|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5705 |
17.10.2024 |
P9_TA(2024)0011
Il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2024 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2023 (2023/2077(INI))
(C/2024/5705)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-regoli, il-linji gwida, ir-riżoluzzjonijiet, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-komunikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kompetizzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2023 intitolat “Ir-Rapport tal-2022 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni” (COM(2023)0184) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2023)0076), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2023 dwar il-politika tal-kompetizzjoni – rapport annwali 2022 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida riveduti tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju, ippubblikati fis-6 ta’ Diċembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tat-13 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-227/21 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2022 intitolata “Qafas Temporanju ta’ Kriżi għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja” (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (5), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2022 intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022” (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2023 intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għan-networks tal-broadband” (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta’ avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2022 intitolat “Evalwazzjoni tar-regoli dwar is-sussidji mill-Istat għas-servizzi tas-saħħa u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) u tar-Regolament de minimis dwar is-SIEĠ” (SWD(2022)0388), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Settembru 2023, tal-pakkett ta’ miżuri adottat fl-20 ta’ April 2023, imfassal biex jissimplifika u jirrazzjonalizza l-proċeduri għar-rieżami ta’ ċerti fużjonijiet li ma jqajmux tħassib dwar il-kompetizzjoni (C(2023)2400, C(2023)2401, C(2023)2402), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2022/2560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern (11), |
|
— |
wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen (12), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Settembru 2023 dwar id-deżinjazzjoni ta’ gwardjani skont l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/914 tal-20 ta’ April 2023 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (13), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ewropea konġunta dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali tat-23 ta’ Jannar 2023 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea (14), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tal-4 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża C-252/21 (15), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument intitolat “DG COMP Code of good practices for a transparent, inclusive, fast design and assessment of IPCEIs” (Kodiċi ta’ prattiki tajba tad-DĠ COMP għal disinn u valutazzjoni trasparenti, inklużivi u aktar rapidi tal-IPCEIs) tas-17 ta’ Mejju 2023 (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) intitolat “Report on CRA Market Share Calculation” (Rapport dwar il-Kalkolu tas-Sehem tas-Suq tas-CRAs) tal-15 ta’ Diċembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-avviż tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2004 dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda li jikkonċernaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE li jinqalgħu f’każijiet individwali (ittri ta’ gwida) (17), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Lulju 2023 intitolata “Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali” (18), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Settembru 2023 li tipprojbixxi l-akkwist propost ta’ Flugo Group Holdings AB (“eTraveli”) minn Booking Holdings (“Booking”), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (19), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0427/2023), |
|
A. |
billi l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tiżvolġi rwol importanti fl-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ġusti għan-negozju fis-suq uniku sabiex tipproteġi s-swieq kontra l-konċentrazzjonijiet u l-akkumulazzjoni bla bżonn ta’ saħħa fis-suq u biex tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u t-tkabbir għall-kumpaniji – speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) – fis-suq uniku u, konsegwentement, ittejjeb il-benessri tal-konsumatur u tipprovdi għażla akbar għall-konsumaturi u n-negozji; |
|
B. |
