|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5729 |
17.10.2024 |
P9_TA(2024)0040
Rapport ta’ implimentazzjoni rigward ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar innutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2024 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (2023/2081(INI))
(C/2024/5729)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 168 u 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-programm l-UE għas-Saħħa) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ – għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020)0381), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolat “Sommarju eżekuttiv tal-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel b’rabta mal-profili nutrizzjonali u indikazzjonijiet dwar is-saħħa mogħtija fuq il-pjanti u l-preparazzjonijiet tagħhom u tal-qafas regolatorju ġenerali għall-użu tagħhom fl-ikel” (SWD(2020)0096), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-15 ta’ Diċembru 2021 intitolata “Tolerable upper level for dietary sugars” (Livell massimu tollerabbli tal-konsum għaz-zokkor djetetiku) (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tad-WHO tal-2022 intitolata “Nutrition labelling: policy brief” (It-tikkettar tan-nutrizzjoni: sommarju tal-politika) (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tad-WHO tal-2019 intitolata “Guiding principles and framework manual for front-of-pack labelling for promoting healthy diets” (Il-prinċipji gwida u l-manwal qafas għat-tikkettar fuq quddiem tal-pakkett għall-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa) (12), |
|
— |
wara li kkunsidra t-tielet Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li huwa biex jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF ta’ Diċembru 2013 intitolat “Children’s Rights in Impact Assessments – A guide for integrating children’s rights into impact assessments and taking action for children” (Id-Drittijiet tat-Tfal fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt – Gwida biex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati fil-valutazzjonijiet tal-impatt u biex tittieħed azzjoni għat-tfal) (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e), u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tfassil ta’ rapporti b’inizjattiva proprja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0416/2023), |
|
A. |
billi r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (ir-Regolament dwar l-Indikazzjonijiet dwar in-Nutrizzjoni u s-Saħħa, jew l-NHCR) ġie introdott bl-għan li jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u jiffaċilita l-għażliet tal-konsumaturi; billi l-NHCR japplika għall-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel fil-komunikazzjonijiet kummerċjali kollha, inklużi t-tikkettar u r-reklamar, kif ukoll il-komunikazzjonijiet indirizzati lill-professjonisti tas-saħħa (14); billi l-Kummissjoni tapprova l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa bbażati fuq evidenza xjentifika u li jinftiehmu mill-konsumaturi wara valutazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet pprovduta mill-EFSA; |
|
B. |
billi l-indikazzjonijiet jistgħu jiġu kkategorizzati bħala “indikazzjonijiet ta’ saħħa”, “indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis tar-riskju” jew “indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp tat-tfal”; billi f’Lulju 2023, ġew awtorizzati 269 indikazzjoni dwar is-saħħa għall-użu fl-UE; billi indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal fit-tikkettar tal-ikel jistgħu jiġu awtorizzati f’konformità mal-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti mill-NHCR; |
|
C. |
billi mill-inqas 18 % tal-prodotti l-ġodda li jidħlu fis-suq tal-ikel u tax-xorb tal-Unjoni Ewropea jkollhom indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa u hu stmat li kwart tal-ikel kollu disponibbli fis-suq tal-Unjoni Ewropea juri indikazzjonijiet bħal dawn (15); billi, kif ġie spjegat fil-premessa 10 tal-NHCR, ikel promoss bl-indikazzjonijiet jista’ jiġi perċepit mill-konsumaturi bħala tali li jkollu vantaġġi nutrittivi, fiżjoloġiċi jew vantaġġi oħra tas-saħħa meta mqabbel ma’ prodotti simili jew oħrajn fejn tali nutrijenti u sustanzi oħrajn mhumiex miżjuda, u dan jaf iħeġġeġ lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet li jinfluwenzaw direttament id-dħul totali ta’ nutrijenti individwali jew sustanzi oħrajn b’mod li jaf imur kontra l-parir xjentifiku; |
