|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4558 |
29.7.2024 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad – il-Bulgarija) – SN, LN vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite
(Kawża C-563/22 (1) , Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (Status ta’ refuġjat – Persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja - Direttiva 2011/95/UE - Artikolu 12 - Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat - Persuna rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA) - Kundizzjonijiet sabiex din il-persuna tkun tista’ tibbaża ruħha ipso facto fuq id-Direttiva 2011/95/UE - Waqfien tal-protezzjoni jew tal-għajnuna tal-UNRWA - Artikolu 4 - Sitwazzjoni ġenerali prevalenti f’settur taż-żona li fiha topera l-UNRWA - Evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti - Direttiva 2013/32/UE - Artikolu 40 - Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali - Elementi ġodda - Elementi diġà eżaminati fid-deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni preċedenti)
(C/2024/4558)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SN, LN
Konvenut: Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite
Dispożittiv
|
1) |
L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li: l-awtorità li tagħti deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija meħtieġa teżamina l-elementi ta’ fatt ippreżentati insostenn ta’ din l-applikazzjoni, inkluż meta dawn il-fatti jkunu diġà ġew evalwati mill-awtorità li tkun ċaħdet b’mod definittiv l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
2) |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li: il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib) (UNRWA), li minnha jibbenefika applikant għal protezzjoni internazzjonali, persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, għandha titqies li tkun waqfet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minn naħa, dan l-organu jkun jinsab fl-impossibbiltà, għal kwalunkwe raġuni, inkluż minħabba s-sitwazzjoni ġenerali fis-settur taż-żona ta’ operat tal-imsemmi organu li fih din il-persuna mingħajr Stat kellha r-residenza abitwali tagħha, li jiżgura lill-imsemmija persuna mingħajr Stat, fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-istat ta’ vulnerabbiltà tagħha, kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi, konformi mal-missjoni tiegħu, mingħajr ma din tkun obbligata turi li hija speċifikament affettwata minn din is-sitwazzjoni ġenerali minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha, u, min-naħa l-oħra, din l-istess persuna mingħajr Stat tkun issib ruħha, fil-każ ta’ ritorn lejn dan is-settur, fi stat ta’ nuqqas serju ta’ sigurtà, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-istat ta’ vulnerabbiltà tagħha, fejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji huma meħtieġa jwettqu evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq din id-dispożizzjoni, li fil-kuntest tagħha l-età tal-persuna kkonċernata tista’ tkun rilevanti. L-għajnuna jew il-protezzjoni tal-UNRWA għandha, b’mod partikolari, titqies li waqfet fir-rigward tal-applikant meta, għal kwalunkwe raġuni, dan l-organu ma jkunx jista’ jiżgura iktar lil ebda persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, li tirrisjedi fis-settur taż-żona ta’ operat ta’ dan l-organu fejn dan l-applikant kellu r-residenza abitwali tiegħu, kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi jew kundizzjonijiet minimi ta’ sigurtà. Il-punt dwar jekk il-protezzjoni jew l-għajnuna tal-UNRWA għandhiex titqies li waqfet għandu jiġi evalwat fil-mument li fih l-imsemmija persuna mingħajr Stat tkun telqet is-settur taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fih hija kellha r-residenza abitwali tagħha, f’dak li fih l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jagħtu deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha jew f’dak li fih il-qorti kompetenti tagħti deċiżjoni fuq kull rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiċħad din l-applikazzjoni. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4558/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)