq il-kisbiet tal-EMCDDA sabiex ikollha rwol aktar importanti fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-isfidi attwali u futuri relatati mad-drogi illeċiti fl-UE. Bil-mandat il-ġdid tagħha, l-Aġenzija hija fdata li tieħu approċċ proattiv u għandha rwol ewlieni fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-isfidi attwali u futuri relatati mad-drogi illeċiti fl-UE. B’dan il-mod, l-Aġenzija tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-UE biex tirreaġixxi għal theddid ġdid għas-saħħa u s-sigurtà. L-Aġenzija għandha wkoll rwol internazzjonali aktar b’saħħtu, billi tikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni dwar id-drogi.

Il-kompiti ewlenin tal-Aġenzija huma:

Li tipprovdi lill-Unjoni u lill-Istati Membri b’informazzjoni fattwali, oġġettiva, affidabbli u komparabbli, twissija bikrija u valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni dwar id-drogi, l-użu tad-droga, id-disturbi u d-dipendenzi marbuta mal-użu tad-droga, il-prevenzjoni, it-trattament, il-kura, it-tnaqqis tar-riskju u tal-ħsara, ir-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni soċjali, l-irkupru, is-swieq u l-provvista tad-droga, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar illeċiti, u kwistjonijiet rilevanti oħra relatati mad-droga u l-konsegwenzi tagħhom; kif ukoll

Li tirrakkomanda azzjonijiet xierqa u konkreti bbażati fuq l-evidenza dwar kif jiġu indirizzati b’mod effiċjenti u fi żmien opportun, l-isfidi relatati mad-drogi, l-użu tad-droga, id-disturbi u d-dipendenzi marbuta mal-użu tad-droga, il-prevenzjoni, it-trattament, il-kura, it-tnaqqis tar-riskju u tal-ħsara, ir-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni soċjali, l-irkupru, is-swieq u l-provvista tad-droga, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar illeċiti, u kwistjonijiet rilevanti oħra relatati mad-droga u l-konsegwenzi tagħhom.

Il-kompiti tal-Aġenzija huma speċifikati fl-Artikolu 5 s-segwitu tar-Regolament EUDA.

L-Aġenzija hija miftuħa għal pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim mal-Unjoni Ewropea għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tagħha (attwalment in-Norveġja u t-Turkija). L-Aġenzija tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet u korpi rilevanti, b’mod partikolari korpi tal-Unjoni, governattivi u mhux governattivi u ma’ korpi tekniċi kif ukoll organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet koperti mill-mandat tagħha.

L-Aġenzija hija bbażata f’Liżbona, il-Portugall.

Fl-2024, hija rċeviet sussidju tal-Unjoni ta’ EUR 32 131 775 (il-baġit totali taċ-Ċentru huwa ta’ EUR 34 584 952, li jinkludi l-kontribuzzjoni tan-Norveġja u tat-Turkija u Proġetti ta’ Finanzjament addizzjonali oħra tal-UE) u timpjega madwar 133 persuna.

Informazzjoni addizzjonali dwar l-Aġenzija hija disponibbli fuq is-sit web: https://www.euda.europa.eu/index_en.

X’qegħdin nipproponu

Il-funzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Id-Direttur Eżekuttiv se jmexxi u jamministra l-Aġenzija u jieħu r-responsabbiltà ġenerali għall-operazzjonijiet tagħha biex jiżgura li jintlaħqu l-objettivi tagħha. Hu se jsawwar, jippromwovi u jimplimenta viżjoni moderna u trasparenti għall-Aġenzija, f’konformità sħiħa mar-Regolament fundatur u mal-valuri tal-UE u mal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar id-drogi.

Id-Direttur Eżekuttiv se jirrifletti l-iżviluppi strateġiċi tal-politika tal-UE fl-attivitajiet tal-Aġenzija, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Hu se jħejji, jipproponi u jimplimenta l-programm ta’ ħidma u l-programmi pluriennali tal-Aġenzija kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija. Hu se jivvaluta u jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

Id-Direttur Eżekuttiv qed jissorvelja l-governanza korporattiva u l-kultura tal-Aġenzija, filwaqt li jimmotiva u jmexxi lill-persunal biex jeċċella u jagħti riżultati fi ħdan il-qafas legali tagħha.

