|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4667 |
9.8.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Niżguraw il-futur tagħna
Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta
(COM(2024) 63 final)
(C/2024/4667)
Relatur:
Teppo SÄKKINEN|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 27.3.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
21.5.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
30.5.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
588 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
189/5/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Mira klimatika tal-UE għall-2040 se tipprovdi viżibbiltà fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050 u tikkontribwixxi għall-ambizzjoni klimatika globali. Il-KESE jappoġġja l-mira rakkomandata ta’ 90 % sal-2040, peress li tallinja max-xjenza dwar is-sehem ġust tal-Ewropa tal-mira ta’ 1,5 gradi. Il-KESE jenfasizza li l-mira hija eżiġenti u tista’ tinkiseb biss jekk ikun hemm fis-seħħ politiki abilitanti sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji Ewropej kif ukoll tranżizzjoni ġusta u permezz tal-użu tat-teknoloġiji kollha b’emissjonijiet żero u baxxi tal-karbonju b’mod kosteffettiv. |
|
1.2. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza t-tnaqqis reali tal-emissjonijiet permezz tat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili. Filwaqt li l-assorbimenti tal-karbonju għandhom rwol li qed jikber fil-kisba tal-miri klimatiċi tal-UE, id-dipendenza żejda fuq bjar ibbażati fuq l-art u industrijali tinvolvi inċertezzi u riskji ta’ intrappolament għad-dipendenza fossili jew it-telf ta’ bjar minħabba nirien fil-foresti, pesti u perikli oħra. L-assorbimenti tal-karbonju jeħtieġu inċentivi għalihom biex jaqdu l-parti limitata iżda sinifikanti tagħhom. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni xjentifika u ekonomika dwar il-bilanċ bejn it-tnaqqis u l-assorbimenti. |
|
1.3. |
Mira ambizzjuża għall-2040 tibni fuq il-kisba b’suċċess ta’ tnaqqis nett ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet sal-2030. Il-KESE jenfasizza li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u li jiġu appoġġjati n-negozji u l-unitajiet domestiċi Ewropej fl-adattament għall-ambjent regolatorju l-ġdid. |
|
1.4. |
Il-KESE jinnota li l-miri klimatiċi jirrikjedu livell bla preċedent ta’ investiment fid-dekarbonizzazzjoni. Dan jibni, fost l-oħrajn, fuq il-prevedibbiltà u l-konsistenza tal-ambjent regolatorju, riċerka, żvilupp u innovazzjoni effettivi, ħruġ ta’ permessi aktar rapidu, aċċess għall-finanzi u d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u l-prestazzjoni ġenerali tal-ekonomija Ewropea. Il-mira tal-2040 għandha tkun abbinata mal-għan li tinbena ekonomija b’saħħitha waqt it-tranżizzjoni, tiżdied is-sigurtà tal-enerġija Ewropea u jiġu pprovduti impjiegi ta’ kwalità għolja. Sabiex jiġi estiż l-impatt globali tat-tranżizzjoni nadifa Ewropea u jiġu sfruttati l-benefiċċji tat-tmexxija klimatika, il-KESE jappella lill-Kummissjoni ssegwi u tistabbilixxi għanijiet għat-tkabbir tal-esportazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi Ewropej ta’ teknoloġija nadifa. |
|
1.5. |
Hija meħtieġa dekarbonizzazzjoni aktar rapida f’setturi fejn il-kostijiet tat-tnaqqis huma relattivament baxxi u jeżistu soluzzjonijiet skalabbli sabiex jiġi akkomodat progress aktar gradwali f’setturi li diffiċli jitrażżnu. Il-KESE jappella biex il-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-UE ssir ħielsa mill-karbonju sal-2040, segwita mill-qrib mit-tisħin u t-tkessiħ. Id-disponibbiltà ta’ enerġija nadifa u affordabbli u ta’ infrastruttura tal-enerġija adatta għall-futur hija l-pedament għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra, bħall-industrija, il-bini u t-trasport. Il-KESE jipproponi mira indikattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li għandha tiġi stabbilita għas-settur agroalimentari permezz ta’ djalogu mill-qrib mal-bdiewa u partijiet ikkonċernati oħra, li tkun ibbażata fuq ix-xjenza, tiżgura s-sigurtà tal-ikel Ewropea u tqis il-kundizzjonijiet naturali differenti fl-UE. |
