European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4537

16.7.2024

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, imsemmija fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(C/2024/4537)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA LI TORIĠINA MINN STAT MEMBRU

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

“Sidra de Asturias / Sidra d’Asturies”

Nru tal-UE: PDO-ES-0260-AM02 - 11.3.2024

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem il-prodott

“Sidra de Asturias / Sidra d’Asturies”

2.   Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali u l-Ikel Agrikolu - Il-Gvern tal-Prinċipat tal-Asturji

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

Spjegazzjoni li l-emenda jew l-emendi jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

L-emendi deskritti u spjegati hawn taħt ma jinkludux bidla fl-isem tad-denominazzjoni ġeografika protetta, jew fl-użu ta’ dak l-isem; dawn ma jinvolvux riskju li titħassar ir-rabta, u lanqas ma jinvolvu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. Għalhekk, dawn l-emendi jikkwalifikaw bħala “emendi standard” f’konformità mat-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

1.

Kjarifika tal-identifikazzjoni u tal-proċess tal-produzzjoni tal-prodott kopert bħala “Sidra de Asturias” skont id-Digriet Reġju 72/2017

It-taqsimiet (B.1) Deskrizzjoni tal-prodott. Definizzjoni, (B.3) Deskrizzjoni tal-prodott. Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi, (C) Żona ġeografika, (E.10) Produzzjoni tal-Prodott. Stabbilizzazzjoni, (E.11) Produzzjoni tal-Prodott. Taħlil, (E.12) Produzzjoni tal-Prodott. Karbonazzjoni, (G) Prattiki Pprojbiti, (H.1) Rabta mal-ambjent ġeografiku. Rabta storika, (H.2) Rabta mal-ambjent ġeografiku. Rabta naturali u (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsimiet 3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1), 3.3. Għalf u materja prima, 3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita, 3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar u 5. Rabta maż-żona ġeografika, tad-Dokument Uniku.

Id-digriet reġju 72/2017 tal-10 ta’ Frar, li japprova l-istandard tal-kwalità għall-kategoriji differenti tas-sidru naturali u tas-sidru, iħassar l-Ordni tal-1 ta’ Awwissu tal-1979, inklużi d-denominazzjoni u d-deskrizzjoni tal-prodotti stabbiliti fiha.

Din il-pubblikazzjoni hija neċessarja sabiex jiġu adattati l-kategoriji tal-prodotti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott minħabba li l-istandard il-ġdid jidentifika kategorija tal-prodott imsejħa “Sidru” (sidru magħmul mill-most tat-tuffieħ u bid-diossidu tal-karbonju, li ma għandux għalfejn ikun seħħ naturalment), li d-deskrizzjoni tiegħu ma tikkorrispondix għall-kategorija stabbilita fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali (sidru magħmul minn tuffieħ frisk jew mill-most tiegħu u bid-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment biss), li tista’ toħloq konfużjoni fis-suq dwar l-identità vera tal-prodotti kkummerċjalizzati b’din id-denominazzjoni.

Sabiex jiġu ċċarati d-denominazzjonijiet li jidentifikaw il-prodotti koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, f’konformità mad-Digriet Reġju 72/2017, u biex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi, qed jintalab li d-denominazzjoni “Sidru” tiġi sostitwita b’“Sidru naturali frizzanti”, li d-definizzjoni tiegħu fil-leġiżlazzjoni l-ġdida hija konformi mal-prodott li jintuża tradizzjonalment fid-DOP, denominat bħala “Sidru” fl-Ispeċifikazzjoni attwali. Dan il-prodott huwa magħmul mill-most naturali tat-tuffieħ u għandu kontenut ta’ diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment biss, kif stabbilit fil-kategorija “Sidru naturali frizzanti” fid-Digriet Reġju 72/2017. Għalhekk, jitqies neċessarju li d-definizzjoni tal-prodotti koperti tiġi adattata skont id-Digriet Reġju 72/2017.

F’konformità mal-adattament tad-denominazzjoni msemmija hawn fuq, jitqies neċessarju li t-taqsima (E.11) It-tieni proċess tal-fermentazzjoni, tiġi inkluża fil-proċess tal-produzzjoni attwalment deskritt fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Reġju 72/2017 u l-prattiki komuni fiż-żona tad-DOP.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

2.

Adegwatezza tal-valuri tal-qawwa alkoħolika skont id-Digriet Reġju 72/2017 u kjarifika tad-definizzjoni legali tal-parametru “pressjoni”

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (B.1) Deskrizzjoni tal-prodott. Definizzjoni, u (B.3) Deskrizzjoni tal-prodott. Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsima 3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1), tad-Dokument Uniku.