|
D. |
billi skont l-Artikolu 13(3) tal-NHCR, il-Kummissjoni kellha tadotta lista Komunitarja ta’ indikazzjonijiet permessi sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010; |
|
E. |
billi l-preżenza ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa jaffettwaw l-għażliet tal-konsumaturi dwar l-ikel, kif ukoll karatteristiċi oħra bħall-prezz, il-marka, il-kulur u l-forma tal-imballaġġ; billi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, speċjalment l-indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis tar-riskju, għandhom impatt ikbar fuq l-attitudnijiet tal-konsumaturi mill-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni (16); billi l-fehim tal-konsumaturi dwar l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa huwa influwenzat minn fatturi varji, inklużi l-livelli ta’ għarfien u ta’ edukazzjoni nutrizzjonali, u dan għandu jitqies sabiex tiġi ffaċilitata l-bidla għal dieti aktar tajbin għas-saħħa u tiġi stimulata r-riformulazzjoni tal-ikel; billi madankollu, l-għoti ta’ informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni waħedhom mhumiex biżżejjed biex tinkiseb il-bidla meħtieġa għal għażliet tal-konsumatur aktar sostenibbli u tajbin għas-saħħa, peress li dawn jistgħu jiġu influwenzati minn elementi ewlenin oħra tal-ambjenti tal-ikel, bħall-aċċessibbiltà tal-prezzijiet, il-kummerċjalizzazzjoni u d-disponibbiltà; |
|
F. |
billi l-NHCR ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi profili nutrizzjonali għal ikel jew għal kategoriji speċifiċi tal-ikel sad-19 ta’ Jannar 2009; billi l-profili nutrizzjonali għadhom iridu jiġu stabbiliti fil-prattika; billi, fl-2020 ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-NHCR afferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu żviluppati profili nutrizzjonali li jservu ta’ għodda għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-esponiment għall-ikel li juri indikazzjonijiet dwar is-saħħa b’kompożizzjoni nutrittiva fqira; billi l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt affermat mill-ġdid li l-profili nutrizzjonali jenħtieġu jiġu stabbiliti sabiex ikunu ristretti l-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni ta’ ikel mhux tajjeb għas-saħħa permezz ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa; |
|
G. |
billi, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2021 dwar l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, il-Parlament espliċitament laqa’ l-aħbar ta’ proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi profili nutrizzjonali sabiex tipprojbixxi l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq ikel b’livell għoli ta’ xaħam, zokkor u/jew melħ u ikel ġeneralment mhux tajjeb għas-saħħa u talab li tingħata attenzjoni partikolari lill-ikel għat-tfal u ikel ieħor bi skop speċjali; |
|
H. |
billi l-konsumaturi għadhom jiġu esposti għall-indikazzjonijiet pożittivi dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq ikel b’livell għoli ta’ xaħam, melħ jew zokkor, li hu inkompatibbli mal-objettiv ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ta’ livell għoli; |
|
I. |
billi problemi ta’ piż żejjed u tal-obeżità qed jiżdiedu b’mod mgħaġġel fil-parti l-kbira tal-Istati Membri fejn aktar minn nofs l-adulti Ewropej u terz tat-tfal għandhom piż żejjed jew ibatu mill-obeżità (17); billi l-piż żejjed u l-obeżità fit-tfulija qed iżidu l-isfidi globali tas-saħħa pubblika; billi hemm biżżejjed evidenza li l-obeżità fit-tfal hija influwenzata mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, melħ u zokkor, iżda t-tfal għadhom esposti għal livelli għoljin ta’ tali kummerċjalizzazzjoni, li tuża tekniki qawwija u persważivi, fosthom l-użu dejjem akbar ta’ mezzi diġitali; |
|
J. |