|
1.6. |
Sabiex jinżamm l-appoġġ pubbliku għall-politika Ewropea dwar il-klima u biex jiġu involuti l-livelli kollha tas-soċjetà, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ djalogu wiesa’ mal-partijiet ikkonċernati, inkluż mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u l-involviment taċ-ċittadini fl-istabbiliment tal-mira għall-2040 u l-iżvilupp tal-politiki ta’ akkumpanjament. Il-kontribut ta’ dan id-djalogu strutturat u l-korpi konsultattivi permanenti għandu jintuża ukoll fil-politiki nazzjonali dwar il-klima. Il-KESE jenfasizza l-possibbiltà ta’ żieda fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u domanda aktar baxxa għall-materjali u l-enerġija permezz tal-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi għal għażliet ta’ stil ta’ ħajja sostenibbli. |
|
1.7. |
Fit-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva għall-mira tal-2040, il-KESE jappella lill-Kummissjoni tespandi l-kontroll tal-kompetittività fir-rigward ta’ ekonomiji ewlenin oħra, inklużi l-politiki tagħhom dwar il-klima, l-enerġija u l-industrija u l-indikaturi ekonomiċi, biex tipprovdi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kompetittività globali u l-bażi industrijali tal-Ewropa u jiġi ssalvagwardjat il-mudell tagħna ta’ ekonomija tas-suq miftuħ bi standards ambjentali u soċjali għoljin. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
L-Unjoni Ewropea stabbiliet miri legalment vinkolanti għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-inqas 55 % sal-2030 u n-newtralità klimatika sal-2050. Bħala punt f’nofs triq, il-Kummissjoni hija meħtieġa mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima li tipproponi mira għall-2040. |
|
2.2. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (1) tissuġġerixxi mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 90 %. Il-Komunikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt mehmuża jkopru tliet għażliet possibbli: l-Għażla 1, trajettorja ta’ tnaqqis lineari sa 80 %; l-Għażla 2, tnaqqis ta’ 85-90 %; u l-Għażla 3, tnaqqis ta’ 90-95 %. Il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi wkoll baġit indikattiv tal-UE għall-gassijiet serra ta’ 16 GtCO2e għall-perjodu 2030-2050. |
|
2.3. |
Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ESABCC) irrakkomanda mira ta’ tnaqqis ta’ 90-95 % għall-2040 fir-rapport tiegħu f’Ġunju 2023, inkluż baġit għall-gassijiet serra ta’ 11-14 GtCO2e għall-perjodu 2030-2050 (2). Il-mira tal-2040 issuġġerita mill-Kummissjoni hija allinjata mal-firxa fil-mira proposta mill-ESABCC li rċeviet wkoll l-aktar appoġġ wiesa’ fil-konsultazzjoni pubblika li saret mill-Kummissjoni fl-2023. |
|
2.4. |
Il-Komunikazzjoni hija punt tat-tluq għal djalogu dwar il-mira tal-2040 u l-perkors biex din tintlaħaq. Din l-Opinjoni tal-KESE għandha l-għan li tikkontribwixxi għal din id-diskussjoni. Il-Kummissjoni se tħejji proposta leġiżlattiva dwar il-mira għall-2040 fil-mandat li jmiss, kif ukoll il-qafas ta’ politika għal wara l-2030 meħtieġ biex tintlaħaq il-mira. |
3. Kuntest globali għall-mira tal-UE għall-2040
|
3.1. |
Il-COP28 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li saret fl-2023 tappella lill-partijiet biex jitbiegħdu mill-fjuwils fossili kollha, jikkontribwixxu lejn it-triplikar tal-enerġija rinnovabbli u l-irduppjar tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika sal-2030 u jaċċelleraw l-użu ta’ teknoloġiji nodfa. Barra minn hekk, il-COP28 tappella lill-partijiet biex jallinjaw il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC) li jmiss tagħhom mal-perkors ta’ 1,5 grad f’konformità max-xjenza. |
|
3.2. |
Kif tiddikjara l-Komunikazzjoni, il-mira għall-2040 se tifforma l-bażi għall-NDC il-ġdid tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi, li jirrikjedi li l-UE tippreżenta mira li tirrifletti l-ogħla ambizzjoni possibbli tagħha għall-2035 lill-UNFCCC sal-bidu tal-2025. Il-KESE jenfasizza li l-mira klimatika għall-2040 u l-mira korrispondenti għall-2035 għalhekk iridu jirrispettaw l-impenji li saru mill-partijiet kollha fil-COP28 u għandhom jiġu adottati mingħajr dewmien. |