F’konformità mal-kjarifiki li saru fit-taqsima 3.1. ta’ din l-applikazzjoni, jitqies neċessarju li l-valur analitiku relatat mal-qawwa alkoħolika tas-Sidru naturali frizzanti jiġi aġġustat skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Reġju 72/2017:

. - Qawwa alkoħolika: qed jiġi propost li tiġi emendata l-qawwa minima stabbilita fis-Sidru (Sidru naturali frizzanti fl-emenda proposta għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott) minn 5,0 għal 5,5 % vol., kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Digriet Reġju 72/2017.

Din l-emenda ma taffettwax il-kwalità tal-prodotti koperti.

It-terminu “relattiv” huwa speċifikat fil-parametru tal-pressjoni sabiex id-denominazzjoni tiegħu tiġi adattata għat-terminoloġija legali u biex jiġi evitat li jiġi interpretat f’termini assoluti, jiġifieri filwaqt li titqies il-pressjoni atmosferika. Din il-kjarifika ma taffettwax il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tal-prodotti koperti, u lanqas l-interpretazzjoni tar-riżultati li nkisbet abbażi tal-parametru minn operaturi ċċertifikati waqt l-attività ta’ awtomonitoraġġ tagħhom, jew mill-Bord Regolatorju waqt l-attività ta’ ċertifikazzjoni tiegħu.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

3.

Tneħħija tal-prattiki permessi u kjarifika tal-prattiki pprojbiti

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (F) Prattiki permessi u (G) Prattiki Pprojbiti, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsima 3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1), tad-Dokument Uniku.

Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni tal-informazzjoni u tiġi evitata l-konfużjoni għall-operaturi tal-ipproċessar fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, qed jiġi propost li titneħħa t-taqsima F dwar il-prattiki permessi għad-DOP “Sidra de Asturias”. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li kwalunkwe prattika li mhijiex espressament ipprojbita se titqies bħala permessa u, abbażi ta’ din iċ-ċirkostanza u l-fatt li t-taqsima F ma tinkludix il-prattiki kollha potenzjalment permessi, qed jiġi propost li din it-taqsima titħassar, filwaqt li jiġu ċċarati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, biex b’hekk tiġi evitata l-interpretazzjoni ambigwa tagħha.

Barra minn hekk, jitqies neċessarju li jiġu ċċarati l-prattiki pprojbiti fil-proċess tal-produzzjoni tal-most u tal-kategoriji differenti tal-prodotti koperti. F’konformità mad-Digriet Reġju 72/2017 u sabiex dan jinftiehem aħjar, ġew inklużi prattiki pprojbiti u t-test ġie ssimplifikat bl-inklużjoni tad-deskrizzjoni ta’ wħud minn dawk diġà deskritti.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

4.

Tneħħija tar-referenzi għar-Regolament dwar id-DOP

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona, u (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsimiet 3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita, 3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar, tad-Dokument Uniku

Ir-referenzi għar-Regolament dwar id-DOP se jitneħħew peress li dan issa tħassar, u peress li r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-prodott kopert huma deskritti biss fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

5.

Sostituzzjoni tal-abbrevjazzjoni “D.O.P” b’“DOP”

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (A) Isem il-Prodott, (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona, (E.13) Ibbottiljar u (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsimiet 3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ., 3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar, tad-Dokument Uniku.

L-abbrevjazzjoni “D.O.P.” ġiet sostitwita b’“DOP” biex din tkun konformi ma’ dak li huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ u, b’mod aktar speċifiku, mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014, li jistabbilixxi fl-Anness X tiegħu, il-forma ta’ riproduzzjoni tal-abbrevjazzjonijiet li jintużaw biex jidentifikaw it-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” fid-diversi lingwi tal-Unjoni.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

6.

Sostituzzjoni tar-referenzi għal fabbriki awtorizzati

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Ir-referenza għal fabbriki awtorizzati ġiet sostitwita bir-referenza għal fabbriki ċċertifikati sabiex it-terminoloġija tkun konformi mas-sistema ta’ ċertifikazzjoni skont l-Istandard UNE-EN ISO/IEC 17065.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

7.

Tneħħija tar-referenza tal-firma taċ-ċertifikati

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Ir-referenza għall-firma taċ-ċertifikati maħruġa mill-President tal-Bord Regolatorju ġiet imħassra, b’hekk dan il-proċess ġie adattat għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita mill-Bord Regolatorju, f’konformità mal-Istandard UNE-EN ISO/IEC 17065.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

8.

Kjarifika dwar l-oriġini tal-kompost tad-diossidu tal-karbonju li jinsab fis-“sidri” koperti

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona u (E.13) Ibbottiljar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali.