billi dieti mhux tajbin għas-saħħa li fihom ħafna melħ, zokkor u xaħam, inklużi xaħmijiet saturati u aċidu xaħmi trans, huma fattur ta’ riskju ewlieni għall-mard u l-mortalità fl-Ewropa u, skont id-WHO, jikkawżaw 8 miljun mewta prematura kull sena; billi mewta minn kull ħamsa fl-2017 kienu attribwibbli għal dieti mhux tajbin għas-saħħa, prinċipalment minħabba mard kardjovaskulari u kanċer; billi hija meħtieġa enfasi aktar b’saħħitha fuq il-prevenzjoni tal-mard; |
|
K. |
billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer – lejn strateġija komprensiva u koordinata (18), il-Parlament saħaq fuq ir-rwol ta’ dieti tajbin għas-saħħa fil-prevenzjoni u fil-limitazzjoni tal-inċidenza tal-kanċer; |
|
L. |
billi l-EFSA ma setax jistabbilixxi livell sikur ta’ konsum ta’ zokkor ħieles u miżjud minħabba li “r-riskju ta’ effetti negattivi fuq is-saħħa (rispons) żdied fil-firxa kollha tal-livelli ta’ konsum (dożi) osservati b’mod kostanti (lineari), jiġifieri aktar ma jkun kbir il-konsum, akbar ikun ir-riskju ta’ effetti negattivi” (19); billi l-Aġenzija għar-Riċerka dwar il-Kanċer tad-WHO kklassifikat id-dolċifikant aspartame bħala possibbilment karċinoġeniku għall-bnedmin; billi rieżami sistematiku mid-WHO jissuġġerixxi li d-dolċifikanti mhux taz-zokkor jistgħu jkunu marbuta ma’ riskju akbar ta’ dijabete tat-tip 2, mard kardjovaskulari, mortalità għal kull kawża u żieda fil-piż tal-ġisem; billi dieti aktar tajbin għas-saħħa li jinkludu żieda fil-konsum ta’ ikel ibbażat fuq il-pjanti, bħal frott u ħxejjex friski, qmuħ sħaħ u legumi, u jevitaw il-konsum żejjed ta’ laħam u prodotti ultraproċessati jikkontribwixxu għal saħħa aħjar, inaqqsu l-mortalità minn mard li ma jitteħidx relatat mad-dieta u jġibu benefiċċji ambjentali; |
|
M. |
billi għodod tal-informazzjoni effettivi, bħat-tikkettar nutrizzjonali fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett, jappoġġjaw liċ-ċittadini biex jagħmlu għażliet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa u jevitaw il-konsum mhux tajjeb għas-saħħa ta’ ikel b’livell għoli ta’ melħ, xaħam u zokkor; billi l-Parlament appoġġja l-adozzjoni ta’ tali tikketta fir-riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, li fiha stieden lill-Kummissjoni tiżgura tikkettar nutrizzjonali obbligatorju u armonizzat tal-UE fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett ibbażat fuq evidenza xjentifika u wera fehim tal-konsumatur biex jappoġġja informazzjoni preċiża dwar l-ikel u alternattivi aktar tajbin għas-saħħa; |
|
N. |
billi, fl-2012, il-Kummissjoni stabbiliet lista “pendenti” ta’ 2 078 indikazzjoni dwar is-saħħa fir-rigward tas-sustanzi tal-pjanti, prinċipalment minħabba n-nuqqas ta’ studji ta’ intervent uman, li wassal għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-EFSA fl-2010; billi l-indikazzjonijiet “pendenti” dwar is-saħħa – kemm dawk evalwati b’mod negattiv kif ukoll dawk li għadhom ma ġewx riveduti – jistgħu jibqgħu jintużaw fis-suq tal-UE skont il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-NHCR, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-lista “pendenti”; |
|
O. |
billi fl-2020, il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar l-NHCR li l-konsumaturi għadhom esposti għal indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq is-sustanzi erbali b’livelli differenti ta’ valutazzjoni xjentifika, inklużi indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux sostanzjati li għalihom jistgħu jemmnu li l-effetti ta’ benefiċċju ddikjarati ġew evalwati xjentifikament meta dan ma jkunx il-każ; |
|
P. |
billi aktar koordinazzjoni dwar il-qafas ta’ sikurezza għas-sustanzi erbali tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur; |
|
Q. |
billi l-leġiżlazzjoni fuq is-sustanzi erbali fl-ikel u s-supplimenti tal-ikel mhijiex armonizzata fil-livell tal-UE; billi l-Istati Membri jew għandhom listi pożittivi jew listi negattivi jew l-ebda lista ta’ sustanzi erbali permessi fl-ikel; billi l-klassifikazzjoni tas-sustanzi erbali bħala ikel jew mediċina taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza ta’ kull Stat Membru individwali; billi l-għan ta’ prodott mediċinali huwa li jikkura jew jipprevjeni mard fil-bnedmin u s-supplimenti tal-ikel huma maħsuba għal konsumaturi li ma għandhomx bżonnijiet mediċi immedjati; billi għalhekk huwa importanti li tinżamm distinzjoni ċara bejn l-ikel u l-mediċina; |