billi hija meħtieġa interazzjoni produttiva bejn il-politika tal-kompetizzjoni u politiki settorjali oħra; billi l-politika tal-kompetizzjoni tista’ tikkontribwixxi biex jissaħħu r-reżiljenza, l-integrità u l-kompetittività tas-suq intern, kif ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Kumpass Diġitali u l-objettivi tal-UE kif minquxa fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE); |
|
C. |
billi l-iskambju u l-kooperazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti globali u ta’ kompetizzjoni u biex l-isfidi tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika jiġu indirizzati b’mod koordinat; |
|
D. |
billi ċ-ċirkostanzi ġeopolitiċi globali jirrikjedu wkoll soluzzjonijiet responsabbli u kompetittivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni; billi l-UE għandha tuża l-għodod politiċi u leġiżlattivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiddefendi l-integrità, ir-reżiljenza u l-kompetittività tas-suq intern tagħha fid-dawl tal-isfidi minħabba l-għadd jiżdied ta’ kunflitti madwar id-dinja, it-tensjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiżi kompetituri, il-kriżi tat-tibdil fil-klima u l-pressjoni tal-inflazzjoni u l-livelli baxxi ta’ tkabbir ekonomiku; billi hemm bżonn li jitnaqqsu d-dipendenzi ta’ ħsara tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE u minn setgħat globali f’oqsma bħall-enerġija, il-mediċini, it-teknoloġija jew il-materja prima; |
|
E. |
billi l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġ li jaġixxu b’mod imparzjali u oġġettiv sabiex iħarsu l-kredibbiltà tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; |
|
F. |
billi s-saħħa u l-importanza globali tas-suq uniku tal-UE joriġinaw mill-kompetittività interna tiegħu u minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; |
Ir-rwol tal-kompetizzjoni u r-rispons ta’ politika għall-gwerra fl-Ukrajna, l-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni u l-isfidi kontinwi li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19
|
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-integrità tas-suq uniku; ifakkar li r-rispons għall-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni ma jridx ikun ibbażat biss fuq l-użu tal-għajnuna mill-Istat, iżda jrid ikun ibbażat ukoll fuq il-ħolqien ta’ ambjent aktar favorevoli għan-negozju u qafas ta’ kompetizzjoni mġedded, li jipprovdi ħeffa u flessibbiltà għall-kumpaniji li jinvestu u jikkompetu b’mod ġust fl-Ewropa, filwaqt li jikkonforma mal-miri klimatiċi tal-UE; |
|
2. |
Jieħu nota tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni (TCTF), kif ukoll tal-aġġornament tal-ġabra ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li tippermetti investimenti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; jieħu nota tal-adozzjoni u l-inklużjoni fl-2023 tal-“klawżola ta’ tqabbil”; jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta li ma toħloqx il-kundizzjonijiet għal tellieqa għas-sussidji u tuża l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex tipprevjeni u tikkontrobatti l-kompetizzjoni inġusta tas-sussidji; jisħaq li kwalunkwe appoġġ addizzjonali mill-Istat għandu jkun immirat u temporanju fin-natura tiegħu; isostni li l-għajnuna mill-Istat għandha tkun konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-UE bħall-Patt Ekoloġiku u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ rkupru fl-Istati Membri; |
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti temporanji kollha ta’ għajnuna mill-Istat ikunu mmirati biżżejjed biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku; |
|
4. |
Jisħaq li se jkun meħtieġ investiment pubbliku u privat addizzjonali biex jiġu indirizzati sfidi ġodda; jissottolinja li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jkun mgħammar kif xieraq biex jindirizza l-isfidi tal-ġejjieni, inkluża l-frammentazzjoni tas-suq intern, filwaqt li jappoġġa l-istrateġija industrijali tal-UE, inaqqas id-dipendenzi kritiċi tagħna u jiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tagħna; jenfasizza li dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati bl-infiq pubbliku biss; |
|
5. |
Ifakkar li approċċ frammentat għall-għajnuna mill-Istat għandu l-potenzjal li joħloq kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, peress li mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess spazju fiskali biex jipprovdu appoġġ; jitlob, għaldaqstant, il-monitoraġġ tal-effetti distorsivi potenzjali u li kwalunkwe flessibbiltà tal-appoġġ pubbliku tiġi applikata biss għall-appoġġ ipprovdut fil-livell tal-UE; |
|
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif l-inflazzjoni tħalli impatt fuq il-kompetizzjoni billi toħloq inċentivi għall-kumpaniji biex jikkooperaw mal-kompetituri ħalli jikkoordinaw il-prezzijiet (20), kif ukoll il-konsegwenzi tagħha għas-swieq u l-benessri tal-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb id-data dwar il-profitti sabiex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti l-konsegwenzi potenzjali, peress li r-riċerka mill-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali tissuġġerixxi li l-profitti korporattivi kienu xpruni temporanji importanti tal-inflazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-konsegwenzi tal-imġiba antikompetittiva u r-rwol tagħha fl-iżviluppi tal-inflazzjoni; itenni li l-Kummissjoni jeħtiġilha tuża l-għodod kollha disponibbli skont il-liġi tal-kompetizzjoni biex tindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja; |