It-taqsimiet 3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita u 3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

Minn naħa waħda, it-taqsima (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona, tirreferi għall-kontroll stabbilit biex jiġi żgurat li d-diossidu tal-karbonju fil-prodott ikun iseħħ naturalment. F’dan ir-rigward, peress li d-diossidu tal-karbonju jista’ jinkiseb mill-fermentazzjoni tal-most fis-sidru naturali u mill-fermentazzjoni tas-sidru naturali jew mill-karbonazzjoni fil-każ tas-sidru naturali frizzanti, qed jiġi propost li l-kliem “li jista’ jiġi inkorporat fil-każ tal-prodott ‘sidru’---, miksub mill-fermentazzjoni tal-most permezz tal-proċess li ġej:” jitħassar, peress li din hija sentenza mhux kompluta u li, barra minn hekk, toħloq konfużjoni.

Min-naħa l-oħra, it-taqsimiet (B.1) Deskrizzjoni tal-prodott u (E.12) Karbonazzjoni, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, jistabbilixxu li d-diossidu tal-karbonju li jinsab fil-prodotti koperti jrid ikun iseħħ naturalment. Barra minn hekk, it-taqsima (G) Prattiki pprojbiti (tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali) tipprojbixxi ż-żieda tad-diossidu tal-karbonju li ma jseħħx naturalment. Madankollu, it-test tat-taqsima (E.13) Ibbottiljar, jikkawża konfużjoni dwar l-oriġini reali tad-diossidu tal-karbonju li jinsab fil-prodotti koperti u l-obbligu li dan ikun iseħħ naturalment. Din it-taqsima tistabbilixxi li “l-fatt li s-sidri koperti jista’ jkun fihom biss id-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment, prodott matul il-proċess ta’ produzzjoni nnifsu, jinvolvi l-użu ta’ faċilitajiet xierqa…”. Permezz ta’ din it-taqsima jidher biċ-ċar li s-sidri koperti jista’ jkun fihom, jew ma jkunx fihom, id-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment. Dan ifisser li l-konformità ma’ dan ir-rekwiżit (inkluż id-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment) tkun fakultattiva. Dan jagħmilha possibbli li jintuża diossidu tal-karbonju li ma jseħħx naturalment.

Huwa meqjus neċessarju li t-test tat-taqsima (E.13) Ibbottiljar, jiġi modifikat biex ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsimiet l-oħra tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Għalhekk, qed jiġi propost biex l-espressjoni “jista’ jkun fihom”, li tindika sens ta’ volontarjetà, tiġi sostitwita b’“fihom”, li tagħmilha obbligatorja.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

9.

Sostituzzjoni tat-terminu “tikketti sekondarji” ma’ “tikketti” fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-imballaġġ tal-prodotti koperti

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsimiet (D) Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona u (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsima 3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar, tad-Dokument Uniku

Ir-referenzi għall-identifikazzjoni tal-prodotti koperti permezz tal-użu ta’ tikketti sekondarji numerati ġew sostitwiti ma’ referenzi għal tikketti numerati, sabiex din it-terminoloġija tkun konformi mas-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita mill-Bord Regolatorju f’konformità mal-Istandard UNE-EN ISO/IEC 17065.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

10.

Emenda tad-dettalji dwar il-korp ta’ spezzjoni kompetenti

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima (I) Korp ta’ Spezzjoni, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali u t-taqsima (H) Korp ta’ Spezzjoni tal-emenda proposta tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda qed tiġi proposta biex id-dettalji dwar il-Korp ta’ Spezzjoni jiġu aġġornati abbażi tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel u l-Liġi tal-Prinċipat tal-Asturji Nru 2/2019 tal-1 ta’ Marzu dwar il-kwalità tal-ikel, il-kwalità distinta u l-bejgħ dirett ta’ prodotti tal-ikel, wara li tinkiseb id-delega tal-kontroll.

Permezz ta’ riżoluzzjoni tal-1 ta’ Marzu tal-2021 tal-Ministeru Reġjonali għall-Affarijiet Rurali u l-Koeżjoni Territorjali tal-Prinċipat tal-Asturji, il-Bord Regolatorju tad-DOP “Sidra de Asturias” ġie awtorizzat bħala l-korp ta’ spezzjoni delegat biex iwettaq il-funzjonijiet ta’ kontroll uffiċjali ħalli tiġi vverifikata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP “Sidra de Asturias” qabel ma jiġi kkummerċjalizzat mill-operaturi li jużaw din id-denominazzjoni.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

11.

Tneħħija tal-projbizzjoni tal-użu simultanju ta’ trademarks fuq prodotti koperti u mhux koperti

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsima (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali u t-taqsima (I) Tikkettar tal-emenda proposta tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Qed jiġi propost li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użu simultanju ta’ marki ta’ identifikazzjoni fuq il-prodotti bid-denominazzjoni tad-DOP u mingħajrha, minħabba li tmur kontra l-użu liberu tat-trademarks.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

12.