|
R. |
billi l-mediċini erbali jridu jgħaddu minn proċeduri ta’ awtorizzazzjoni qabel ma jkunu introdotti fis-suq tal-UE, li jeħtieġ it-turija tas-sikurezza u tal-effikaċja tal-prodott u jridu jissodisfaw rekwiżiti legali addizzjonali f’oqsma bħall-valutazzjonijiet tal-kwalità, il-farmakoviġilanza u l-konformità tal-prattika tajba tal-manifattura; billi l-mediċini erbali li ilhom 30 sena jintużaw b’mod sikur, inkluż 15-il sena fl-UE, jistgħu jużaw proċedura ta’ reġistrazzjoni simplifikata għall-prodotti mediċinali u erbali tradizzjonali, fejn data “tradizzjonali” hija aċċettata biex tissostanzja s-sikurezza u l-effikaċja tal-prodott; |
|
S. |
billi l-infurzar tal-NHCR fir-rigward tal-indikazzjonijiet fuq is-sustanzi erbali ddewwem b’mod sostanzjali; billi l-objettiv tal-NHCR li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur jirrikjedi azzjoni rapida mill-Kummissjoni biex jew tinforza bis-sħiħ jew tirrevedi l-NHCR, peress li mhuwiex adattat għall-iskop tiegħu f’ċerti aspetti; |
|
T. |
billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jinfurzaw l-NHCR fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom; billi l-Istati Membri huma obbligati li japplikaw il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku; billi minħabba differenzi fl-interpretazzjoni u diskrepanzi fl-infurzar bejn l-Istati Membri, l-azzjonijiet ta’ infurzar wara l-użu mhux korrett tal-indikazzjonijiet ivarjaw minn parir dwar kif jiġu aġġustati l-indikazzjonijiet għal multi għall-użu mhux korrett tagħhom; |
|
U. |
billi l-media soċjali tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għar-reklamar u l-bejgħ tal-ikel u tas-supplimenti tal-ikel, filwaqt li l-punt sa fejn l-NHCR jirregola l-komunikazzjonijiet online relatati mas-saħħa dwar l-ikel għadu mhux ċar; billi l-komunikazzjonijiet ta’ influwenzaturi jew ċelebritajiet fuq il-media soċjali mhumiex dejjem kummerċjali jew mhux kummerċjali b’mod ċar (20) u jistgħu jwasslu għal indikazzjonijiet dwar prodotti tal-ikel li mhumiex ivverifikati, foloz u qarrieqa, pereżempju fir-rigward tar-reklamar tal-proteina u supplimenti oħra biex il-muskoli jikbru aħjar; |
|
1. |
Jinnota li l-objettiv prinċipali tal-NHCR hu li jiżgura li l-indikazzjonijiet mogħtija fuq l-ikel ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika ġeneralment aċċettata u li jkunu mistennija li jinftiehmu mill-konsumatur medju; jissottolinja li, fil-prattika, għadhom jiġu rrappurtati indikazzjonijiet qarrieqa fil-bejgħ tal-ikel online u f’dak wiċċ imb wiċċ; |
|
2. |
Jindika żieda fl-interess tal-konsumatur fl-informazzjoni dwar l-ikel (21); jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-valuri nutrizzjonali jew dwar is-saħħa mogħtija fuq l-ikel li tidher fuq it-tikketti u li tintuża għall-finijiet tal-preżentazzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-reklamar tkun preċiża, ibbażata fuq ix-xjenza u tagħmel sens; jitlob li l-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq l-ikel tiġi aġġornata regolarment, skont l-iżviluppi xjentifiċi fl-oqsma tal-ikel u n-nutrizzjoni; |
|
3. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jibqgħu allinjati mal-politiki u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa; jafferma mill-ġdid l-importanza tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li ma tawtorizzax l-indikazzjonijiet meta dawn jistgħu jirriżultaw f’messaġġi kunfliġġenti u konfużi lill-konsumaturi (22); |
Kunsiderazzjonijiet tal-profili nutrizzjonali f’evalwazzjonijiet ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa
|
4. |
Ifakkar li, skont l-Artikolu 4 tal-NHCR, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi profili nutrizzjonali sabiex tillimita l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq ikel b’livell għoli ta’ xaħam, zokkor u/jew melħ sad-19 ta’ Jannar 2009; jiddispjaċih mill-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-profili nutrizzjonali għadha ma ġietx ippreżentata, minkejja li hi skedata għall-2022 bħala parti mir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi; jinsisti li l-istabbiliment ta’ profili nutrizzjonali b’limiti ta’ nutrijenti speċifiċi għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-NHCR, jibqa’ pertinenti u meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-NHCR; |