|
7. |
Jilqa’ l-inizjattivi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’diversi Stati Membri (21) biex jintroduċu setgħat ġodda ta’ investigazzjoni tas-suq sakemm dawn ma jwasslux għall-frammentazzjoni tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi għodda simili ta’ investigazzjoni tas-suq biex tevita lakuni fl-infurzar meta l-prattiki jseħħu bejn il-fruntieri nazzjonali fi ħdan l-UE, u tadotta rimedji għas-setturi kollha meta jkun meħtieġ biex tindirizza l-imġiba antikompetittiva b’mod effettiv; ifakkar fl-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “Għodda Ġdida tal-Kompetizzjoni” li kellha l-għan li tindirizza l-lakuni bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u l-għodod ta’ intervent kontra l-problemi strutturali ta’ kompetizzjoni fis-swieq kollha; jinnota li, bl-għodda ġdida tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ tinvestiga kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni f’setturi sħaħ; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-“Għodda Ġdida tal-Kompetizzjoni”; |
|
8. |
Jissottolinja l-importanza tal-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) għall-finanzjament ta’ proġetti tranżnazzjonali kbar u għall-kisba tal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE; jieħu nota tal-kriterji speċifiċi għall-IPCEIs għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern; jiddeplora l-fatt li l-proċeduri twal u kumplessi meħtieġa spiss ikunu ta’ piż żejjed għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe notifika titlesta f’mhux aktar minn sitt xhur; jisħaq li l-IPCEIs għandu jkollhom valur miżjud Ewropew ġenwin; |
|
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-prinċipji tal-kompetizzjoni tal-UE affettwaw il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ), anke fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-pożizzjoni tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali u eżenzjoni b’rabta mal-SIEĠ għall-akkomodazzjoni affordabbli; |
|
10. |
Jilqa’ l-“Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi”, li jiċċaraw li l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE ma twaqqafx lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom mingħajr impjegati milli jidħlu f’negozjar kollettiv; ifakkar li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom spiss ikollhom aċċess limitat jew ebda aċċess għan-negozjar kollettiv, li jista’ jwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; |
|
11. |
Ifakkar fir-rabta integrali bejn il-politika tal-kompetizzjoni u s-suq intern, li hija ċara mit-test innifsu tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE li jirregolaw il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, kemm fil-ħidma leġiżlattiva kif ukoll f’dik politika tagħha, irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-politika tal-kompetizzjoni tiġi integrata mal-objettivi tas-suq intern li jinkwadrawha; |
|
12. |
Jindika l-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod effettiv id-distorsjonijiet tas-suq u l-fallimenti tas-suq, u li l-kompetizzjoni tissaħħaħ billi jitneħħew l-ostakli regolatorji mhux ġustifikati eżistenti u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn biex jiġi ffaċilitat id-dħul għal kompetituri ġodda; |
|
13. |
Jisħaq fuq ir-rilevanza tas-sentenzi tal-QĠUE fil-kawżi C-555/21 (UniCredit Bank Austria) u C-383/18 (Lexitor sp. z o.o.) biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-kreditu għall-konsumatur u tiġi evitata d-distorsjoni kompetittiva tiegħu; |
Infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni u xejriet globali
|
14. |
Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tvara investigazzjoni kontra s-sussidji rigward il-vetturi elettriċi Ċiniżi skont ir-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (22); jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti tal-UE dwar is-sussidji barranin, inkluż ir-Regolament (UE) 2022/2560 dwar is-sussidji barranin sabiex tiġi żgurata l-mitigazzjoni ta’ effetti potenzjalment distorsivi fuq is-suq uniku; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ riżorsi billi hemm biss ħames ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time (FTEs) fi ħdan il-Kummissjoni; |
|
15. |
Jistieden lill-Kummissjoni timmodernizza r-regoli tal-akkwist pubbliku sabiex tindirizza l-prijoritajiet il-ġodda u l-isfidi operattivi, bl-għan li tgħin fit-trawwim ta’ industrija u standards Ewropej aktar ekoloġiċi; |
|
16. |