Kjarifika tal-użu ta’ indikazzjonijiet obbligatorji u fakultattivi

Din l-emenda tikkonċerna:

It-taqsima (J) Tikkettar, tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali u t-taqsima (I) Tikkettar tal-emenda proposta tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-taqsima 3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar, tad-Dokument Uniku

Qed jiġi propost li t-terminoloġija li tintuża fit-tikkettar tal-prodott tiġi modifikata biex l-indikazzjonijiet obbligatorji u fakultattivi jiġu adattati ħalli tkun tista’ ssir distinzjoni tal-prodott fis-suq, dejjem abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali saret konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ewropea u, b’mod aktar speċifiku, mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, li jistabbilixxi l-possibbiltà li tiġi identifikata l-espressjoni “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” permezz tal-abbrevjazzjoni “DOP”. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali ma tawtorizzax l-użu ta’ dawn l-abbrevjazzjonijiet, peress li hija aktar restrittiva mil-leġiżlazzjoni Ewropea.

Bl-istess mod, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata dwar il-karatteristiċi organolettiċi essenzjali tal-prodott kopert, qed jiġi propost li l-identifikazzjoni tas-sidru (is-sidru naturali frizzanti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott emendata) issir obbligatorja biex jiġu identifikati t-termini relatati mal-kontenut taz-zokkor tiegħu.

Bara minn hekk, qed jiġi propost li fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiġi inkluż l-obbligu tal-identifikazzjoni tas-simbolu tal-Unjoni assoċjat mad-DOP fuq it-tikkettar tal-prodotti koperti, kif stabbilit fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

L-użu ta’ dan il-kliem fuq it-tikketti fl-ebda każ ma jimplika modifika fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott kopert.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku

13.

Tħassir tat-taqsima li tirreferi għar-rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali

It-taqsima (K) Rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tħassret, peress li ma jikkostitwixxix rekwiżit skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

14.

Inklużjoni tan-numri tal-paġni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Din l-emenda ma taffettwa l-ebda taqsima tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jew tad-Dokument Uniku.

Qed jiġi propost li jiġi inkluż in-numru tal-paġni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku

DOKUMENT UNIKU

“Sidra de Asturias / Sidra d’Asturies”

Nru tal-UE: PDO-ES-0260-AM02 - 11.3.2024

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Sidra de Asturias / Sidra d’Asturies”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.8. Prodotti oħra tal-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-prodotti li għandhom jiġu protetti mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Sidra de Asturias” huma:

Sidru naturali (“sidru tradizzjonali”): xarba li tirriżulta mill-fermentazzjoni alkoħolika sħiħa jew parzjali tat-tuffieħ frisk jew tal-most tiegħu, li ssir permezz ta’ prattiki tradizzjonali, mingħajr żieda ta’ zokkor, u li fiha biss diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment. Il-qawwa alkoħolika proprja minima tagħha trid tkun ta’ 5 % skont il-volum.

Is-sidru naturali huwa kkaratterizzat minn togħma sempliċi, li ssib bilanċ bejn qarsa u morra, u b’sensazzjoni ħafifa ta’ gass naturali. Għandu aroma nadifa u friska, b’noti varjetali jew tal-frott u sensazzjoni ħafifa ta’ aċidità. Ix-xarba għandha dehra trasparenti u tiddi, u jista’ jkollu kwalunkwe waħda mid-diversi sfumaturi ta’ isfar jew kulur it-tiben.

Sidru naturali frizzanti: huwa prodott li jirriżulta mit-tieni proċess tal-fermentazzjoni ta’ sidru naturali minħabba z-zokkor naturali tiegħu jew minħabba ż-żieda ta’ likur zokkri, li fih biss diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment. Il-qawwa alkoħolika proprja minima tiegħu trid tkun ta’ 5,5 % skont il-volum.

Dan jissejjaħ, skont il-kontenut taz-zokkor tiegħu, Brut Nature, meta jkollu inqas minn 3 g/L u mingħajr iż-żieda ta’ likur tad-dożaġġ; Extra brut meta jkollu inqas minn 6 g/L; Brut meta jkollu 12 g/L jew inqas; Xott ħafna meta jkollu aktar minn 12 g/L u 20 g/L jew inqas; Xott meta jkollu aktar minn 20 g/L u 30 g/L jew inqas; Xott mezzan meta jkollu aktar minn 30 g/L u 50 g/L jew inqas u Ħelu meta jkollu aktar minn 50 g/L u 80 g/L jew inqas.

Is-sidru naturali frizzanti huwa kkaratterizzat minn proprjetajiet organolettiċi għal togħma sempliċi li tista’ tkun Brut Nature, Extra Brut, Brut, Xotta ħafna, xotta, nofsha misjura jew ħelwa; bżieżaq tad-diossidu tal-karbonju naturali li jitilgħu mill-qiegħ u jaqbdu mat-truf tat-tazza; b’aroma nadifa u bilanċjata, b’togħma ħafifa ta’ tuffieħ frisk jew compote tat-tuffieħ; ix-xarba għandha dehra trasparenti u tiddi, u l-lewn tagħha jinkludi diversi sfumaturi tal-kulur isfar.