|
5. |
Ifakkar li l-indikazzjonijiet ma għandhomx iqarrqu bil-konsumaturi dwar il-valur nutrizzjonali veru tal-prodott; jenfasizza li, fin-nuqqas ta’ profili nutrizzjonali, l-indikazzjonijiet jistgħu jisħqu fuq aspett pożittiv ta’ prodott ġeneralment mhux tajjeb għas-saħħa jew prodott li jaqbeż il-limiti għal nutrijenti speċifiċi, bħax-xaħam, iz-zokkor u l-melħ; jindika li ħafna prodotti tal-ikel, inklużi wħud kummerċjalizzati lejn it-tfal, ikomplu jużaw indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, minkejja li għandhom livelli għolja ta’ nutrijenti li jqajmu tħassib; jissottolinja li l-iżvilupp ta’ profili nutrizzjonali speċifiċi, kif previst fl-Artikolu 4 tal-NHCR u skont l-objettivi tal-NHCR, huwa meħtieġ biex jiġi limitat l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, zokkor u/jew melħ; jissottolinja li l-profili nutrizzjonali futuri, li għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika robusta u indipendenti, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli dwar il-prodotti tal-ikel; |
|
6. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ approċċ sistematiku u bbażat fuq l-evidenza biex jinħolqu ambjenti tal-ikel li jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u li jistimulaw bidla lejn dieti aktar tajbin għas-saħħa, inkluż żieda fil-konsum ta’ ikel ibbażat fuq il-pjanti, bħal frott u ħaxix frisk, qmuħ sħaħ u legumi; iqis li, minbarra li jimplimentaw l-NHCR b’mod korrett, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fl-edukazzjoni dwar l-ikel u n-nutrizzjoni, bħal kampanji ta’ informazzjoni, permezz ta’ programmi differenti, inkluż il-programm l-UE għas-Saħħa, b’mod partikolari billi jappoġġjaw azzjonijiet fl-iskejjel bl-għan li t-tfal u l-adolexxenti jiġu mgħallma dwar dieti tajbin għas-saħħa u bbilanċjati; jenfasizza l-influwenza tad-determinanti soċjali fil-litteriżmu tal-konsumaturi fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar l-ikel; jindika li l-għoti ta’ informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw għażliet tal-konsumatur infurmati u jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki li jtejbu l-ambjenti tal-ikel; |
Informazzjoni għall-konsumaturi
|
7. |
Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom tendenza li jikkonsmaw aktar milli suppost dawk il-prodotti tal-ikel li juru indikazzjonijiet li huma jippromwovu saħħa aħjar, dan hu magħruf bħala l-“effett halo”; jappoġġja l-inklużjoni tal-limitu fl-użu kemm minimu kif ukoll massimu fuq it-tikketti tal-prodotti tal-ikel u s-supplimenti tal-ikel kollha li jkollhom indikazzjonijiet dwar is-saħħa, flimkien ma’ rakkomandazzjoni sabiex jiġi ikkonsultat professjonista tas-saħħa qabel ma jiġu kkonsmati supplimenti tal-ikel, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati interazzjonijiet potenzjalment negattivi ma’ trattamenti speċifiċi u sabiex jiġi evitat rinfurzar ta’ disturbi potenzjali fil-konsum tal-ikel; jenfasizza li l-asimmetrija fl-informazzjoni hija mistennija li tippersisti, f’ambjent tal-ikel li qed jinbidel malajr u jitlob li tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar kif il-konsumaturi jifhmu l-indikazzjonijiet; |
|
8. |
Jiddispjaċih dwar id-dewmien tal-proposta għal reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi fir-rigward tal-iżvilupp ta’ tikketti tan-nutrizzjoni fuq quddiem tal-pakkett, li wrew li huma effettivi biex jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta’ ikel u xorb aktar tajbin għas-saħħa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jgħinu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli dwar il-prodotti tal-ikel permezz tal-adozzjoni, mill-aktar fis possibbli, ta’ tikketta tal-UE obbligatorja u armonizzata fuq quddiem tal-pakkett dwar in-nutrizzjoni li tiġi żviluppata abbażi ta’ evidenza xjentifika robusta u indipendenti u tal-fehim muri tal-konsumaturi; jinnota li l-istudji juru li