Jisħaq li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-objettiv tal-UE kif definit fl-Artikolu 3 tat-TUE; jisħaq li l-“prezz ġust” tal-prodotti mhuwiex l-aktar prezz baxx possibbli għall-konsumatur, iżda prezz li jippermetti r-remunerazzjoni ġusta tal-partijiet kollha tul il-katina tal-provvista, filwaqt li ma jirriżultax f’esternalitajiet negattivi; jissottolinja li l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi ma għandux jinkludi biss kunsiderazzjonijiet dwar il-livelli tal-prezzijiet, iżda għandu jinkludi wkoll kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà u l-impatti fuq il-privatezza taċ-ċittadini; |
|
17. |
Jissottolinja r-rwol ewlieni tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) bħala forum biex jitrawmu l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem qatigħ għal djalogu u kooperazzjoni kostruttivi kontinwi fil-livell internazzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-antitrust u regolaturi settorjali oħra, bħal dawk li jittrattaw il-privatezza tad-data, kemm biex jiġi ssorveljat l-użu ħażin tad-data korporattiva kif ukoll biex il-kumpaniji ma jitħallewx jużaw id-data tal-konsumatur biex jiksbu vantaġġ kompetittiv inġust; jilqa’ r-rwol rilevanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) fl-infurzar tar-regoli tad-DMA u l-inizjattivi leġiżlattivi nazzjonali li qed jiġu stabbiliti biex jindirizzaw l-imġiba antikompetittiva tal-pjattaformi online kbar fis-setturi diġitali; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza ta’ azzjoni koordinata u omoġenja li ma timminax l-applikazzjoni tad-DMA, minn naħa waħda, u r-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-settur diġitali, min-naħa l-oħra, kif previst fl-Artikolu 1(6) tad-DMA; |
|
18. |
Jindika li f’dinja globalizzata, il-kooperazzjoni internazzjonali hija kruċjali biex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-kompetizzjoni; jisħaq li ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddedikati ma’ pajjiżi mhux tal-UE fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-effikaċja tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-influwenza tal-politika tal-kompetizzjoni fid-dinja, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni tat-tieni ġenerazzjoni li jippermettu li jsir skambju aktar effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; |
|
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar minn għodod evidenzjali addizzjonali bħall-għarfien dwar l-imġiba u l-analitika finanzjarja, kif ukoll użu akbar mix-xjenzati fl-oqsma tad-data, tal-kompjuter u tal-IA, u mill-ekonomisti komportamentali fl-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni; |
|
20. |
Jinnota l-livell għoli kontinwu ta’ konċentrazzjoni tas-suq għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu minħabba li l-akbar tliet aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 90 % (23); itenni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kompetizzjoni f’dan is-suq sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-fiduċja; |
|
21. |
Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta’ Ernst &Young li twaqqaf il-proċess ta’ separazzjoni tan-negozji tal-awditjar u tal-konsulenza tagħha; jinnota li l-kombinazzjoni tan-negozji tal-awditjar u tal-konsulenza tista’ twassal għal kunflitti ta’ interess u tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ kull waħda mill-Erba’ Ditti l-Kbar; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-kombinazzjoni tan-negozji tal-awditjar u tal-konsulenza u possibbilment tippreżenta miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u pożizzjoni dominanti fis-suq; |
Kontroll tal-mergers
|
22. |
Jinnota li l-akkwist ta’ negozji ġodda minn atturi dominanti jista’ jnixxef l-innovazzjoni u, eventwalment, il-kompetizzjoni; jissottolinja l-importanza li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-qrib lill-fenomenu ta’ “akkwiżizzjonijiet predatorji” fis-settur diġitali li jridu jiġu rrappurtati skont id-DMA, u tieħu azzjoni deċiżiva skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-KE dwar il-Mergers meta jkun xieraq; |
|
23. |
Jilqa’ d-deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar każijiet ta’ mergers (24); jissottolinja l-importanza ta’ rimedji strutturali fid-deċiżjonijiet dwar il-mergers; jinnota li l-akbar pjattaformi online u dawk l-aktar influwenti jaffettwaw l-operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ għexieren ta’ eluf ta’ SMEs; jisħaq li akkwiżizzjoni ma tistax twassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ kumpanija fis-suq tal-lukandi billi tippermettilha tuża l-prattika ta’ cross-selling tad-diversi servizzi tagħha; |
|
24. |
Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid l-avviż tagħha dwar id-definizzjoni ta’ “suq rilevanti” u jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ aktar dinamiku li jmur lil hinn mill-approċċ tradizzjonali, speċjalment għal swieq emerġenti ġodda bħal fis-settur diġitali, u jqis viżjoni aktar fit-tul li tinkludi d-dimensjoni globali u l-kompetizzjoni futura potenzjali; jiddeplora l-fatt li, fil-passat, il-Kummissjoni xi drabi ħadet perspettiva ristretta wisq rigward is-suq rilevanti, u b’hekk ċaħdet lill-kumpaniji Ewropej mill-opportunità li jikkompetu b’mod effettiv f’arena globalizzata; jappoġġa lill-Kummissjoni biex tqis aktar il-ħsara potenzjali lill-kompetizzjoni meta tivvaluta mergers li fihom l-espansjoni fi swieq kontigwi jkollha l-effett li tkompli ssaħħaħ aktar il-pożizzjoni ta’ dominanza fis-suq ewlieni tal-kumpanija akkwirenti; |
|
25. |
Huwa mħasseb dwar il-konċentrazzjoni estensiva f’ċerti partijiet tal-katina tal-provvista tal-ikel, għad-detriment tal-konsumaturi, il-bdiewa, l-ambjent u l-bijodiversità; |
|
26. |
Ifakkar li, skont ir-Regolament tal-KE dwar il-Mergers, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-klima, is-sostenibbiltà u l-istat tad-dritt u jitlob li l-Kummissjoni tingħata l-istess possibbiltà meta teżamina l-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-suq intern; |
Antitrust u kartelli
|
27. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża aħjar l-istrument ta’ miżuri interim biex twaqqaf kwalunkwe prattika li tagħmel ħsara serja lill-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ swieq dinamiċi u li jiżviluppaw b’rata mgħaġġla bħas-swieq diġitali; |
|
28. |
Jilqa’ l-approċċ il-ġdid fl-aħħar każijiet ta’ antitrust fejn il-Kummissjoni, għall-ewwel darba, u, taħt ċerti kundizzjonijiet, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ rimedji strutturali biex titwaqqaf l-imġiba antikompetittiva, speċjalment meta l-prattika antikompetittiva inkwistjoni tkun ġiet imtennija f’segmenti oħra tas-suq mill-istess kumpanija matul is-snin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tkompli f’din id-direzzjoni għal infurzar ex post effettiv tal-antitrust; |
|
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tal-antitrust, tistabbilixxi limiti ta’ żmien xierqa għall-proċeduri u tiżgura segwitu effettiv tad-deċiżjonijiet sabiex tevita proċeduri twal, bħal fil-każ ta’ Spotify, li ressqet ilment kontra Apple fl-2019, u fejn, minkejja li l-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma ttieħdet ebda azzjoni konkreta biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet ta’ Apple, li jipprevjenu lill-iżviluppaturi tal-apps milli jikkomunikaw liberament mal-utenti tagħhom stess; |
|
30. |
Jilqa’ l-varar tal-inizjattiva dwar il-linji gwida rigward l-abbużi esklużjonarji ta’ dominanza, li se tiġi abbozzata fl-2024 u tiġi adottata fl-2025, u l-impenn tal-Kummissjoni favur applikazzjoni vigoruża, effettiva u fil-pront tal-Artikolu 102 tat-TFUE fil-qasam tal-abbużi esklużjonarji; jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma b’mod konkret l-infurzar ibbażat fuq l-effetti tar-regoli tal-antitrust u, b’mod partikolari, ir-rilevanza tal-evidenza ekonomika fil-każijiet xierqa; jitlob li l-vulnerabbiltà tal-konsumatur titqies meta jiġu vvalutati abbużi ta’ sfruttament bħal prezzijiet eċċessivi u termini inġusti; |
|
31. |
Jinnota l-ftuħ ta’ investigazzjoni formali dwar prattiki antikompetittivi possibbli minn gwardjan billi jorbot jew jgħaqqad pjattaforma ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni mas-software dominanti u popolari tiegħu stess; (25) jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-konċessjonijiet, offruti unilateralment mill-gwardjan, mal-impriżi involuti, sabiex tiżgura li dawn jindirizzaw it-tħassib tal-atturi tas-suq fir-rigward tal-utenti ġodda u eżistenti, kif ukoll kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u pprezzar; |
|
32. |
Jinsisti fuq rimedji effettivi, li jistgħu jirrikjedu koordinazzjoni akbar bejn l-infurzaturi u djalogu ulterjuri ma’ partijiet terzi, kif ukoll infurzar xieraq; ifakkar li impriżi ddeżinjati bħala gwardjani kienu soġġetti għal deċiżjonijiet preċedenti dwar l-antitrust, li ma wasslux għal bidliet effettivi fl-imġiba, speċjalment rigward l-awtopreferenzjar fis-swieq diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tuża aħjar ir-rimedji strutturali bħala kwistjoni tal-aħħar istanza; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex ittemm il-primazija tar-rimedji komportamentali fid-dritt tal-UE; |
|
33. |
Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tindirizza l-effett antikompetittiv tar-restrizzjonijiet territorjali tal-provvista bl-għan li jiġi żgurat suq uniku li jiffunzjona bis-sħiħ u jiġi sfruttat il-benefiċċju potenzjali tiegħu għall-konsumaturi; |
|
34. |
Itenni, barra minn hekk, l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja u tneħħi b’mod attiv l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u restrizzjonijiet oħra fuq il-bejgħ online transfruntier, filwaqt li tħaddan approċċ favur il-konsumaturi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu aċċess għal għażla akbar ta’ prodotti u servizzi madwar l-UE; |
