European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5357

2.9.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2024/5357)

Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, jistgħu jippreżentaw, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Aglonas maizes veistūklis”

Nru tal-UE: PGI-LV-03015 — 18.10.2023

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Aglonas maizes veistūklis”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Latvja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-“Aglonas maizes veistūklis” huwa ħobż tas-segala b’biċċiet ta’ xaħam tal-majjal imnixxef u basal moħmija fih.

Dehra ta’ barra u forma: ħobża twila bit-truf ittundjati, bejn wieħed u ieħor erba’ darbiet itwal minn kemm hi wiesgħa. Hemm tliet xquq fuq kull naħa tal-qoxra ta’ fuq. Qoxra: skura, lixxa, tleqq. Il-qalba, meta tinqata’ b’mod trasversali, hija skura, b’pori akbar jew iżgħar, elastika, u tista’ tkun kemxejn umda. Il-biċċiet tax-xaħam tal-majjal u tal-basal jinsabu fuq naħa waħda tal-qiegħ tal-għaġina.

Karatteristiċi fiżiċi

Togħma tal-prodott: L-“Aglonas maizes veistūklis” jgħaqqad it-togħmiet ta’ erbgħa mill-ingredjenti tiegħu: il-ħobż tas-segala, ix-xaħam tal-majjal imnixxef, iż-żerriegħa tal-karwija u l-basal. It-togħmiet jibqgħu fil-ħobż permezz tal-qoxra lixxa, tleqq u kannella skura tal-ħobż oħxon tas-segala. Il-qtugħ djagonali tal-ħobża jeżalta u jgħaqqad kull waħda mit-togħmiet li jinsabu fil-biċċiet, li jqanqal is-sensi fl-ilsien.

Aroma: aromi ta’ ħobż tas-segala moħmi u ta’ duħħan tal-injam tas-siġar u dawk il-karatteristiċi tax-xaħam tal-majjal affumikat, taż-żrieragħ tal-karwija friski u tal-basal. L-aroma ġenerali tiftaħlek l-aptit.

Kulur: L-“Aglonas maizes veistūklis” għandu qoxra kannella skura u tleqq, u l-lewn kannella skur karatteristiku tal-qalba tal-ħobż huwa viżibbli fis-sezzjoni trasversali. Il-qalba kannella fiha biċċiet tax-xaħam tal-majjal imnixxef u basal li l-kulur tagħhom ivarja minn abjad pur għal kemxejn isfar.

Sawra: qoxra pjuttost iebsa, qalba ratba u ħoxna tas-segala, struttura kemxejn poruża u biċċiet rotob tax-xaħam tal-majjal imnixxef. Meta wieħed jagħfas bil-mod fuq l-“Aglonas maizes veistūklis” tibqa’ daqqa żgħira, iżda mbagħad il-ħobża terġa’ titla’. Waħda mill-karatteristiċi superjuri tal-ħobża hija li hija aktar elastika milli iebsa.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji tal-produzzjoni li ġejjin isiru fiż-żona ġeografika: il-preparazzjoni tal-għaġina tas-segala (it-taħlit, il-fermentazzjoni u l-għaġna tal-għaġina), it-tqattigħ tax-xaħam tal-majjal imnixxef u tal-basal għall-mili, l-iffurmar tal-“Aglonas maizes veistūklis”, it-tqegħid tal-mili fuq naħa waħda tal-qiegħ tal-għaġina u t-trembil tal-mili fl-għaġina, u l-iffurmar, l-illixxar u l-ħami tal-ħobża. L-“Aglonas maizes veistūklis” jinħema fuq weraq tal-aġġru f’forn tal-ħobż tal-injam tal-alnu u tal-luq għal 50–56 minuta, jew f’forn tal-elettriku f’temperatura ta’ +300 °C għal madwar 10 minuti, imbagħad f’temperatura ta’ + 250 °C għal 15-il minuta u f’temperatura ta’ + 180 °C għal 10 minuti. Ladarba l-ħobżiet jinħmew, jitraxxax l-ilma kiesaħ fuqhom, jitgħattew b’ċarruta mxarrba u jitħallew jibirdu, u kull ħobża mbagħad tiġi ppakkjata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-parroċċa ċivili ta’ Aglona f’Latgale, il-Latvja.