l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa ma jistgħux jiġu spjegati biss mill-kompożizzjoni nutrizzjonali, iżda wkoll mil-livell tal-ipproċessar, b’mod partikolari fil-każ ta’ ikel ipproċessat ħafna; jisħaq, għalhekk, li l-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar l-ipproċessar tal-ikel fuq it-tikketti interpretattivi nutrizzjonali fuq quddiem tal-pakkett tista’ tkun fl-interess tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi u tista’ tkun effettiva biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa; jitlob għal miżuri regolatorji biex jitnaqqas il-piż li jpoġġi fuq is-saħħa pubblika l-ikel ipproċessat ħafna; |
Relevanza tal-indikazzjonijiet
|
9. |
Jinnota li ħafna mill-indikazzjonijiet użati fis-suq tal-Unjoni Ewropea huma għan-nutrijenti li numru żghir ta’ konsumaturi Ewropej huma nieqsa minnhom fid-dieti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-potenzjal leġiżlattiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex testendi l-kompetenza tagħha biex tinkludi l-valutazzjoni tal-relevanza tal-użu ta’ indikazzjonijiet bħal dawn, minbarra li teżamina l-bażi xjentifika għal indikazzjonijiet bħal dawn; jappoġġja bis-sħiħ il-pubblikazzjoni kontinwa mill-EFSA ta’ linji gwida speċifiċi skont l-użu ta’ indikazzjoni; |
|
10. |
Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tirrestrinġi l-użu tal-indikazzjoni permessa dwar in-nutrizzjoni “mingħajr zokkor miżjud” għal prodotti li fihom dolċifikanti jew livelli għoljin ta’ zokkor liberu; |
|
11. |
Jenfasizza li anke meta l-indikazzjonijiet dwar il-formula tat-trabi jkunu xjentifikament sostanzjati, bħall-indikazzjoni dwar is-saħħa “it-teħid tad-DHA jikkontribwixxi għall-iżvilupp normali viżwali ta’ trabi sa 12-il xahar”, l-użu tagħhom għandu jevita li jinfluwenza l-għażliet tat-tmigħ tat-trabi u jillimita t-titjib fil-formula tat-trabi (23); |
|
12. |
Jappoġġja l-istabbiliment ta’ konsultazzjonijiet minn qabel bejn il-manifatturi u l-EFSA biex l-EFSA tkun tista’ tippreżenta l-aspettattivi tagħha fil-kuntest tas-sottomissjoni tat-talba għal indikazzjoni tagħhom, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-indipendenza tal-EFSA; |
Sustanzi erbali
|
13. |
Jindika li n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell ta’ Unjoni Ewropea dwar il-klassifikazzjoni ta’ sustanzi erbali jew bħala ikel jew bħala mediċina jfisser li sustanza erbali tista’ tkun ttikkettata bħala “ikel” fi Stat Membru u bħala “mediċina” f’ieħor; jissottolinja li tali inkonsistenzi joħolqu sfidi għall-manifatturi u r-regolaturi u għandhom il-potenzjal li jaffettwaw b’mod negattiv is-sikurezza u l-benesseri tal-konsumaturi, peress li huwa diffiċli għall-konsumaturi li jiddistingwu bejn mediċini erbali tradizzjonali u supplimenti tal-ikel erbali bbażati fuq l-istess sustanza/i tal-pjanti, li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ fehim dwar l-użu tagħhom; |
|
14. |
Jindika n-nuqqas ta’ lista negattiva jew pożittiva tal-UE ta’ sustanzi erbali użati fl-ikel u fis-supplimenti tal-ikel, kif ukoll in-nuqqas ta’ lista komprensiva tal-benefiċċji jew l-effetti negattivi fuq is-saħħa tas-sustanzi erbali li jirriżulta f’disparitajiet leġiżlattivi fost l-Istati Membri, fi frammentazzjoni tas-suq u fi prodotti potenzjalment mhux sikuri li jaslu għand il-konsumaturi; |
|
15. |
Ma japprovax mis-sospensjoni kontinwa tal-evalwazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-sustanzi erbali u jindika li hemm tħassib legali sinifikanti dwar l-użu kontinwu tal-indikazzjonijiet “pendenti” skont il-miżuri tranżizzjonali tal-NHCR; jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li tiġi indirizzata l-lista “pendenti” ta’ indikazzjonijiet fuq is-sustanzi erbali billi ssir evalwazzjoni ulterjuri ta’ dawn l-indikazzjonijiet bħala miżura meħtieġa b’mod urġenti għall-protezzjoni tal-konsumatur, kif identifikat mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-NHCR; jinsab imħasseb ħafna li l-użu kontinwu tal-indikazzjonijiet “pendenti” fl-ambitu tal-miżuri tranżizzjonali tal-NHCR jista’ jqarraq lill-konsumaturi u jikkostitwixxi riskju għas-saħħa għalihom, billi huma jistgħu jassumu b’mod żbaljat li l-indikazzjonijiet “pendenti” ġew evalwati xjentifikament u li r-riskju tagħhom huwa mmaniġġjat; |