Il-politika tal-kompetizzjoni fl-era diġitali
|
35. |
Jilqa’ d-deżinjazzjoni ta’ sitt gwardjani – Alphabet, Amazon, Apple, ByteDance, Meta, Microsoft (26) – għal 22 servizz ewlieni tal-pjattaforma fl-ambitu tad-DMA, l-erba’ investigazzjonijiet tas-suq għall-konfutazzjoni kif ukoll l-ewwel investigazzjoni tas-suq fl-ambitu tal-Artikolu 3(8) tad-DMA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta minnufih atti delegati sabiex tespandi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni jew tispeċifika l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 7 u 12 tad-DMA; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b’mod rigoruż jekk il-gwardjani humiex jikkonformaw mal-obbligi tad-DMA qabel is-6 ta’ Marzu 2024 u titlob feedback minn partijiet terzi dwar jekk is-soluzzjonijiet ta’ konformità offruti mill-gwardjani jwasslux għal swieq diġitali aktar ġusti u aktar kontestabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri tal-gwardjani dwar is-sigurtà u l-integrità tal-pjattaformi tagħhom, li jista’ jkollhom impatt fuq il-konformità mad-DMA, jiġu skrutinizzati minn partijiet terzi indipendenti u ma jkunux ibbażati biss fuq il-valutazzjoni tal-gwardjani stess; |
|
36. |
Jindika li l-istudju tal-Kummissjoni dwar “l-impatt tal-iżviluppi reċenti fir-reklamar diġitali fuq il-privatezza, il-pubblikaturi u r-reklamaturi” jikkonkludi li l-ġbir u l-ipproċessar fuq skala kbira ta’ data personali għal skopijiet ta’ reklamar u l-opaċità tas-suq tar-reklamar diġitali jistgħu jkunu qed jalimentaw il-frodi fir-rigward tar-reklami (27); jistieden lill-Kummissjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju, tanalizza aktar l-għażliet leġiżlattivi għal interventi ta’ politika futuri, inkluża l-impożizzjoni ta’ rimedji strutturali, biex tindirizza l-imġiba antikompetittiva, billi tikkomplementa d-DMA u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) (28) f’dan ir-rigward; |
|
37. |
Jilqa’ l-investigazzjoni tas-suq dwar Edge u Bing ta’ Microsoft (29) u iOS u iMessage ta’ Apple (30) sabiex jiġi vvalutat ir-rwol tagħhom bħala portali u l-pożizzjonijiet stabbiliti tagħhom fis-suq, skont id-deċiżjoni biex Apple u Microsoft jiġu ddeżinjati bħala gwardjani fl-ambitu tad-DMA; jenfasizza l-inklużjoni prestabbilita ta’ iMessage fuq l-apparati iOS kollha għal aktar minn 144 miljun utent; jisħaq fuq l-importanza tal-ismartphones bħala għodda personali u professjonali essenzjali; jenfasizza li s-suq tal-lum huwa ddominat minn żewġ sistemi operattivi, bis-servizzi ta’ messaġġi mhux interoperabbli tagħhom stess, u li dan jillimita l-possibbiltà għall-utenti u n-negozji li jiċċaqalqu liberament minn ekosistema għal oħra u li jikkomunikaw mingħajr xkiel ma’ xulxin irrispettivament mis-sistema operattiva, li fundamentalment imur kontra l-ispirtu u l-ittra tad-DMA; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproċedi malajr fl-investigazzjoni tagħha u l-implimentazzjoni effettiva tagħha biex il-benefiċċji tal-interoperabbiltà tal-messaġġi jaslu f’waqthom għand kulħadd; |
|
38. |
Jinnota d-deċiżjoni tal-QĠUE fil-kawża Meta vs Bundeskartellamt li tafferma l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jinfurzaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data skont il-liġijiet tal-antitrust; jindika li l-QĠUE tafferma li l-protezzjoni tad-data personali hija kunsiderazzjoni importanti meta jiġi eżaminat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u li timponi rekwiżiti fuq l-użu tad-data personali tal-individwi għal reklamar immirat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jinvestigaw ksur tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (31) u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex jissanzjonaw tali ksur; |
|
39. |
Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-proċedimenti ta’ Bundeskartellamt u Alphabet Inc. li jagħtu lill-utenti ta’ Google għażliet aħjar dwar kif Google tipproċessa d-data tagħhom; jafferma li l-konsumaturi tal-UE jeħtieġ li jkollhom l-għażla dwar jekk jippermettux l-agglomerazzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-iskambju tas-servizzi tad-data personali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex il-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar u tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tiffaċilita interazzjoni effettiva bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u d-DMA, speċjalment fil-kuntest tal-“obbligi ulterjuri” tad-DMA; |
|
40. |
Jindika l-Internet tal-Oġġetti huwa suq li qed jikber; jindika wkoll li apparati tad-dar intelliġenti, bħal vacuum cleaners robot, huma sors ewlieni ta’ data tal-konsumatur; jinnota li l-mergers u l-akkwiżizzjonijiet f’dan is-settur jistgħu jwasslu għal ħsara kbira għall-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi data bħala sors ta’ saħħa fis-suq fl-evalwazzjoni ta’ każijiet ta’ mergers u akkwiżizzjonijiet f’dan is-settur, speċifikament meta dawn il-każijiet jinvolvu kumpaniji stabbiliti tat-teknoloġija kbira; jitlob, barra minn hekk, li jiġu imposti kundizzjonijiet fuq l-użu tad-data, jekk ikun meħtieġ; |