Prattiki pprojbiti

1.

Most

(a)

Kwalunkwe proċess li jimmodifika r-rikkezza naturali taz-zokkor tal-most naturali tat-tuffieħ.

(b)

It-taħlita ta’ most naturali ma’ most ikkonċentrat fi kwalunkwe proporzjon.

(c)

L-użu ta’ ħwawar artifiċjali mal-most.

(d)

Il-pasturizzazzjoni

(e)

Iż-żieda tal-ilma

2.

Sidru naturali u sidru naturali frizzanti

(a)

Iż-żieda artifiċjali tal-qawwa alkoħolika naturali hija pprojbita.

(b)

Iż-żieda tal-ilma fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni.

(c)

Iż-żieda ta’ nbid, frott iffermentat u/jew alkoħol minn kwalunkwe sors.

(d)

Iż-żieda ta’ dolċifikanti, kuluri u ħwawar artifiċjali.

(e)

Il-pasturizzazzjoni.

(f)

Iż-żieda ta’ diossidu tal-karbonju li ma jseħħx naturalment.

(g)

Iż-żieda ta’ most tat-tuffieħ ikkonċentrat, ħlief għal-likur zokkri u l-likur tad-dożaġġ, fil-każ tas-sidru naturali frizzanti.

(h)

Iż-żieda tas-sukrożju, ħlief għal-likur zokkri, li miegħu tista’ tiżdied il-kwantità strettament meħtieġa għat-tieni proċess tal-fermentazzjoni, fil-każ tas-sidru naturali frizzanti.

(i)

L-użu ta’ zokkor ta’ kwalunkwe oriġini fis-sidru naturali.

Is-sidru naturali (sidru tradizzjonali) għandu l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi li ġejjin:

Aċidità volatili: < 2,0 g/L

aċidu aċetiku.

Qawwa alkoħolika: > 5 % (v/v).

Total ta’ diossidu tal-kubrit: < 150 mg/L.

Pressjoni relattiva fil-flixkun (20 °C): > 0,5 atm.

Is-sidru naturali frizzanti għandu l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi li ġejjin:

Aċidità volatili: < 2,0 g/L

aċidu aċetiku.

Qawwa alkoħolika: > 5,5 % (v/v).

Total ta’ diossidu tal-kubrit: < 200 mg/L.

Pressjoni relattiva fil-flixkun (20 °C): > 3 atm.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Kemm is-sidru naturali kif ukoll is-sidru naturali frizzanti huma magħmula minn varjetajiet tat-tuffieħ tas-sidru tradizzjonalment imkabbra fiż-żona tal-produzzjoni:

Abbażi tal-aċidità u l-konċentrazzjoni ta’ komposti fenoliċi, il-varjetajiet huma kklassifikati f’disa’ kategoriji teknoloġiċi: ħelwa, ħelwa-morra, morra, semiqarsa, semiqarsa-morra, morra-semiqarsa, qarsa, qarsa-morra u morra-qarsa.

Klassifikazzjoni teknoloġika skont l-Aċidità:

Blanquina, Limón Montés, Teórica, San Roqueña, Raxao, Fuentes, Xuanina, Regona, Prieta, Collaos, Josefa, Carrandona, Raxila Ácida, Collaina, Raxina Marelo, Perurico Precoz, Perurico, Raxona Ácida, Raxina Ácida, Arbeya, Reineta Caravia, Durón Encarnado, Fresnosa, Peñarudes, Perracabiella, Reineta Encarnada, Repinaldo de Hueso, San Justo u Sucu.

Qarsa-morra:

Beldredo, Picón, Madiedo, Martina u Montoto.

Morra:

Clara, Amariega u Cladurina.

Morra-qarsa:

Meana, Lin, Cladurina Amargoácida u Rosadona.

Morra-semiqarsa:

Durcolorá u Colorá Amarga.

Semiqarsa:

Solarina, De la Riega, Carrió, Perico, Perezosa, Durona de Tresali, Panquerina, Raxila Rayada, Antonona, Chata Encarnada, Durón d’Arroes, Maria Elena, Mariñana, Miyeres, Repinaldo Caravia, Reineta Pinta u Celso.

Semiqarsa-morra:

Montes de Llamera u Corchu.

Ħelwa:

Ernestina, Verdialona, Raxila Dulce, Raxina Dulce, Raxona Dulce, Chata Blanca, Cristalina, Dura, Montés de Flor, Paraguas u Verdosa.