|
3.3. |
Il-KESE jinnota li l-Ewropa bħalissa tikkontribwixxi sehem ta’ 7 % tal-emissjonijiet globali, li qed ikompli jonqos hekk kif l-UE timxi ’l quddiem lejn in-newtralità klimatika fl-2050, filwaqt li terfa’ r-responsabbiltà li tkun fost l-ogħla emittenti storiċi. L-UE rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet territorjali tagħha bi 32 % mill-1990 u tiddiżakkoppja t-tkabbir ekonomiku mill-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bħala ekonomija ewlenija. Dan l-isfond jissottolinja kemm ir-responsabbiltà kif ukoll l-opportunità għall-Ewropa li tmexxi l-azzjoni klimatika globali u l-ħtieġa li tinvolvi ruħha ma’ ekonomiji ewlenin oħra sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KESE jfakkar fil-proposta tiegħu li d-diplomazija dwar il-klima tingħata status ewlieni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (3). |
|
3.4. |
It-tmexxija globali Ewropea fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima trid tiġi kkomplementata minn politiki li jiżguraw il-kompetittività tal-industriji Ewropej, il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi, u barra minn hekk li jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-finanzjament għall-klima, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li twaqqaf task force dwar is-swieq tal-karbonju. Billi tappoġġja l-istabbiliment ta’ sistemi tal-ipprezzar tal-karbonju f’pajjiżi terzi, flimkien mal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM), l-UE tista’ tippromovi l-estensjoni tal-ipprezzar tal-karbonju li bħalissa jkopri inqas minn kwart tal-emissjonijiet globali tas-CO2 (4). |
|
3.5. |
Tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili u li jiġu evitati dipendenzi ġodda fuq teknoloġiji u materja prima kritika. L-eliminazzjoni gradwali tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati tappoġġja l-awtonomija strateġika miftuħa u l-kompetittività tal-Ewropa. Mira ambizzjuża għall-2040 tista’ tikkontribwixxi għal żieda sinifikanti fis-sigurtà tal-enerġija tal-UE, u potenzjalment tnaqqas bin-nofs id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija minn aktar minn 55 % fl-2021 (5) għal 26 % fl-2040. Fl-2023, il-kostijiet netti tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili koprew 2,4 % tal-PDG tal-UE. Kriżijiet reċenti bħall-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja jenfasizzaw il-ħtieġa li tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u tal-materjali matul l-istadji kollha tat-tranżizzjoni. Fil-futur immedjat, it-twaqqif tal-bqija tal-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja lejn l-UE huwa vitali biex jitnaqqsu l-flussi tad-dħul li jiffinanzjaw l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. |
|
3.6. |
Il-kuntest ekonomiku globali sar aktar diffiċli bl-Att tal-Istati Uniti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni u d-dominanza dejjem tikber taċ-Ċina fil-ktajjen tal-provvista tat-teknoloġija nadifa. Il-KESE jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa li l-Ewropa żżomm bażi industrijali b’saħħitha, ittejjeb il-kapaċità Ewropea tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-produzzjoni f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u materja prima kritika u tiddiversifika s-sorsi ta’ provvista sostenibbli sabiex l-ekonomija tagħna tiġi dekarbonizzata u tkun tista’ tikkompeti mal-Istati Uniti u ċ-Ċina fuq bażi ugwali (6). Ir-rispons Ewropew għal tellieqa globali għas-sussidji għandu jibni fuq il-punti b’saħħithom tagħna, bħas-salvagwardja u l-iżvilupp tas-suq uniku. Kif ġie enfasizzat fid-Dikjarazzjoni ta’ Antwerp (7), huma meħtieġa nisġa industrijali b’saħħitha u djalogu soċjali msaħħaħ għat-twettiq b’suċċess tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. |
|
3.7. |
