European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5782

7.10.2024

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-28 ta’ Mejju 2024 – Agrupació de Neteja Sanitaria, AIE vs Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC)

(Kawża C-379/24)

(C/2024/5782)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Agrupació de Neteja Sanitaria, AIE

Konvenuta: Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC)

Domandi preliminari

1)

Is-sens u l-għan Komunitarju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali – l-Artikolu 20(Uno)(6) tal-Ley del IVA 37/1992 (Il-Liġi 37/1992 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), tat-28 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) – li teżiġi li s-servizzi inkwistjoni jkunu direttament u esklużivament marbuta mal-attività eżentata (“a) Li dawn is-servizzi jintużaw direttament u esklużivament għall-bżonnijiet ta’ din l-attività u li dawn ikunu neċessarji għall-eżerċizzju tagħha”), meta l-interpretazzjoni ta’ din l-eżiġenza twassal għall-konklużjoni, fil-każ tas-servizz inkwistjoni – it-tindif fis-settur tal-kura tas-saħħa –, li dan ma huwiex marbut esklużivament ma’ dan is-settur eżentat, minkejja li dan huwa uniku, tekniku u kumpless fl-organizzazzjoni u fit-tfassil tiegħu, u minkejja li huwa assolutament neċessarju?

2)

Is-sens u l-għan Komunitarju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112/KE jipprekludu interpretazzjoni tal-Artikolu 20(Uno)(6) tal-Liġi dwar il-VAT, li tqis li n-nuqqas ta’ esklużività tas-servizz ipprovdut għall-bżonnijiet tal-attività huwa ekwivalenti għall-ħolqien ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni sabiex tirrifjuta l-eżenzjoni konformement mal-limiti Komunitarji, u b’dan il-mod tgħaqqad il-limiti nazzjonali u komunitarji sabiex tiġġustifika l-imsemmi rifjut? Il-limitu bbażat fuq in-“nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni” jippreżupponi li l-eżenzjoni għandha tiġi miċħuda irrispettivament mill-grad ta’ effettività tad-distorsjoni, jekk din ma tiġix ikkontestata mill-partijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [C-8/01], punt 48), minħabba li kull eżenzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ġenerali – irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja – ta’ ssuġġettar għat-taxxa?


(1)   ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5782/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)