Ħelwa-morra:

Coloradona, Raxina Amarga u Raxarega.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-prodotti protetti bid-DOP “Sidra de Asturias”/“Sidra d’Asturies” (sidru naturali u sidru naturali frizzanti) huma magħmula minn varjetajiet tat-tuffieħ tas-sidru awtorizzati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li tkabbru fuq irqajja’ reġistrati mal-Bord Regolatorju. Dawn il-prodotti jridu jsiru f’fabbriki li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni, li jkunu rreġistrati wkoll mal-Bord Regolatorju, u li jkunu għaddew minn numru ta’ testijiet li jeżaminaw il-metodi tal-manifattura u tal-ipproċessar tagħhom: dawn it-testijiet, li jivverifikaw il-varjetajiet użati, it-tekniki ta’ tkabbir, il-materja prima, l-għasir, il-proċessi ta’ manifattura tas-sidru, l-ibbottiljar u t-tikkettar, għandhom isiru f’konformità mal-proċedura dokumentata tas-sistema ta’ kwalità tal-Bord Regolatorju.

Waqt il-produzzjoni tas-“sidru naturali” u tas-“sidru naturali frizzanti”, għandu jiġi vverifikat b’mod partikolari li jiġi prodott biss id-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment. Il-proċess sħiħ irid jiġi rregolat skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fil-manwal dwar il-kwalità tal-Bord Regolatorju, li jrid jinkludi, mill-inqas, it-teknika tal-analiżi li għandha tintuża għad-detezzjoni tad-diossidu tal-karbonju permezz tal-identifikazzjoni ta’ iżotopi ħfief stabbli u tal-proporzjon C13/C12, li jippermettu sabiex tiġi vverifikata l-oriġini tagħhom.

Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jrid jinkludi spezzjonijiet viżivi, kontrolli tad-dokumenti u kampjunar tal-prodotti. Is-sidri li jiġu ċċertifikati jistgħu jkunu ttikkettati bil-logo tal-Bord Regolatorju u bil-kliem

“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta Sidra de Asturias” u fuq l-imballaġġ tagħhom għandu jkollhom tikketta ta’ kontroll numerata pprovduta minnu.

L-istadji tal-manifattura jinkludu l-ħasil u t-tfarrik tat-tuffieħ, l-għasir tagħhom għall-estrazzjoni tal-most naturali tat-tuffieħ, il-fermentazzjoni, it-tiswib, l-ippurifikar, il-filtrazzjoni bl-użu ta’ prodotti u materjali permessi, u finalment l-ibbottiljar. Fil-każ tas-“sidru naturali frizzanti” isseħħ fermentazzjoni sekondarja tas-sidru naturali, jew tista’ sseħħ karbonazzjoni bis-CO2 li jseħħ naturalment, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-dokument, mal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott u mal-manwal tal-kwalità.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

L-ibbottiljar irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita.

Ir-raġuni għall-inklużjoni tal-ibbottiljar fiż-żona ddefinita bħala parti mill-proċess tal-manifattura tad-DOP “Sidra de Asturias” hi biex tiġi protetta r-reputazzjoni tad-denominazzjoni li, barra l-awtentiċità tal-prodott, tiggarantixxi wkoll il-konservazzjoni tal-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu, li għalihom huma jassumu responsabbiltà sħiħa u kollettiva l-benefiċjarji permezz tal-Bord Regolatorju stabbilit għal dan l-għan.

Dan jiffaċilita l-kontroll u t-traċċabilità tal-prodotti miksuba , biex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe possibbiltà ta’ taħlit, ladarba l-ispezzjonijiet imwettqa fiż-żona tal-produzzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-benefiċjarji tad-DOP huma dettaljati u sistematiċi, imwettqa abbażi ta’ għarfien komprensiv tal-karatteristiċi tal-prodott.

Barra minn hekk, peress li s-“sidri” fihom id-diossidu tal-karbonju li jseħħ naturalment matul il-proċess tal-produzzjoni,’ irid ikun hemm tagħmir xieraq biswit il-makkinarju tal-ibbottiljar. Ikun inkonvenjenti u kumplikazzjoni kbira għall-proċess ta’ spezzjoni, li kieku s-sidru kellu joqgħod jiġi ttrasportat għal impjanti oħra tal-ibbottiljar, sistema li tissogra li tiddenatura l-proċess.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fir-rigward tat-tikkettar tas-sidri u biex tiġi evitata l-konfużjoni fil-konfront tal-konsumaturi, it-tikketti jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-indikazzjonijiet obbligatorji u fakultattivi. Barra minn hekk, l-isem protett “Sidra de Asturias” għandu jidher fuq it-tikketta tas-sidri koperti flimkien mal-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew l-abbrevjazzjoni tagħha “DOP”.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Sidra de Asturias” u l-informazzjoni speċifikata fil-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom jidhru b’mod prominenti fuq it-tikketti tas-sidri bbottiljati.