Il-parroċċa ċivili ta’ Aglona hija unità territorjali tal-muniċipalità ta’ Preiļi u tinsab fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Lag Rušons fil-grigal tal-muniċipalità. Il-fruntieri tal-parroċċa ċivili ta’ Aglona fuq il-parroċċi ċivili ta’ Grāveri, Kastuļina u Šķeltova fil-muniċipalità ta’ Krāslava, il-parroċċi ċivili ta’ Ambeļi u Višķi fil-muniċipalità ta’ Augšdaugava, u l-parroċċa ċivili ta’ Rušona fil-muniċipalità ta’ Preiļi. Iċ-ċentru amministrattiv tal-parroċċa ċivili huwa Aglona.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-bażi tar-rabta maż-żona ġeografika hija r-reputazzjoni tal-prodott, li hija bbażata fuq tradizzjonijiet u karatteristiċi storiċi li ilhom jeżistu, b’mod partikolari metodu ta’ produzzjoni li baqa’ l-istess minn tmiem is-seklu 19. F’Latgale, b’mod speċifiku f’Aglona, il-ħobż kien jinħema f’kull razzett biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja, u d-dar kellha t-tagħmir kollu li kellha bżonn biex tagħmel dan – mitħna għat-tħin tal-ħbub, reċipjent tal-għaġna, pali tal-ħobż u fran tal-briks magħmulin id-dar. Ħafna minnhom ġew ippreservati u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-metodu użat għall-produzzjoni tal-prodott u r-riċetta ġew ippreservati wkoll u ma nbidlux minn tmiem is-seklu 19 f’din iż-żona ġeografika. L-“Aglonas maizes veistūklis” għadu s’issa jrid jiġi ppreparat bl-idejn, li jibda bil-preparazzjoni u l-fermentazzjoni tad-dqiq mismut u jkompli bl-għaġna tal-għaġina tas-segala, l-iffurmar tal-“Aglonas maizes veistūklis”, il-mili tal-qiegħ tal-għaġina b’biċċiet tax-xaħam tal-majjal imnixxef u l-basal, it-trembil ta’ dawk il-biċċiet fl-għaġina u l-ħami tal-prodott.

Fl-antik, f’dan ir-reġjun, il-“veistūklis” kien jinħema fid-djar esklużivament għall-konsum proprju (ara l-ġabriet tal-esperjenzi ta’ V. Kudiņa fil-perjodiku “Praktiskais Latvietis, L. Mežniece fil-perjodiku Mājas Labumi, I. Čekstere” fil-ktieb Mūsu maize [“Ħobżna ta’ Kuljum”]. Dan il-fatt jissemma fl-enċiklopediji mill-akkademiku J. Kursīte). It-toponimu “Aglonas” ġie miżjud mal-isem tal-prodott 22 sena ilu meta beda jiġi prodott skont il-metodu tal-antenati f’forn (forn li nfetaħ f’Aglona fl-2000, li joffri taħlita wiesgħa ta’ ħobż għall-bejgħ, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”), iżda r-riċetta antika tar-reġjun tagħna u x-xogħol bl-idejn ikomplu jintużaw fil-proċessi kollha.

Il-“maizes veistūklis” minn żmien twil kien prodott speċifiku, importanti u sodisfaċenti ħafna, li jittiekel kemm bħala ikel ta’ kuljum kif ukoll fil-festi. Minn dejjem kien xi ħaġa mfittxa mit-tfal. Kien jittiekel mal-baqta jew max-xorrox tal-butir; illum il-ġurnata jittiekel ukoll ma’ xarbiet qarsa oħra tal-ħalib (kefir, “ryazhenka”). Il-ħami ta’ diversi varjetajiet ta’ ħobż, inkluża l-preparazzjoni tal-“Aglonas maizes veistūklis”, għadu importanti ħafna f’Aglona, u l-ħobż jibqa’ sors bażiku ta’ għajxien. Il-Mużew tal-Ħobż, imwaqqaf fl-2005, juri ħobż minn Aglona, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”. Min-naħa l-oħra, ir-rispett u l-promozzjoni tat-tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħobż jgħinu biex tiġi żviluppata u promossa l-ħidma tal-Mużew tal-Ħobż ta’ Aglona, li jattira aktar minn 13 000 turist fis-sena. Dan iqajjem l-interess tan-nies fl-importanza u l-valur tal-ħobż.