|
16. |
Iqis li huwa essenzjali li l-EFSA u l-Kummissjoni jirrevedu minnufih, skont id-dispożizzjonijiet tal-NHCR, l-indikazzjonijiet tas-saħħa “pendenti” relatati mas-sustanzi erbali fl-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tirrifjuta dawk l-indikazzjonijiet mil-lista “pendenti” li diġà ġew ivvalutati b’mod negattiv; |
|
17. |
Iħeġġeġ l-Istati Membri sabiex jikkollaboraw b’mod effettiv sabiex jiġi stabbilit approċċ koordinat fuq is-supplimenti tal-ikel erbali u jistieden lill-Kummissjoni tipprovda gwida f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu, mingħajr dewmien, lista negattiva fil-livell tal-UE ta’ sustanzi erbali użati fl-ikel skont it-tossiċità tagħhom jew l-effetti negattivi fuq is-saħħa li diġà ġew identifikati fl-Istati Membri; |
Infurzar
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida aġġornata dwar kif tittratta prattiċi tal-kummerċjalizzazzjoni użati għall-evitar tal-NHCR; |
|
19. |
Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu network ta’ għarfien bil-għan li jappoġġja l-grupp ta’ ħidma dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa; jindika li dan in-network għandu jgħin biex jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiċi, inaqqas id-differenzi fl-interpretazzjoni fost l-Istati Membri u jindirizza d-differenzi fl-infurzar; |
Indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’komunikazzjonijiet online
|
20. |
Jenfasizza li l-NHCR ġie adottat fi żmien meta l-media soċjali kien għad ma kellhiex sehem daqstant importanti fir-reklamar u l-bejgħ tal-ikel u s-supplimenti tal-ikel; imħasseb li l-punt sa fejn l-NHCR jikkontrolla b’mod effettiv il-komunikazzjonijiet online relatati mas-saħħa dwar l-ikel għadu mhux ċar; |
|
21. |
Jinsab imħasseb dwar il-preżenza online ta’ indikazzjonijiet mhux awtorizzati u qarrieqa dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jassigura li l-NHCR jibqa’ relevanti fl-ambjent online, speċjalment minħabba li ċerti gruppi vulnerabbli, bħat-tfal u l-adolexxenti, jistgħu jkunu partikolarment sensittivi għal ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa u għal informazzjoni dwar l-ikel kondiviża fuq il-media soċjali, u dan jirrappreżenta riskju għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom; iqis li huwa importanti, f’dan ir-rigward, li jiġi definit dak li jikkostitwixxi l-komunikazzjoni kummerċjali dwar l-ikel u s-supplimenti tal-ikel fuq il-media soċjali; |
|
22. |
Jitlob li tingħata attenzjoni mġedda biex jinkiseb approċċ effettiv u mifrux mal-UE kollha biex jiġi indirizzat l-esponiment tat-tfal u tal-adoloxxenti għar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel ipproċessat b’kontenut għoli ta’ xaħam, zokkor u melħ fuq ix-xandir u l-media diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tieħu azzjoni leġiżlattiva biex tipproteġi s-saħħa ta’ dan il-grupp vulnerabbli ta’ konsumaturi; |
|
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza linji gwida komprensivi għall-infurzar tal-NHCR online; iqis li dawn il-linji gwida għandhom jiddeskrivu proċeduri u standards ċari għall-monitoraġġ u r-regolamentazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa online, filwaqt li jiżguraw il-preċiżjoni u t-trasparenza ta’ indikazzjonijiet bħal dawn u jħarsu l-benesseri tal-konsumaturi fi ħdan il-qafas tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali; jindika r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-fornituri tal-pjattaformi online kif stabbilit mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali, jiġifieri li jaġixxu kontra t-tixrid ta’ kontenut illegali u li jiżguraw it-trasparenza għall-konsumaturi fir-rigward tar-reklamar online; |
|
24. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjattaforma li tikkondividi l-aħjar prattiċi fl-infurzar tal-NHCR online u li tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;
° ° ° |
|
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(3) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(4) ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.