|
41. |
Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ cloud mil-lista tal-gwardjani; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikolu 3(8) tad-DMA (valutazzjoni kwalitattiva) f’dan is-settur, b’mod partikolari minħabba l-istruttura tas-suq ikkonċentrat u l-prattiki antikompetittivi ta’ ħsara ssottolinjati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; jenfasizza li s-suq Ewropew tal-cloud huwa ddominat minn ftit atturi kbar ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-servizzi eliġibbli kollha jiġu ddeżinjati sabiex terġa’ tinkiseb kompetizzjoni ġusta u ugwali fis-suq Ewropew tal-cloud; |
|
42. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li tvara investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 tad-DMA, li żżid kategoriji ġodda ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma skont l-Artikolu 2(2) tad-DMA fid-dawl tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi li jistgħu jwasslu għal tipi ġodda ta’ servizzi li ma jaqgħux fil-kategoriji eżistenti bħall-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva; jirrikonoxxi li karatteristiċi ġodda mħaddma mill-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva jistgħu jiġu inkorporati fis-servizzi diġitali eżistenti, bħall-magni tat-tiftix online, u jistgħu jinqabdu mil-lista eżistenti ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jistgħu jwasslu għat-tisħiħ tal-gwardjani eżistenti; |
|
43. |
Jinnota d-dikjarazzjoni konġunta tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-G7 dwar il-kompetizzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, li tissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni biex tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-swieq diġitali (32); jistieden lill-Kummissjoni tkun viġilanti fir-rigward tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali sabiex tiżgura li tali ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma jkunux potenzjalment mergers moħbija jew akkwiżizzjonijiet predatorji; |
|
44. |
Itenni li d-DMA għandu bażi legali differenti b’kuntrast mal-qafas tal-kompetizzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koeżistenza effettiva tal-infurzar ex post tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-infurzar ex ante tad-DMA, minħabba n-natura komplementari tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati biżżejjed riżorsi u sinerġiji tal-persunal għal implimentazzjoni effettiva tar-regoli, u li jiġu evitati trikkib jew duplikazzjonijiet ta’ strutturi u miżuri eżistenti; |
|
45. |
Jenfasizza l-ħtiġijiet futuri ta’ konnettività tal-UE f’termini ta’ infrastruttura u investimenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tal-prattika tal-kompetizzjoni attwali għas-suq tat-telekomunikazzjoni sabiex tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq uniku integrat bis-sħiħ għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni; jinnota li l-konsolidazzjoni tas-suq tista’ tkun l-uniku mod biex jiġi evitat il-bejgħ ta’ partijiet separati tal-infrastruttura lil kumpaniji barranin mhux tal-UE u biex wieħed jikkompeti b’mod effettiv f’xenarju globali; jindika li t-tkabbir ta’ dan is-settur fl-Ewropa kien limitat ħafna matul l-aħħar deċennju u li l-frammentazzjoni hija r-raġuni ewlenija għal dan; jilqa’, f’dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissarju Breton tal-ħidma tal-Kummissjoni fuq proposta ġdida għal Att dwar in-Networks Diġitali biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tas-suq, jiġi attirat l-investiment u jiġu żgurati l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni u l-innovazzjoni mingħajr kostijiet żejda għall-konsumaturi u mingħajr ma jiġu pperikolati n-newtralità tal-internet u l-kompetizzjoni ġusta fis-suq bejn l-atturi kollha; |
|
46. |
Jinnota, bi tħassib, li l-gwardjani li jiżviluppaw vantaġġ fir-rigward tad-data fuq ir-rivali tagħhom jistgħu jiksbu ekonomiji ta’ skala kritiċi, li jikkontribwixxu għax-xaqlib ulterjuri tal-bilanċi kompetittivi fis-swieq diġitali u joħonqu l-innovazzjoni; |
|
47. |
Jisħaq li l-assi tad-data personali għandhom jiġu kkunsidrati u vvalutati bl-istess mod bħal assi tradizzjonali oħra meta tittieħed deċiżjoni dwar il-mergers u l-akkwiżizzjonijiet diġitali; jisħaq ukoll li l-konsolidazzjoni tad-data permezz ta’ mergers u akkwiżizzjonijiet tista’ ssaħħaħ pożizzjoni dominanti; |
Tassazzjoni
|
48. |