Il-KESE jinnota bi tħassib li skont l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, l-2023 kienet l-aktar sena sħuna rreġistrata u l-Ewropa qed tisħon darbtejn aktar mill-medja globali. L-ewwel Valutazzjoni Ewropea tar-Riskju Klimatiku (EUCRA, 2024) (8) li qatt saret tiddikjara li xi reġjuni fl-Ewropa huma hotspots għal riskji klimatiċi multipli, bħan-nirien fil-foresti, l-impatti tas-sħana u l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar, l-erożjoni u l-intrużjoni tal-ilma mielaħ. Azzjoni globali deċiżiva biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima tipprevjeni telf sinifikanti ta’ ħajjiet, impatti fuq is-saħħa u telf ekonomiku. Il-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni klimatika jaqbeż bil-bosta l-kost tal-azzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-benefiċċji soċjoekonomiċi ta’ azzjoni klimatika urġenti u mfassla tajjeb, inkluża kwalità tal-ħajja ogħla, tnaqqis fl-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u l-evitar tal-impatti ekonomiċi. |
|
3.8. |
Il-KESE jfaakkar fl-impenn tal-UE għall-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal u jinnota d-dipendenzi bejn il-klima u l-bijodiversità, peress li t-tibdil fil-klima jaċċellera r-riskji għan-natura, u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura pprovduti minn ekosistemi vibranti huma għodod effettivi ħafna fil-mitigazzjoni u l-adattament. Pereżempju, ir-restawr tal-artijiet mistagħdra se jgħin fil-ġestjoni tal-għargħar u tad-drenaġġ mill-maltempati, u l-konservazzjoni ta’ foresti antiki tista’ tissalvagwardja ħażniet kbar tal-karbonju. |
4. Il-mira klimatika għall-2040
|
4.1. |
Mira klimatika tal-UE għall-2040 se tipprovdi viżibbiltà fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050 u tikkontribwixxi għall-ambizzjoni klimatika globali. Il-KESE jappoġġja l-mira rakkomandata ta’ 90 % tnaqqis nett tal-emissjonijiet sal-2040, peress li tallinja max-xjenza dwar is-sehem ġust tal-Ewropa tal-mira ta’ 1,5 gradi (9). Fl-istess waqt, il-KESE jenfasizza li l-mira hija eżiġenti u tista’ tinkiseb biss permezz ta’ politiki abilitanti li jiżguraw il-kompetittività tal-industriji Ewropej u tranżizzjoni ġusta u l-użu tat-teknoloġiji kollha b’emissjonijiet żero u baxxi tal-karbonju b’mod kosteffettiv. |
|
4.2. |
Il-mira ta’ 90 % hija mira netta li tiġbor flimkien it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-karbonju permezz ta’ bjar bijoloġiċi u teknoloġiċi. Il-KESE jenfasizza li l-prijorità għandha tkun fuq it-tnaqqis reali tal-emissjonijiet u r-rwol tal-assorbimenti tal-karbonju għandu jkun komplementari. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa, abbażi ta’ evidenza xjentifika u analiżi ekonomika, il-bilanċ bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-karbonju sabiex ma jkunx hemm dipendenza żejda fuq bjar ibbażati fuq l-art jew industrijali li jinvolvu inċertezzi u riskji. Fl-istess ħin, l-assorbimenti tal-karbonju jridu jiġu inċentivati biex jaqdu l-parti limitata iżda sinifikanti tagħhom, u jibnu fuq il-Qafas ta’ Ċertifikazzjoni għall-Assorbiment tal-Karbonju (CRCF) li għadu kif ġie adottat. |
|
4.3. |
Il-qbid tal-karbonju fuq skala industrijali mill-proċessi industrijali huwa parti neċessarja minn mira ambizzjuża għall-2040 u l-perkors lejn emissjonijiet żero netti, kif rikonoxxut mill-IPCC, l-ESABCC u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE). Il-KESE jenfasizza li l-qbid tal-karbonju jrid ikun immirat lejn emissjonijiet residwi f’setturi li diffiċli jitrażżnu biex jiġi evitat intrappolament għall-użu kontinwu tal-fjuwils fossili fejn diġà jeżistu alternattivi fattibbli għad-dekarbonizzazzjoni. Il-qbid tal-karbonju jeħtieġ investimenti sinifikanti fil-qbid, il-loġistika u l-ħżin u jżid id-domanda għall-enerġija. Għalhekk, il-qbid tal-karbonju ma għandux ikun l-għażla ppreferuta għad-dekarbonizzazzjoni f’setturi fejn it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili diġà tkun fattibbli u kosteffettiva. Il-qbid tad-diossidu tal-karbonju bijoġeniku jista’ jiġġenera assorbimenti permanenti u jipprovdi sorsi sostenibbli ta’ CO2 għall-użu industrijali. |
