European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4850

12.8.2024

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2024 mir-Rumanija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fis-17 ta’ April 2024 fil-Kawża T-49/22, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-457/24 P)

(C/2024/4850)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Appellant: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, M. Chicu, R. Antonie, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-Rumanija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-49/22 kollha kemm hi u, tiddeċiedi mill-ġdid fl-imsemmija kawża billi tilqa’ t-talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2021/2020 (1), proposta mill-Gvern Rumen,

jew

– tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-49/22 kollha kemm hi u tibgħat lura l-imsemmija kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni oħra sabiex, f’din l-istanza, tintlaqa’ t-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2021/2020, proposta mill-Gvern Rumen;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tressaq erba’ aggravji.

A.

Ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 (2), moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014 (3) u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta:

stabbilixxiet li l-bażi legali tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tinbidel matul il-proċedura għall-verifika tal-konformità, anki waqt laqgħa bilaterali;

sostniet li l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Arikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, japplika mhux biss għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja iżda anki għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-assenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni;

qieset li l-aġir tal-Kummissjoni, li kien jikkonsisti f’sovrappożizzjoni parzjali ta’ żewġ investigazzjonijiet u l-kjarifika tardiva fl-ewwel investigazzjoni ta’ uħud mill-elementi rilevanti għat-tieni waħda, ma setax jikkostitwixxi “fattur estern” fit-tieni investigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 34(6)(b) tar-Regolament Nru 908/2014.

Billi wettqet dawn l-iżbalji ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali llimitat id-dritt tar-Rumanija għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

B.

Ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 44(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1307/2013 (4) u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn jikkonċerna l-ommissjoni dwar id-definizzjoni tar-raba’ mistrieħ meta mqabbla ma’ dik tal-mergħat, fil-każ ta’ raba’ li jinħadem ta’ bejn 10 u 30 ettaru.

Ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tal-awtoritajiet Rumeni meta kkonkludiet li dawn tal-aħħar allegatament ammettew b’mod impliċitu li ma kinux f’pożizzjoni li jiggarantixxu n-nuqqas ta’ riskju għall-fondi fir-rigward tar-raba’ li jinħadem ta’ bejn 10 u 30 ettaru.

Barra minn hekk, ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta:

ċaħdet, billi rreferiet għall-Artikolu 44(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-argumenti li jipprovdi li, fil-każ ta’ raba’ li jinħadem ta’ bejn 10 u 30 ettaru, anki jekk ir-raba’ mistrieħ kien konfuż mal-mergħat temporanji, ma kien jeżisti ebda riskju għall-fondi tal-Unjoni;

ddikjarat li l-konfużjoni bejn ir-raba’ mistrieħ u l-mergħat temporanji kienet ipproduċiet baraxx ta’ konsegwenzi, li qiegħdu inkwistjoni l-applikazzjoni tal-limiti ta’ ekoloġizzazzjoni bbażati fuq id-diversifikazzjoni tal-għelejjel, konformement mal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1307/2013;

stabbilixxiet, billi rreferiet għall-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar l-assenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-każ tar-raba’ li jinħadem ta’ bejn 10 u 30 ettaru;

ikkonkludiet, billi rreferiet għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-applikazzjoni, għas-snin tat-talba 2017 u 2018, ta’ korrezzjoni b’somma f’daqqa li qabżet id-doppju ta’ dik applikata għas-snin tat-talba 2015 u 2016 kienet iġġustifikata.

C.

Ksur tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji (5), fir-rigward tan-nuqqas ta’ “aġġornar tal-LPIS (6)”.

Ir-Rumanija ssostni li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet, b’mod kontradittorju, n-nuqqas ta’ “aġġornar tal-LPIS”, billi ddikjarat b’mod żbaljat li din tal-aħħar hija kkaratterizzata minn:

nuqqas ta’ aġġornar tal-LPIS kull 3 snin, b’nuqqas ta’ bażi legali f’tali sens;

l-iżbalji li rriżultaw min-nuqqas ta’ aġġornar tal-LPIS, minkejja li ma ġewx ikkonstatati żbalji ta’ tali tip fl-investigazzjoni tal-2018.

D.

Ksur tal-Artikoli 31, 34 u 35 tar-Regolament Nru 809/2014 (7), tal-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 640/2014 (8) u tad-Dokument ta’ Ħidma DS/CDP/2015/19 (9), sa fejn jikkonċernaw in-nuqqas dwar it-twettiq ta’ numru suffiċjenti ta’ kontrolli fuq il-post fil-kuntest tal-iskema ta’ pagamenti għall-ekoloġizzazzjoni.

Ir-Rumanija tqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li s-superfiċje mhux identifikabbli bħala SPUE (10) kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis totali għall-ekoloġizzazzjoni għal kull ettaru, sabiex tiżdied ir-rata ta’ kontrolli fuq il-post. F’tali kuntest, il-Qorti Ġenerali allegatament assimilat, b’mod żbaljat, is-superfiċje mhux identifikabbli bħala SPUE ma każ ta’ tnaqqis ta’ pagamenti għall-ekoloġizzazzjoni.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 tas-17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 413, p. 10).

(2)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).

(4)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3675 final tat-8 ta’ Ġunju 2015 intitolata, “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tal-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità u ta’ clearance tal-kontijiet”.

(6)  Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (iktar ’il quddiem il-‘LPIS’).

(7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).

(8)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).

(9)  Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni DS/CDP/2015/19, relatat maż-żieda fil-perċentwali ta’ benefiċjarji li għandhom jiġu vverifikati fil-kuntest tal-ekoloġizzazzjoni meta jiġi kkonstatat nuqqas ta’ konformità sinjifikattiva.

(10)  Skema ta’ pagament uniku skont l-erja.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4850/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)