Il-persuni li jħejju u jaħmu l-“Aglonas maizes veistūklis” huma d-dixxendenti tal-familji li jgħixu fiż-żona ddefinita fil-punt 4. Il-memorji tal-maniġer tal-forn Vija Kudiņa li jmorru lura għal aktar minn 50 sena ġew ippubblikati fir-rivista Praktiskais Latvietis fl-2023: “Il-‘maizes veistūklis’ ilu jeżisti kemm ili niftakar. Ommi, li għexet f’dan ir-reġjun ġeografiku, kienet imfittxija ħafna bħala koka għal okkażjonijiet festivi, u ta’ tifla żgħira kont nakkumpanjaha fid-djar fejn kienu qed iseħħu dawk iċ-ċelebrazzjonijiet; anki tifla fuq ruħha bħali setgħet tkun utli fil-kċina. Kont kurjuża u inkwiżittiva u kont niskanta nara kif kienu jaħdmu l-aqwa koki tad-dar. Kont nieħu nota tal-affarijiet. Kont nistaqsi l-mistoqsijiet. U kien il-‘maizes veistūklis’ li laqatni l-aktar: irriżulta li dan jista’ jkun ikel għal okkażjonijiet festivi u mhux biss xi ħaġa moħmija d-dar għat-tfal. Fid-dar tagħna, 8 kilometri ’l bogħod minn Aglona, ħa l-forma ta’ ħobża żgħira, magħmula mill-għaġina li jifdal wara l-ħami ta’ ammont kbir ta’ ħobż. Din il-ħobża żgħira akkumpanjatni kull fejn mort f’ħajti, u għal dawn l-aħħar 22 sena, mill-ftuħ tal-forn ta’ Aglona – u wara dan, il-Mużew tal-Ħobż ta’ Aglona – kienet hemm, fuq l-ixkafef u fuq l-imwejjed flimkien mal-ħobż l-ieħor, tippromwovi l-wirt kulinari ta’ Aglona u Latgale.”

Ir-rabta bejn l-“Aglonas maizes veistūklis” u ż-żona tal-produzzjoni tiegħu hija bbażata fuq ir-reputazzjoni ta’ dan il-ħobż speċjali u l-għarfien tan-nies ta’ dan ir-reġjun li jagħmluh, li jagħmluh b’tali mod li jżomm il-karatteristiċi deskritti fil-punt 3.2.

Ir-reputazzjoni tal-“Aglonas maizes veistūklis” ġejja prinċipalment mit-tradizzjoni immutabbli, mgħoddija fi ħdan il-familji minn ġenerazzjoni għal oħra fuq perjodu twil ta’ żmien, tal-ħami tal-ħobż fil-fran tal-briks li bnew huma stess, li jipproduċu ħobż li huwa perfettament identiku f’termini ta’ kompożizzjoni u dehra u li l-uniċità tiegħu rebħet il-qlub tal-konsumaturi.

Il-prodott huwa l-aktar magħruf u kkunsmat f’Aglona u madwarha, iżda jitfaċċa f’fieri madwar Latgale kollu. Bis-saħħa tal-industrija tat-turiżmu, il-viżibbiltà tiegħu żdiedet b’mod sinifikanti matul is-snin, mhux biss fil-Latvja, iżda wkoll fil-pajjiżi ġirien.

Ir-reputazzjoni tal-“Aglonas maizes veistūklis” hija attestata mid-disponibbiltà kummerċjali faċli tiegħu u mill-fatt li l-produzzjoni tiegħu ntweriet fil-fiera internazzjonali tal-prodotti “Riga Food”, f’avvenimenti li saru fil-Mużew Miftuħ Latvjan tal-Etnografija, fil-festivals internazzjonali tal-folklor BALTICA, kif ukoll f’festivals lokali bħal dawk li jsiru kull sena fil-bliet u l-irħula ta’ Latgale bħal Rēzekne, Daugavpils, Ludza, Dagda, Preiļi, Krāslava, waqt il-laqgħa tal-koki tad-dar festivi tal-Latvja f’Mežaparks f’Riga, f’workshops għall-adulti u ż-żgħażagħ f’Riga, f’Vidzeme u f’Kurzeme, u fi stands kummerċjali u avvenimenti ta’ dewqan f’għadd kbir ta’ fieri. Il-ħobżiet żgħar tal-“Aglonas maizes veistūklis” li għandhom is-simbolu ta’ Aglona u huma mżejna bi sbul tas-segala u motifi tal-fjuri (skont l-istaġun), huma popolari wkoll f’avvenimenti iżgħar bħaċ-ċelebrazzjonijiet tal-familja, il-ħsad, iż-żrigħ, iċ-ċelebrazzjonijiet staġjonali, eċċ.