|
4.4. |
Huma meħtieġa prattiki bħall-afforestazzjoni, l-agroforestrija, it-twaqqif tad-deforestazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġestjoni xierqa u r-restawr tat-torbieri u l-kultivazzjoni karbonika f’art agrikola biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis tal-bjar tal-karbonju tal-UE. Il-foresti u l-għelieqi Ewropej jikkontribwixxu wkoll għall-azzjoni klimatika billi jipprovdu materjali b’bażi bijoloġika li jistgħu jissostitwixxu r-riżorsi fossili u jaħżnu l-karbonju fil-kostruzzjoni tal-injam u fi prodotti oħra fit-tul. Il-KESE jenfasizza l-inċertezzi li wieħed jiddependi fuq bjar bijoloġiċi kbar minħabba l-inċertezzi fir-rapportar dwar il-proċessi naturali u, b’mod aktar allarmanti, riskji dejjem akbar bħan-nirien fil-foresti, il-pesti u l-mard u l-avvenimenti tat-temp li huma aggravati mit-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa. Għalhekk, għandha ssir enfasi dejjem akbar fuq l-adattament, u s-sehem tal-LULUCF mill-mira netta għandu jkun kawt. Sistemi ta’ monitoraġġ sodi huma meħtieġa biex jipprovdu informazzjoni regolari u f’waqtha dwar l-istat tal-ħażniet tal-karbonju. |
|
4.5. |
Il-mira ambizzjuża għall-2040 tibni fuq il-kisba b’suċċess ta’ tnaqqis nett ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet sal-2030. Il-KESE jinnota bi tħassib li l-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) attwali ma jammontawx għal ammont suffiċjenti biex tintlaħaq il-mira tal-2030 (10), u jitlob lill-Istati Membri jindirizzaw il-lakuni fl-NECPs aġġornati u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika għall-2030. Ħafna elementi tal-leġiżlazzjoni “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, bħall-ETS2 jew is-CBAM qed jidħlu fis-seħħ biss. In-negozji Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs u l-unitajiet domestiċi se jkollhom bżonn spazju u appoġġ biex jadattaw għall-ambjent regolatorju l-ġdid, inkluża ċ-ċertezza tal-investiment għall-industriji. |
|
4.6. |
Il-mira għall-2040 se tistabbilixxi t-trajettorja għan-newtralità klimatika sal-2050. Perkors mhux lineari se jinvolvi opportunitajiet u sfidi li jħallu impatt fuq il-pożizzjoni tal-Ewropa fir-rigward ta’ ekonomiji ewlenin oħra, inkluża l-ħtieġa li l-investimenti u l-użu tat-teknoloġija jiġu antiċipati u l-possibbiltà ta’ dipendenza mnaqqsa fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u t-tmexxija f’teknoloġiji nodfa. Fit-tħejjija tal-proposta leġiżlattiva għall-mira tal-2040, il-KESE jappella lill-Kummissjoni tespandi l-kontroll tal-kompetittività fir-rigward ta’ ekonomiji ewlenin oħra, inklużi l-politiki tagħhom dwar il-klima, l-enerġija u l-industrija u l-indikaturi ekonomiċi, u biex tipprovdi proposti dwar kif jista’ jitfassal perkors lejn dekarbonizzazzjoni aktar rapida b’mod li jsaħħaħ il-kompetittività globali u l-bażi industrijali tal-Ewropa u jissalvagwardja l-mudell tagħna ta’ ekonomija tas-suq miftuħ bi standards ambjentali u soċjali għoljin (11). |
|
4.7. |
Sabiex jinżamm l-appoġġ pubbliku għall-politika Ewropea dwar il-klima u biex jiġu involuti l-livelli kollha tas-soċjetà, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ djalogu wiesa’ mal-partijiet ikkonċernati u l-involviment taċ-ċittadini fl-istabbiliment tal-mira għall-2040 u politiki ta’ akkumpanjament. Il-KESE jħeġġeġ il-kontinwazzjoni tad-Djalogi dwar Tranżizzjoni Nadifa u jappoġġja r-rikonoxximent tal-Komunikazzjoni tal-ħtieġa għal djalogu strutturat u sistematiku mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u l-involviment ta’ atturi reġjonali. Il-KESE jappella wkoll lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu djalogi dwar l-enerġija u l-klima u jistabbilixxu korpi konsultattivi nazzjonali dwar il-klima. |
5. Perkors għall-mira tal-2040
|
5.1. |
Il-mira klimatika għall-2040 trid tkun akkumpanjata minn politiki abilitanti, bħal enfasi fuq tranżizzjoni ġusta u l-kompetittività industrijali tal-Ewropa. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi malajr kemm jista’ jkun djalogu dwar il-qafas ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija għal wara l-2030. |