Id-Direttur Eżekuttiv se jmexxi l-Aġenzija u għandu jkun ir-rappreżentant legali u l-wiċċ pubbliku tagħha. Hu se jinvolvi ruħu mal-partijiet ikkonċernati u mal-pubbliku kif meħtieġ fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fil-mandat tal-Aġenzija.

Id-Direttur Eżekuttiv se jsaħħaħ b’mod attiv il-kooperazzjoni mal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra tal-UE u sħab esterni. B’mod partikolari, hu se jmexxi u jimplimenta l-qafas ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-Aġenzija, filwaqt li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi oħra u minn pajjiżi terzi sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni dwar id-drogi.

Id-Direttur Eżekuttiv se jkun responsabbli li jistabbilixxi u jimmaniġġa l-miżuri amministrattivi, operattivi u finanzjarji meħtieġa għall-funzjonament xieraq tal-Aġenzija. Hu se jkun responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu u għandu jwieġeb lill-Bord tat-Tmexxija.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tat-Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv għandu jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati lill-Aġenzija u għandu jkun soġġett għall-proċedura għar-rilaxx annwali u l-għeluq tal-kontijiet mill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit.

Id-Direttur Eżekuttiv se jkun responsabbli għal kompiti speċifiċi stabbiliti fir-Regolament EUDA li għalihom tista’ tinstab deskrizzjoni aktar dettaljata fl-Artikoli 29 u 30 tiegħu.

X’qegħdin infittxu (il-kriterji tas-selezzjoni)

Il-kandidati għandu jkollhom:

 

Ħiliet maniġerjali

Ġudizzju sod u kapaċità ppruvata għall-ġestjoni ta’ għadd kbir ta’ persunal kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f’dak ta’ ġestjoni interna u biex jistabbilixxu u jwettqu l-objettivi;

Ħiliet amministrattivi u maniġerjali solidi u ppruvati, b’mod partikolari esperjenza ta’ ġestjoni baġitarja u finanzjarja, miksuba f’kuntest nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;

L-abbiltà li jmexxu, jimmotivaw u jiżviluppaw tim multidixxiplinarju f’ambjent Ewropew, multikulturali u multilingwi.

 

Ħiliet u esperjenza speċjalizzati

Esperjenza ppruvata fl-iżvilupp u fit-tmexxija ta’ organizzazzjoni, fit-tmexxija u fil-ġestjoni ta’ timijiet bi sfondi multidixxiplinari f’livell maniġerjali għoli kif ukoll fil-kapaċità u fl-esperjenza fl-iżvilupp u fit-tmexxija ta’ viżjoni operazzjonali bbażata fuq il-prijoritajiet ta’ politika, filwaqt li jibnu fuq il-mandat u l-objettivi strateġiċi tal-Aġenzija;

Fehim tajjeb u għarfien ippruvat tal-kuntest tal-UE, bħar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u tal-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE; għarfien addizzjonali tal-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jitqies bħala assi;

Għarfien profond u esperjenza ppruvata fil-qasam tal-politika dwar id-drogi, miksuba f’kuntest nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali; esperjenza addizzjonali f’oqsma oħra rilevanti għall-mandat u l-attivitajiet tal-Aġenzija, b’mod partikolari s-saħħa, il-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, titqies bħala assi.

 

Kwalitajiet personali

Kapaċitajiet interpersonali, analitiċi, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ħiliet organizzattivi u ta’ negozjar eċċellenti;

Ħila ppruvata fil-komunikazzjoni b’mod fluwenti u effiċjenti fil-livelli kollha, inkluż mal-partijiet ikkonċernati, mal-media u mal-pubbliku (awtoritajiet Ewropej, internazzjonali, nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, eċċ.).

Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni (ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tas-selezzjoni abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sal-iskadenza għall-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati jrid ikollhom:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma b’perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja ta’ 4 snin jew aktar;

jew inkella livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ minn tal-anqas sena (1) meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun minn tal-anqas 3 snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postgradwatorja (4) f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas ħames (5) snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun fil-qasam tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

Esperjenza maniġerjali: mill-anqas 5 snin mill-esperjenza professjonali postgradwatorja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali ta’ livell għoli (5) f’qasam rilevanti għal din il-kariga.

Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Waqt l-intervista/i, il-bordijiet tas-selezzjoni se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista jew parti minnha ssir b’din il-lingwa l-oħra.

Età massima: fil-mument tal-għeluq tal-applikazzjoni l-kandidati jridu jkunu jistgħu jlestu l-mandat kollu ta’ 5 snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Fil-każ tal-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (7)).

Selezzjoni u ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv se jiġi appuntat mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi fuq il-bażi ta’ lista qasira ta’ mill-inqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza selezzjoni f’konformità mal-proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (8)). Il-Kummissjoni tista’ tinkludi rappreżentant tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservatur fil-proċedura tal-għażla.

Bħala parti minn din il-proċedura tas-selezzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tas-selezzjoni msemmija hawn fuq, u li jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (Consultative Committee on Appointments, CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista mas-CCA jipparteċipaw f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment ta’ jum sħiħ immexxi minn konsulenti ta’ reklutaġġ esterni. Abbażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi.

Il-kandidati fil-lista preliminari tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru(i) tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Aġenzija (9).

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista preliminari tal-kandidati l-aktar adattati, li tiġi kkomunikata lill-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jaħtar id-Direttur Eżekuttiv minn fost il-kandidati fuq il-lista qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista l-qasira ma tiggarantixxix il-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Qabel il-ħatra mill-Bord tat-Tmexxija fil-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv, il-kandidati magħżula mill-Kummissjoni jistgħu jiġu mistiedna, mingħajr dewmien, jagħmlu dikjarazzjoni quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġbu mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat. Wara li jkun sema’ d-dikjarazzjoni u t-tweġibiet, il-Parlament Ewropew jista’ jadotta opinjoni li tagħti l-fehmiet tiegħu u jippreżentaha lill-Bord tat-Tmexxija.

Il-kandidat magħżul għandu jkollu, jew ikun f’pożizzjoni li jikseb, ċertifikat validu ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà mingħand l-awtorità tas-sigurtà nazzjonali tiegħu. Approvazzjoni ta’ sigurtà personali hija deċiżjoni amministrattiva wara investigazzjoni ta’ sigurtà mwettqa mill-awtorità tas-sigurtà nazzjonali kompetenti tal-individwu f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tas-sigurtà, u li tiċċertifika li individwu jkun jista’ jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata sa livell speċifikat. (Ta’ min jinnota li l-proċedura neċessarja biex tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà tista’ tibda biss wara li ssir talba mill-impjegatur, u mhux mill-kandidat individwali).

Sakemm l-approvazzjoni tas-sigurtà personali ma tkunx għadha ngħatat mill-Istat Membru kkonċernat u l-proċedura tal-approvazzjoni ma tkunx ġiet kompluta bl-informazzjoni meħtieġa legalment mid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, il-kandidat ma jkunx jista’ jaċċessa Informazzjoni Klassifikata tal-UE (EUCI, EU Classified Information) fil-livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla, u lanqas ma jkun jista’ jattendi laqgħat li fihom tiġi diskussa tali EUCI.

Opportunitajiet Indaqs

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija jfittxu li jiksbu l-objettiv strateġiku tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli maniġerjali kollha sa tmiem il-mandat attwali u japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (10) filwaqt li jinkoraġġixxu applikazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar diversità, ugwaljanza bejn il-ġeneri u bilanċ ġeografiku kumplessiv.