Sa mit-twaqqif tal-Mużew tal-Ħobż ta’ Aglona fl-2005, l-“Aglonas maizes veistūklis” u l-mużew huma inseparabbli. Dan jidher mill-pubblikazzjoni Uz Aglonu pēc īstas senču maizes rikas [“Lejn Aglona għal biċċa ħobż tal-antenati ta’ veru”] (TVNET, id-9 ta’ Awwissu 2005): “Fil-Mużew ta’ Aglona bdew jaħmu l-‘Aglonas maizes veistūklis’. Vija tgħid li fl-antik, il-Latvjani kellhom familji kbar u kienu jaħmu ħobż li kien idum aktar. Kienu jimlew l-aħħar biċċa għaġina bix-xaħam tal-majjal (). Veru li kien ħobż għali, żgur, iżda tista’ taqta’ l-aptit b’biċċa waħda.” Kull sena l-Mużew jilqa’ turisti mil-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja, il-Polonja, l-Iżvezja, il-Finlandja, l-Ingilterra u pajjiżi oħra. It-turisti jingħataw introduzzjoni għall-varjetajiet speċjali tal-ħobż ta’ Latgale, primarjament l-“Aglonas maize veistūklis”, li l-preparazzjoni tagħhom tintwera wkoll. Il-prodott wara jindaq u jiġi offrut għall-bejgħ, peress li kulħadd ikun irid jieħu l-“Aglonas maizes veistūklis” miegħu d-dar bħala rigal għall-familja tiegħu.

Il-ktieb tal-viżitaturi tal-Mużew tal-Ħobż mimli bil-kumplimenti, kemm dwar l-akkoljenza kif ukoll dwar il-platti Latvjani delizzjużi, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”, peress li ħobż ta’ dan it-tip ma jinstab imkien ieħor. Il-mużew jorganizza masterclasses għall-istudenti tal-iskola biex jitgħallmu kif jaħmu l-ħobż (inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”). Dawn l-avvenimenti jsiru bħala parti mill-programm “Latvijas skolas soma” [“basket tal-iskola Latvjan”], il-proġett kollu ta’ Latgale “Tikšanās ar savu maizes kukulīti” [“Iltaqa’ mal-ħbejża tiegħek”] u l-proġett “Maizes stāsts” [“L-istorja tal-ħobż”] organizzat mill-awtoritajiet lokali.

L-istorja tal-kooperazzjoni ta’ 15-il sena tal-Mużew tal-Ħobż ta’ Algona man-Network Ewropew tal-Wirt Kulinarju Reġjonali u l-assoċjazzjoni taċ-Ċentru tal-Patrimonju Kulinarju Latvjan jistħoqqilha referenza speċjali. Dawn l-organizzazzjonijiet ħadmu flimkien biex jippromwovu l-valuri ta’ Latgale, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”, f’festivals u konferenzi u permezz ta’ żjarat esperjenzjali u ta’ studju lejn il-Litwanja, l-Estonja, l-Iżvezja, it-Turkija, eċċ. Meta d-delegazzjonijiet minn pajjiżi li huma parti min-Network Ewropew tal-Wirt Kulinarju Reġjonali jiġu f’Latgale, jingħataw bħala rigal speċjali l-“Aglonas maizes veistūklis”.

L-“Aglonas maizes veistūklis” kiseb ukoll rikonoxximent taħt żewġ proġetti ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera – “Improvement of culinary services in the Latgale and Vitebsk regions, based on the concept of culinary heritage” (BELLA CUSINE, 2013-2014) u “Preservation and promotion of culinary heritage and traditional craft skills (BELLA CULTURE 2020-2022)”. L-“Aglonas maizes veistūklis” indaq f’avvenimenti organizzati taħt dan il-programm internazzjonali. Fl-2014 ġie ppubblikat ktieb intitolat Dari pats BELLA tradīcijās [“Segwi l-metodu BELLA”], dwar il-parteċipanti tal-programm. Fih l-artiklu “Tur, kur smaržo pēc maizes” [“Il-post riħa ta’ ħobż”], li jiddeskrivi t-tradizzjonijiet u l-varjetajiet relatati mal-ħobż ta’ Aglona.

Ir-reputazzjoni tal-“Aglonas maizes veistūklis” tista’ titkejjel ukoll mill-kopertura wiesgħa tiegħu mill-media fl-istampa u fuq it-televiżjoni u r-radju. Dan jidher fl-istejjer, ix-xandiriet u d-dokumentarji li ġejjin: “Rudzu maize” [“Ħobż tas-segala”] (16 ta’ Ottubru 2021), “Vija Kudiņa – Aglonas muzeja saimniece” [“Vija Kudiņa – kuratur tal-Mużew ta’ Aglona”] (6 ta’ Settembru 2021), “La Dolce Vita ar Roberto” [“La Dolce Vita ma’ Roberto”] (15 ta’ April 2019), “Īstās latvju saimnieces” [“Koki tad-dar ta’ vera”] (10 ta’ Marzu 2016), “Aglonas muzeja dzimšanas diena” [“L-Anniversarju tal-Mużew ta’ Aglona”] (31 ta’ Awwissu 2017), “Latgolys laikadečs” (2012), “Dzīvesvieta” [“Post fejn tgħix”] (17 ta’ Marzu 2006).