|
5.2. |
Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tat-teknoloġiji kollha b’emissjonijiet żero u baxxi tal-karbonju fil-Komunikazzjoni. Skont l-AIE, il-maġġoranza tat-teknoloġiji meħtieġa għal azzjoni klimatika aċċellerata sal-2030 diġà huma disponibbli kummerċjalment, u l-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050 se tirrikjedi l-użu ta’ teknoloġiji li għadhom qed jiġu żviluppati (12). Għalhekk, mira ambizzjuża għall-2040 se tiddependi kemm fuq l-użu massiv ta’ teknoloġiji eżistenti kosteffettivi, ittestjati u ppruvati bħall-enerġija rinnovabbli, il-pompi tas-sħana u l-vetturi elettriċi, kif ukoll fuq l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ teknoloġiji emerġenti bħall-bijofjuwils avvanzati, l-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet, il-batteriji, il-fjuwils u l-materjali sintetiċi, ir-reatturi nukleari żgħar u modulari u l-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju, immirati b’mod partikolari lejn setturi diffiċli biex jitrażżnu. |
|
5.3. |
Biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tat-tmexxija klimatika, l-UE għandha timmira li tkun ambjent regolatorju u operattiv attraenti għall-iżvilupp, l-ittestjar, l-espansjoni u l-produzzjoni ta’ teknoloġiji u materjali nodfa. Filwaqt li l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti jistabbilixxi miri għall-awtosuffiċjenza Ewropea f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, l-UE għandha wkoll tintraċċa u ssegwi t-tkabbir tal-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi ta’ teknoloġija nadifa. Id-diġitalizzazzjoni u l-manifattura avvanzata huma meħtieġa biex jixprunaw ir-riindustrijalizzazzjoni Ewropea. Dan min-naħa tiegħu għandu jipprovdi impjiegi ta’ kwalità b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u paga tajba. Il-politiki ta’ wara l-2030 għandu jkollhom l-għan li jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw ir-regolamentazzjoni ekoloġika Ewropea b’mod partikolari biex jakkomodaw il-piż amministrattiv fuq l-SMEs. |
|
5.4. |
Hija meħtieġa dekarbonizzazzjoni aktar rapida f’setturi fejn il-kostijiet tat-tnaqqis huma relattivament baxxi u jeżistu soluzzjonijiet skalabbli sabiex jiġi akkomodat progress aktar gradwali f’setturi li diffiċli jitrażżnu. Is-settur tal-enerġija se jmexxi t-triq li trid tieġu l-Ewropa lejn in-newtralità klimatika. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-UE trid issir ħielsa mill-karbonju sal-2040, segwita mill-qrib mit-tisħin u t-tkessiħ. L-elettrifikazzjoni hija waħda mill-aktar strateġiji importanti għad-dekarbonizzazzjoni. Iż-żieda fis-sehem tal-użu tal-elettriku minn 23 % fl-2021 (13) għal aktar minn 50 % sal-2040 se tirrikjedi kważi l-irduppjar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, filwaqt li l-konsum totali tal-enerġija jonqos permezz ta’ żieda fl-effiċjenza enerġetika. |
|
5.5. |
L-enerġija rinnovabbli, speċjalment l-enerġija solari u mir-riħ, se tipprovdi l-biċċa l-kbira tat-tkabbir fil-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-enerġija nukleari tipprovdi karga bażika importanti fl-Istati Membri li jagħżlu li jużawha. Id-disponibbiltà tal-enerġija nadifa affordabbli u stabbli hija l-pedament għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra, bħall-industrija, il-bini u t-trasport. Il-KESE jfakkar fl-importanza tal-investiment fis-sistemi tal-enerġija bħall-grilji, il-flessibbiltà u l-ħżin u ż-żieda tal-interkonnettività tas-suq Ewropew tal-enerġija permezz ta’ infrastruttura tal-enerġija transfruntiera minn grilji sa pipelines tal-idroġenu (14), kif enfasizzat ukoll fir-rapport ta’ Letta dwar is-suq uniku. Sabiex il-flussi finanzjarji jiġu diretti lejn il-produzzjoni u l-infrastruttura tal-enerġija nadifa, il-KESE jappella għat-tneħħija gradwali tas-sussidji dannużi għall-fjuwils fossili. |
|
5.6. |
