|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4577 |
29.7.2024 |
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2024 mir-Renju tad-Danimarka mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fit-28 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-364/20, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-337/24 P)
(C/2024/4577)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: C. Maertens, aġent, u R. Holdgaard u J. Pinborg, advokaten)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Belġju, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-364/20, Ir-Renju tad-Danimarka vs Il-Kummissjoni Ewropea. |
|
— |
prinċipalment, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) (1), sa fejn fiha huwa ddikjarat li “il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’taħlita ta’ self mill-Istat u garanziji tal-gvern favur Femern A/S, li d-Danimarka daħħlet fis-seħħ tal-anqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”, u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. |
|
— |
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi adottat interpretazzjoni wisq stretta tal-kunċett ta’ eżerċizzju ta’ poter pubbliku u billi naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet l-evalwazzjoni globali meħtieġa. Fil-punti 43 sa 65 u 75 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma wettqitx stħarriġ xieraq – skont l-Artikolu 107(1) TFUE – tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk l-attivitajiet ta’ Femern A/S jikkostitwixxux l-eżerċizzju ta’ poter pubbliku, kif kien sostna l-Gvern fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. Tali evalwazzjoni teħtieġ evalwazzjoni konkreta u globali ta’ jekk l-attività, min-natura u l-iskop tagħha kif ukoll ir-regoli li hija suġġetta għalihom, tikkostitwixxix eżerċizzju ta’ poter pubbliku.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx l-evalwazzjoni globali meħtieġa dwar jekk l-attivitajiet ta’ Femern A/S jikkostitwixxux attivitajiet kompletament jew parzjalment mhux ekonomiċi. Anki jekk l-attivitajiet ta’ Femern A/S ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala eżerċizzju ta’ poter pubbliku, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 145 sa 164 tas-sentenza appellata billi naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx evalwazzjoni globali tal-attivitajiet meħtieġ mill-ġurisprudenza sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet humiex kompletament jew parzjalment mhux ekonomiċi, kif kien sostna l-Gvern fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.
It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha li Fermen A/S twettaq attività ekonomika kompetittiva sa mill-fażi ta’ kostruzzjoni. Permezz tat-tielet aggravju huwa sostnut li anki jekk l-attivitajiet ta’ Fermen A/S ma jistgħux jitqiesu bħala eżerċizzju ta’ poter pubbliku jew attività oħra mhux ekonomika, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 176 sa 208 tas-sentenza appellata billi ma stħarrġitx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li Fermen A/S twettaq attività ekonomika sa mill-fażi ta’ kostruzzjoni sempliċement għaliex il-Kummissjoni evalwat li Femern A/S twettaq attività ekonomika fil-fażi operattiva.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4577/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)