Għall-kisbiet tagħha f’avvenimenti ta’ promozzjoni tal-ħobż ta’ Aglona, il-kuratur tal-Mużew tal-Ħobż Vita Kudiņa rebħet il-premju “Boņuks” fl-2015. Wara, fis-sala tal-kunċerti “GORS” f’Rēzekne, ġiet ippreżentata firxa ta’ ikel, mimlija platti ta’ Latgale, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”.

Kien hemm ukoll bosta pubblikazzjonijiet tal-istampa: “Godinot maizi, atklāja novadu dienu” [“Jitnieda jum il-muniċipalitajiet, b’omaġġ lill-ħobż”] fil-gazzetta Latgales Laiks (fl-20 ta’ Settembru 2013); “Īstās latvju saimnieces receptes” [“Riċetta ta’ koki tad-dar veri mil-Latvja”] fl-gazzetta Ezerzeme (12 ta’ Frar 2016); “Sandras Kalnietes konkursa ‘Atdzimst no pelniem’ balvu saņem Vija Ancāne” [“Vija Ancāne tirċievi premju fil-kompetizzjoni ta’ Sandra Kalniete ‘Lura mill-mewt’] (Nota: fl-2013 Vija Ancāne biddlet uffiċjalment kunjomha lura għal kunjom ta’ xebba Kudiņa) fil-gazzetta Latgales Laiks (14 ta’ Mejju 2010); “Dieva maizīte un ikdienišķā svētā” [“L-ostja u l-ħobża mqaddsa tagħna ta’ kuljum”] fil-gazzetta Latvietis (14 ta’ Awwissu 2015); “Aglonas maizes muzejs” [“Mużew tal-Ħobż ta’ Aglona”] fuq Wikipedia, l-enċiklopedija ħielsa (Ottubru 2021); “Mana 2022. gada vasara” [“Is-sajf tiegħi tal-2022”] fil-gazzetta Latvija Amerikā (5 ta’ Frar 2023); “Maize ar Māras Krusta svētību – kumoss pasaules garšu buķetē” [“Ħobż imbierek bis-salib ta’ Mara – parti mill-varjetà ta’ togħmiet tad-dinja”] fil-gazzetta Vietējā Latgales Avīze (23 ta’ Mejju 2014); u fir-rivisti – “Maize ikdienišķā un svētā” [“Il-ħobż imqaddes tagħna ta’ kuljum”] f’Mājas Labumi (2011); “Rudzu spēks ikdienā un svētkos” [“Is-saħħa tas-segala fil-ħajja ta’ kuljum u fiċ-ċelebrazzjonijiet”] f’Dārzs un Drava (April 2021), “Aglonas maizes veistūklis” fi Praktiskais Latvietis (Marzu 2023) u “Aglonas maizes veistūkļa ceļš” [“Il-vjaġġ tal-‘Aglonas maizes veistūklis’ ”] fir-rivista Saimnieks (April 2023).

L-awturi ta’ pubblikazzjonijiet kbar lanqas ma kienu indifferenti għall-ħobż ta’ Aglona, inkluż l-“Aglonas maizes veistūklis”. Għandhom jissemmew żewġ enċiklopediji mill-akkademika Janīna Kursīte: Neakadēmiskā latviešu valodas jeb novadu vārdene [“Glossarju mhux akkademiku Latvan jew reġjonali (2007) u Virtuves vārdene [“Glossarju tal-kċina”] (2012), fejn tiġi spjegata l-kelma “veistūklis”.

Il-kotba jipprovdu wkoll xhieda importanti: Mūsu maize minn Indra Čekstere (2004), tradott għall-Ingliż bħala “Our Daily Bread” [“Ħobżna ta’ Kuljum”], Maizes grāmata [“Il-Ktieb tal-Ħobż”] ta’ Vija Ancāne (Kudiņa), Latgales pavārgrāmata [“Il-Ktieb tar-Riċetti ta’ Latgale”] (2020), ippubblikat miċ-Ċentru tal-Patrimonju Kulinarju ta’ Latgale, u Tradīciju burtnīcas [“Kotba tan-noti ta’ traduzzjonijiet”] (2010).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.pvd.gov.lv/lv/lauksaimniecibas-un-partikas-produktu-norazu-registracija


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5357/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)