Il-konsumatur ikun jista’ jagħmel distinzjoni ċara bejn it-tipi ta’ sidri differenti mill-preżentazzjoni tagħhom, peress li jintużaw tipi differenti ta’ tappijiet tal-fliexken. Peress li l-pressjoni fil-flixkun tas-“sidru naturali frizzanti” hija aktar minn tliet atmosferi, it-tip ta’ tapp u ta’ flixkun tal-ħġieġ użati għal dan is-sidru huma differenti minn dawk li jintużaw għas-sidru naturali.

Fi kwalunkwe każ, id-DOP “Sidra de Asturias” għandha tidher fuq it-tikkettar tas-sidri protetti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; u, barra minn hekk, skont ir-regoli ġenerali dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, huwa obbligatorju li t-tikketti jindikaw, skont il-każ, “Sidru naturali” jew “Sidru naturali frizzanti”.

Il-fliexken kollha li fihom sidru protett b’din id-DOP iridu jinħarġu b’tikketta ta’ kontroll numerata maħruġa mill-Bord Regolatorju.

Fis-sidru naturali frizzanti, it-termini relatati mal-kontenut taz-zokkor tiegħu għandhom jiġu identifikati kif stabbilit fit-taqsima 3.2. ta’ dan id-dokument.

Il-prodotti koperti jridu jiġu identifikati bil-logo tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1151/2012 jew mar-regolament li jissostitwixxih.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tat-tuffieħ u tal-manifattura tas-sidru kopert mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Sidra de Asturias” hija magħmula mill-Komunità Awtonoma tal-Prinċipalità tal-Asturji, reġjun ġeografiku u storiku fit-Tramuntana ta’ Spanja li fih 78 muniċipalità (kunsilli): Allande, Aller, Amieva, Avilés, Belmonte de Miranda, Bimenes, Boal, Cabrales, Cabranes, Candamo, Cangas de Narcea, Cangas de Onís, Caravia, Carreño, Caso, Castrillón, Castropol, Coaña, Colunga, Corvera, Cudillero, Degaña, El Franco, Gijón, Gozón, Grado, Grandas de Salime, Ibias, Illano, Illas, Langreo, Las Regueras, Laviana, Lena, Llanera, Llanes, Mieres, Morcín, Muros de Nalón, Nava, Navia, Noreña, Onís, Oviedo, Parres, Peñamellera Alta, Peñamellera Baja, Pesoz, Piloña, Ponga, Pravia, Proaza, Quirós, Ribadedeva, Ribadesella, Ribera de Arriba, Riosa, Salas, San Martín de Oscos, San Martín del Rey Aurelio, Santirso de Abres, Santa Eulalia de Oscos, Santo Adriano, Sariego, Siero, Sobrescobio, Somiedo, Soto del Barco, Tapia de Casariego, Taramundi, Teverga, Tineo, Valdés, Vegadeo, Villanueva de Oscos, Villaviciosa, Villayón, Yernes u Tameza.

Għalkemm iż-żona ġeografika ddefinita għandha erja totali ta’ 10 560 km2, l-Asturji hu wieħed mill-aktar reġjuni muntanjużi tal-Ewropa. Dan ifisser li l-art agrikola disponibbli għat-tkabbir tat-tuffieħ hi severament limitata, bil-kultivazzjoni li hi ristretta għal widien żgħar u għal ġnub ta’ għoljiet fiż-żona ddefinita (jiġifieri t-78 muniċipalità elenkati hawn fuq).

Minħabba l-art u l-kundizzjonijiet tat-tkabbir fl-Asturji, l-azjendi agrikoli huma, ftit jew wisq, mifruxa bejn il-muniċipalitajiet kollha differenti, li jfisser li ċ-ċentri tal-popolazzjoni rurali huma żgħar u dispersi, inklużi wkoll il-karatteristiċi tal-irqajja’ ta’ art.

It-tkabbir tradizzjonali tat-tuffieħ tas-sidru fl-Asturji sar skont mudell estensiv u mħallat ta’ siġar tat-tuffieħ tas-sidru u mergħat naturali. Peress li l-azjendi agrikoli fl-Asturji għandhom tendenza li jkunu żgħar ħafna, din it-taħlita ta’ trobbija tal-bhejjem u ta’ tkabbir tat-tuffieħ għall-manifattura tas-sidru kellha impatt soċjali u ekonomiku konsiderevoli fuq il-ħajja fil-kampanja tal-Asturji: it-tkabbir tat-tuffieħ iġġenera dħul sekondarju għall-azjendi agrikoli tal-familji u ppermetta l-ħarsien tal-ambjent u tal-popolazzjoni, u b’hekk, sa ċertu punt, għen biex jitrażżan l-eżodu rurali.