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma stabbiliti fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat magħżul jiġi ingaġġat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi bħala Aġent Temporanju fil-grad ta’ AD 14 (11). Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu fl-iskala 1 jew l-iskala 2 f’dak il-grad.

Hija/hu se jinħatar għal mandat inizjali ta’ 5 snin, b’estensjoni possibbli tal-mandat darba għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin skont ir-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija kif applikabbli fiż-żmien tal-ħatra.

L-applikanti għandhom jieħdu nota tar-rekwiżit skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea li l-persunal il-ġdid kollu għandu jtemm b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ 9 xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Liżbona, il-Portugall.

Il-kariga hija disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2026.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Infakkru lill-kandidati li x-xogħol tal-bordijiet tas-selezzjoni huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom, u lanqas ma’ jista’ jagħmel hekk ħaddieħor f’isimhom. Kull mistoqsija għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat tal-bord rilevanti.

Protezzjoni ta’ data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ din id-data.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel ma jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur Eżekuttiv se jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti, imparzjali u trasparenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kwalunkwe interess, li jista’ jaffettwa l-imparzjalità tiegħu. Se jkun meħtieġ iġedded dik id-dikjarazzjoni fuq bażi annwali.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel tibgħat l-applikazzjoni tiegħek, għandek tivverifika bir-reqqa jekk tissodisfax ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni”), b’mod partikolari dwar it-tipi ta’ diploma, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tas-selezzjoni.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra bl-internet fis-sit web li ġej u timxi mal-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:

 

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi kkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, nitolbuk tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, trid ittella’ CV f’format PDF, preferibbilment fil-format tas-CV tal-Europass (13), u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa fl-interess tiegħek li tiżgura li l-applikazzjoni tiegħek tkun akkurata, dettaljata u veritiera.

Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, tirċievi email li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek tkun ġiet irreġistrata. Jekk ma tirċevix email ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Ta’ min jinnota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Il-Kummissjoni Ewropea tikkuntattjak direttament rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu bil-posta elettronika ma jiġux aċċettati. Jekk tkun teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, ibgħat email lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online fil-ħin. Nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, billi traffiku qawwi fuq l-internet jew problema fil-konnessjoni tal-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ ddaħħal iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t- 30 ta’ Ottubru 2024, 12.00 nofsinhar, ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew għal Sorveljar dwar Droga u l-Vizzju tad-Droga (ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1322 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2023 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 (ĠU L 166, 30.6.2023, p. 6).

(4)  L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala ħidma reali u ġenwina, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwal iċċertifikat ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-leave tal-maternità / leave tal-ġenituri / leave għall-adozzjoni jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati jiġu assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta ma jkunux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 snin, dment li d-dottorat ikun ġie kkompletat b’eżitu pożittiv. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.

(5)  Fil-curriculum vitae tagħhom, il-kandidati jridu jindikaw b’mod ċar għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet esperjenza ta’ maniġment: (1) it-titlu u r-rwol tal-karigi maniġerjali okkupati; (2) l-għadd ta’ persunal li kellhom taħthom f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits li kellhom f’idejhom; (4) l-għadd ta’ saffi ġerarkiċi fuqhom u taħthom; u (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.

(6)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01958R0001-20130701.

(7)   ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62, test konsolidat: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20240101.

(8)   https://commission.europa.eu/jobs-european-commission/job-opportunities/managers-european-commission_en#vacancies (id-dokument jeżisti bl-Ingliż biss).

(9)  Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811) u tat-30 ta’ Settembru 2020 (PV(2020) 2351), ma jkunx iddelega dan il-kompitu.

(10)   ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62, test konsolidat: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20240101.

(11)  Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-rimunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għall-Portugall huwa stabbilit għal 96,6 % mill-1 ta’ Lulju 2023. Dan il-koeffiċjent huwa suġġett għal reviżjoni annwali.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(13)  Tista’ ssib informazzjoni dwar kif toħloq l-Europass CV tiegħek online hawnhekk: https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5854/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)