Jiddeplora l-effetti distorsivi tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa u tas-sistemi tat-taxxa ta’ ċerti Stati Membri fuq il-kompetizzjoni ġusta, peress li jistgħu joħonqu l-innovazzjoni u jipperikolaw il-kontestabbiltà tas-swieq, speċjalment għall-SMEs; jitlob li l-kumpaniji li jevitaw it-taxxa billi jużaw rifuġji fiskali f’pajjiżi mhux tal-UE jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u pprojbiti milli jirċievu għajnuna mill-Istat, peress li dawn il-kumpaniji qed jikkompetu taħt kundizzjonijiet inġusti ma’ kumpaniji stabbiliti f’postijiet li mhumiex rifuġji fiskali; jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2020 biex ma jingħatax appoġġ finanzjarju lill-kumpaniji b’rabtiet ma’ rifuġji fiskali, filwaqt li jiġu protetti l-kontribwenti onesti; |
|
49. |
Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li timmulta lill-pajjiżi li jinsabu li jkunu kisru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-prattiki tad-deċiżjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri; |
|
50. |
Jinnota l-impenn tal-Viċi President Šefčovič u tal-Kummissarju Hoekstra li jvaraw diskussjoni dwar l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili; ifakkar fit-talba tiegħu li jiġu implimentati politiki, skedi ta’ żmien u miżuri konkreti biex is-sussidji għall-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment permezz ta’ miżuri tat-taxxa mill-aktar fis possibbli; |
|
51. |
Jilqa’ l-viġilanza tal-Kummissjoni fl-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni; |
|
52. |
Jiddeplora, fl-istess ħin, il-fatt li diversi deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni f’każijiet ta’ kompetizzjoni ta’ profil għoli fil-qasam tat-tassazzjoni ġew annullati mill-QĠUE; jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-kawżi tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni b’aktar reqqa sabiex ikunu jistgħu jreġu f’qorti; jinnota, bi tħassib, li l-annullament tal-multi u l-ħlas retroattiv tal-imgħax ta’ inadempjenza f’każijiet annullati joħolqu wkoll riskju baġitarju għall-UE; |
Involviment parlamentari
|
53. |
Jisħaq li l-Parlament għandu jiżvolġi rwol attiv fit-tiswir tal-politika tal-kompetizzjoni u għandu jkun aktar involut fl-attività tal-gruppi ta’ ħidma u tal-gruppi ta’ esperti; iqis li għandu jsir użu aktar frekwenti mid-dritt tal-Parlament li jintervjeni fi proċedimenti ġudizzjarji li jikkonċernaw il-liġi tal-kompetizzjoni; |
|
54. |
Jistieden lill-Kummissarju responsabbli inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni biex jibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Kumitat kompetenti tal-Parlament u mal-grupp ta’ ħidma tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni;
° ° ° |
|
55. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. |
(1) Testi adottati, P9_TA(2023)0227.
(2) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2022, Ilumina, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-227/21, ECLI:EU:T:2022:447.
(3) ĠU C 131 I, 24.3.2022, p. 1.
(5) ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1.
(8) ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.
(10) ĠU C 36, 31.1.2023, p. 1.
(11) ĠU L 330, 23.12.2022, p. 1.
(12) Kummissjoni Ewropea, “ Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni”, 13 ta’ Settembru 2023.
(13) ĠU L 119, 5.5.2023, p. 22.
(14) ĠU C 23, 23.1.2023, p. 1.
(15) Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms Inc et vs Bundeskartellamt, C-252/21, ECLI:EU:C:2015:537.
(16) DG COMP Code of good practices for a transparent, inclusive, faster design and assessment of IPCEIs.
(17) ĠU C 101, 27.4.2004, p. 78.
(18) ĠU C 259, 21.7.2023, p. 1.
(19) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, “ Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2022”, 25 ta’ Ottubru 2023.
(20) OECD, “ Competition and Inflation: OECD Competition Policy Roundtable Background Note”, 2022.
(21) Il-Greċja, il-Ġermanja.
(22) Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(23) L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, “ Report on CRA Market Share Calculation ”, 15 ta’ Diċembru 2022.
(24) Il-Kummissjoni Ewropea, “Booking Holdings/Etraveli Group”, data tad-deċiżjoni: 25 ta’ Settembru 2023.
(25) Il-Kummissjoni Ewropea, “ Antitrust: Commission opens investigation into possible anticompetitive practices by Microsoft regarding Teams ”, 27 ta’ Lulju 2023.
(26) Ara d-deċiżjonijiet uffiċjali DMA. 100044, 100040, 100035, 100027, 100026, 100025, 100024, 100020, 100018, 100017, 100016, 100013, 100011.
(27) Il-Kummissjoni Ewropea, “Study on the impact of recent developments in digital advertising on privacy, publishers and advertisers”, p. 263-264.
(28) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.
(29) Deċiżjoni DMA. 100015; DMA. 100028 u DMA. 100034.
(30) Deċiżjoni DMA. 100047 u DMA. 100022.
(31) Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(32) Is-Summit tal-G7 f’Hiroshima, “ Compendium of approaches to improving competition in digital markets ”, 8 ta’ Novembru 2023.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5705/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)