(5) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.
(6) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.
(7) ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.
(8) ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1.
(10) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, “Tolerable upper intake level for dietary sugars” (Livell massimu tollerabbli tal-konsum għaz-zokkor djetetiku), EFSA Journal, Volum 20, Ħarġa 2, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 15 ta’ Diċembru 2021.
(11) Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Nutrition labelling: policy brief (It-tikkettar tan-nutrizzjoni: sommarju tal-politika), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2022.
(12) Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Guiding principles and framework manual for front-of-pack labelling for promoting healthy diets (Il-prinċipji gwida u l-manwal qafas għat-tikkettar fuq quddiem tal-pakkett għall-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2019.
(13) UNICEF, Children’s Rights in Impact Assessments – A guide for integrating children’s rights into impact assessments and taking action for children (Id-Drittijiet tat-Tfal fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt – Gwida biex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati fil-valutazzjonijiet tal-impatt u biex tittieħed azzjoni għat-tfal), UNICEF, Ġinevra, Diċembru 2013.
(14) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2016, Verband Sozialer Wettbewerb eV v Innova Vital GmbH, C-19/15, ECLI:EU:C:2016:563.
(15) Il-Kummissjoni Ewropea, Final Report Summary – CLYMBOL (Role of health-related claims and symbols in consumer behaviour) (Sommarju tar-Rapport Finali – CLYMBOL -Rwol tal-indikazzjonijiet relatati mas-saħħa u simboli fl-imġiba tal-konsumaturi)), 8 ta’ Marzu 2017.
(16) Pichierri, M. et al., “The interplay between health claim type and individual regulatory focus in determining consumers’ intentions toward extra-virgin olive oil” (L-interazzjoni bejn it-tip ta’ indikazzjoni tas-saħħa u l-fokus regolatorju individwali fid-determinazzjoni tal-intenzjonijiet tal-konsumaturi lejn iż-żejt taż-żebbuġa ekstra verġni), Food Research International, Volum 136, l-Artikolu 109467, Elsevier, Ottubru 2020.
(17) Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, WHO European Regional Obesity Report 2022 (Rapport tal-2022 dwar l-Obeżità Reġjonali Ewropea tad-WHO), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Ġinevra, 2022.
(18) ĠU C 342, 6.9.2022, p. 109.
(19) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, EFSA explains draft scientific opinion on a tolerable upper intake level for dietary sugars (L-EFSA tispjega abbozz ta’ opinjoni xjentifika dwar livell massimu tollerabbli ta’ konsum għaz-zokkor fid-dieta), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2021.
(20) Ashwell, M. et al., “Nature of the evidence base and strengths, challenges and recommendations in the area of nutrition and health claims: a position paper from the Academy of Nutrition Sciences” (In-natura tal-bażi ta’ evidenza u l-punti b’saħħithom, l-isfidi u r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa: dokument ta’ pożizzjoni mill-Akkademja tax-Xjenzi tan-Nutrizzjoni), British Journal of Nutrition, Volum 130, Ħarġa 2, 28 ta’ Lulju 2023, pp. 221-238.
(21) Unjoni Ewropea, “Eurobarometer – Making our food fit for the future – new trends and challenges” (Ewrobarometru – Nagħmlu l-ikel tagħna adattat għall-futur – tendenzi u sfidi ġodda), Ottubru 2020.
(22) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2017, Dextro Energy GmbH & Co. KG v il-Kummissjoni Ewropea, C-296/16, ECLI:EU:C:2017:437.
(23) Munblit, D. et al., “Health and nutrition claims for infant formula are poorly substantiated and potentially harmful” (Indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni għall-formula tat-trabi huma sostanzjati ħażin u potenzjalment ta’ ħsara), British Medical Journal, Volum 369, l-Artikolu 875, 2020, u Cheung, K.Y., et al., “Health and nutrition claims for infant formula: international cross sectional survey” (Indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni għall-formula tat-trabi: stħarriġ trażversali internazzjonali), British Medical Journal, Volum 380, Ħarġa 8371, 2023.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5729/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)