Bl-istess mod bħalma l-ġonna tas-siġar tat-tuffieħ tas-sidru huma mifruxa fuq it-territorju, storikament il-fabbriki tas-sidru kienu jidhru bħala faċilitajiet żgħar fl-azjendi agrikoli li kienu jipproduċu s-sidru għall-konsum mill-familja tal-bdiewa. Maż-żmien, din il-prattika ġiet abbandunata u llum il-ġurnata, il-fabbriki tas-sidru jinsabu kkonċentrati f’postijiet qrib l-infrastrutturi u għandhom servizzi aktar xierqa għall-attività industrijali.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Rabta storika:

L-Asturji hu r-reġjun prinċipali ta’ Spanja għall-produzzjoni tas-sidru, u jirrappreżenta 80 % tal-produzzjoni nazzjonali. Hekk kif jista’ jidher mill-kitbiet tal-ġeografu Estrabón li jmorru lura sittin sena QK, il-prattiki tat-tkabbir tat-tuffieħ tas-sidru u tal-manifattura tas-sidru għandhom għeruq fondi fl-istorja tar-reġjun.

Rabta naturali:

Tul is-sekli, il-bdiewa tal-Asturji fasslu proċess ta’ għażla tal-varjetajiet minn siġar imkabbra miż-żrieragħ mingħajr l-użu ta’ tilqimiet, billi jagħżlu l-aktar varjetajiet produttivi li huma l-aktar adattati għall-ambjent lokali u li jipproduċu tuffieħ tas-sidru tal-ogħla kwalità. Il-karatteristiċi differenti ta’ kull varjetà (ħelwa, ħelwa-morra, morra, semiqarsa, semiqarsa-morra, morra-semiqarsa, qarsa, qarsa-morra u morra-qarsa) u t-taħlitiet kollha li jirriżultaw minn dawn il-kategoriji jagħtu lis-sidri tal-Asturji s-semiqrusa unika tagħhom.

Il-fatt li d-denominazzjoni tkopri ż-żewġ tipi ta’ prodotti jirrifletti l-istandard tal-kwalità eżistenti fi Spanja (O.M. 1/9/79), li joħloq distinzjoni bejn is-“sidra natural” (“sidru naturali”) u s-“sidra” (“sidru”) fuq il-bażi li d-diossidu tal-karbonju mhux prodott b’mod naturali matul il-proċess ta’ manifattura tas-sidru — jiġifieri minn kwalunkwe sors — jista’ jiżdied mal-kategorija tal-prodott tas-“sidru”.

Wieħed miż-żewġ tipi ta’ sidru koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini, is-“sidru naturali” hu l-prodott bażiku, filwaqt li s-“sidru naturali frizzanti” isir billi jiżdied id-diossidu tal-karbonju rkuprat matul il-proċess ta’ fermentazzjoni (jiġifieri gass naturali biss) u ammont żgħir ta’ xropp taz-zokkor mas-“sidru naturali”. Il-materja prima, it-teknoloġija tal-produzzjoni u l-faċilitajiet industrijali huma virtwalment l-istess, għad li s-“sidru naturali” jmur lura aktar fiż-żmien storikament. Is-“sidru” bid-diossidu tal-karbonju miżjud deher biss fi żminijiet aktar riċenti bħala riżultat tar-riċerka u tal-iżviluppi fit-teknoloġija miksuba fis-seklu dsatax.

Fi Spanja, l-isem ġeografiku “Asturias” huwa storikament marbut mal-manifattura tas-sidru u mal-konsum tas-sidru, peress li huwa r-reġjun fejn issir il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni nazzjonali tas-sidru.

Fattur uman:

Is-settur tas-sidru huwa t-tielet l-aktar settur importanti fis-settur tal-ikel u tal-agrikoltura tal-Asturji f’termini ta’ fatturat. Is-sidru naturali jiġi prodott f’fabbriki tas-sidru tradizzjonali, u fl-Asturji bħalissa hemm 106 fabbrika tas-sidru fuq skala kummerċjali. It-tradizzjoni tal-familja hija partikolarment b’saħħitha, b’aktar minn 60 % ta’ dawn il-fabbriki tas-sidru li ntirtu mis-sidien tagħhom. Il-maġġoranza jitmexxew bħala negozju uniku, b’kumpaniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata li jirrappreżentaw biss madwar 10 % tal-fabbriki tas-sidru. Is-suq tal-Asturji jirrappreżenta 93 % tal-bejgħ totali tas-“sidru naturali”. Min-naħa l-oħra, għaxar kumpaniji jiddominaw il-produzzjoni tas-sidru naturali frizzanti, u flimkien jirrappreżentaw 61 % tal-fatturat totali tas-settur. Madwar 80 % tal-produzzjoni tmur għas-suq domestiku, filwaqt li madwar 13 % u 14 % tiġi esportata; is-7 % li jifdal tiġi kkonsmata fir-reġjun tal-Asturji stess.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.asturias.es/documents/217090/2692269/pliego-de-condiciones.pdf/51debefb-6807-3b6f-20ef-44231e25cdd6?t=1707908902741


(1)   ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4537/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)