Il-KESE jinnota li l-miri klimatiċi tal-UE jirrikjedu livell bla preċedent ta’ investiment fid-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali eżistenti u t-trasport, investiment fil-manifattura ta’ teknoloġiji u materjali b’emissjonijiet żero netti u investiment fil-provvista tal-enerġija u tas-sħana nodfa biex jippermettu lil tal-ewwel. Dan jibni, fost l-oħrajn, fuq il-prevedibbiltà u l-konsistenza tal-ambjent regolatorju, permessi aktar rapidi, aċċess għall-finanzi b’enfasi partikolari fuq l-SMEs u d-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati. Mira ambizzjuża għall-2040 se tirrikjedi l-frontloading tal-investimenti annwali fid-dekarbonizzazzjoni, stmati li jammontaw sa EUR 710 biljun fis-sena mill-2030 sal-2040. Dan jeħtieġ li jiġi ffinanzjat prinċipalment billi jiġi mobilizzat il-finanzjament privat u mill-Istati Membri. Ir-rwol tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE biex ilaħħqu mad-domanda għandu jiġi indirizzat fit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. |
|
5.7. |
L-iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) kienet l-aktar mutur ta’ suċċess tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u se tkun l-aktar għodda importanti biex jintlaħqu l-miri klimatiċi għall-2030 u l-2040. Skont it-trajettorja lineari, il-kwoti fl-ETS se jispiċċaw sal-aħħar tas-snin 2030, meta xi setturi li diffiċli jitrażżnu inklużi l-industrija kimika u t-trasport marittimu se jibqgħu jiddependu fuq il-fjuwils fossili anke skont l-aktar xenarji ambizzjużi. L-ETS se tiġi rieżaminata fl-2026. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti viżibbiltà u prevedibbiltà dwar il-mira aħħarija tal-ETS u li tiġi ssalvagwardjata l-integrità tas-sistema. Għażla waħda biex jiġu ġġenerati kwoti limitati għall-emissjonijiet residwi mingħajr ma jiġi kompromess il-limitu massimu tal-emissjonijiet hija li l-assorbimenti robusti tal-karbonju jintrabtu mas-sistema tal-ETS. |
|
5.8. |
L-emissjonijiet mill-agrikoltura baqgħu fil-biċċa l-kbira stabbli matul is-snin 2000. Il-proċessi agrikoli, bħall-ħdim tar-raba’ u d-diġestjoni tal-bhejjem, jikkawżaw emissjonijiet inevitabbli waqt li l-agrikoltura nnifisha hija affettwata ħafna mit-tibdil fil-klima. Madankollu, prattiki xierqa jistgħu jimmitigaw dawn l-emissjonijiet, u l-bdiewa jistgħu jiġġeneraw ukoll assorbimenti tal-karbonju permezz tal-kultivazzjoni karbonika. Il-KESE jipproponi mira indikattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li għandha tiġi stabbilita għas-settur agroalimentari fi djalogu mill-qrib mal-bdiewa u partijiet interessati oħra, li tibni fuq id-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura u li tibbaża fuq ix-xjenza u r-riċerka. Il-mira għandha tiżgura sistemi tal-ikel sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u l-kompetittività tal-produzzjoni tal-ikel Ewropea (15), u tqis il-kundizzjonijiet naturali differenti fl-UE. Il-KESE jinnota r-rwol tal-bdiewa u tal-forestiera fil-bijoekonomija ċirkolari. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza lir-riċerka u l-iżvilupp li jistgħu jappoġġjaw l-agrikoltura Ewropea fit-tranżizzjoni ekoloġika lejn produzzjoni aktar sostenibbli b’inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-fondi biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika fl-azjendi agrikoli Ewropej. |
|
5.9. |
Il-KESE jinnota li xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli, bħal bidliet għal dieti tajbin għas-saħħa, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-materjali u l-prijoritizzazzjoni tat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi fejn possibbli jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi, u jnaqqsu wkoll l-impronta materjali u l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi. Il-KESE jemmen li parti importanti mit-tranżizzjoni hija l-awtomizzazzjoni tal-konsumaturi u tal-unitajiet domestiċi, pereżempju permezz tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni bbażata fuq il-fatti billi jiġu żgurati asserzjonijiet ekoloġiċi ta’ integrità għolja u bl-użu ta’ passes tal-prodotti diġitali, l-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-dritt għat-tiswija u tal-Ekodisinn, u inċentivi għal għażliet sostenibbli affordabbli. Bidla lejn stili ta’ ħajja sostenibbli għandha tiġi appoġġjata wkoll permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. |
|
5.10. |
It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika fit-triq lejn il-mira klimatika għall-2040 se tirrikjedi forza tax-xogħol b’ħiliet f’teknoloġiji ġodda u prattiki sostenibbli. Din il-bidla tippreżenta opportunità għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fi programmi edukattivi ġodda u taħriġ fil-ħiliet ekoloġiċi, u jallinjaw il-perkorsi tal-karriera tagħhom mal-ħtiġijiet ta’ ekonomija dekarbonizzata. Il-ħtieġa għal taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti għandha tiġi rikonoxxuta wkoll. L-enfasi tal-istrateġija fuq l-innovazzjoni u r-riċerka għandha ttejjeb l-opportunitajiet edukattivi fl-oqsma STEM relatati max-xjenza klimatika u t-teknoloġija ekoloġika. |
|
5.11. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jtenni l-ħtieġa għal Qafas ta’ Politika għal Tranżizzjoni Ġusta b’saħħtu li jkun iċċentrat fuq in-nies, jirreaġixxi għall-kundizzjonijiet lokali, jipproteġi n-natura u l-ambjent u jaħtaf l-opportunitajiet (16). |
Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Niżguraw il-futur tagħna – Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta, COM(2024) 63 final.
(2) https://climate-advisory-board.europa.eu/news/eu-climate-advisory-board-recommends-ambitious-2040-climate-target-and-urgent-transitions-for-the-european-union.
(3) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Diplomazija tal-UE dwar il-klima” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C, C/2024/1575, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1575/oj).
(4) https://www.worldbank.org/en/news/press-release/2023/05/23/record-high-revenues-from-global-carbon-pricing-near-100-billion.
(5) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Energy_statistics_-_an_overview.
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “(a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti” [COM(2023) 62 final] u “(b) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti (l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti)” [COM(2023) 161 final – 2023/0081 (COD)] (ĠU C 349, 29.9.2023, p. 179).
(7) https://antwerp-declaration.eu/pdf/declaration.pdf.
(8) https://www.eea.europa.eu/en/newsroom/news/europe-is-not-prepared-for.
(9) Il-Bord Konsultattiv tal-UE dwar il-klima jirrakkomanda mira klimatika ambizzjuża għall-2040 u tranżizzjonijiet urġenti għall-Unjoni Ewropea, https://climate-advisory-board.europa.eu/news/eu-climate-advisory-board-recommends-ambitious-2040-climate-target-and-urgent-transitions-for-the-european-union.
(10) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6622.
(11) Il-kompetittività u r-relazzjoni tagħha mal-istandards ambjentali u soċjali ġew diskussi aktar fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika [COM(2021) 550 final] (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 101), “L-iżgurar tal-kompetittività m’għandux jiġi interpretat ħażin bħala skuża għall-operat fl-aktar denominatur komuni baxx f’termini ta’ standards ekoloġiċi, f’suq globali”.
(12) https://www.iea.org/reports/net-zero-by-2050.
(13) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Energy_statistics_-_an_overview.
(14) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (COM(2022) 108 final) ( ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123).
(15) Il-kompetittività tas-settur agroalimentari ġiet definita aktar fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà alimentari u sistemi tal-ikel sostenibbli” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Franċiża) (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 72).
(16) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-qafas ta’ politika tal-UE għal tranżizzjoni ġusta: il-passi meħtieġa” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4667/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)