European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4091

8.7.2024

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2024 – DT vs Eulex Kosovo

(Kawża T-218/24)

(C/2024/4091)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: DT (rappreżentant: A. Kunst, avukat)

Konvenut: Eulex Kosovo

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob, abbażi ta’ talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE (1), u rikors għad-danni għal responsabbiltà kuntrattwali (Artikolu 340(1) TFUE), li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara illegali d-deċiżjoni ta’ Eulex Kosovo tat-13 ta’ Novembru 2023 li tittermina l-kuntratt tar-rikorrent ikkomunikata lir-rikorrent fl-istess jum;

tiddikjara illegali d-deċiżjoni ta’ Eulex Kosovo tal-20 ta’ Frar 2024 ikkomunikata lir-rikorrent fit-22 ta’ Frar 2024;

tordna, abbażi ta’ responsabbiltà kuntrattwali skont l-Artikolu 340(1) TFUE, li Eulex Kosovo tikkumpensa lir-rikorrent (a) għad-dannu materjali mġarrab bħala riżultat taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati illegali u atti oħra, li huwa ammont li jikkorrispondi għal pagi mhux imħallsa li jammonta għal 19-il xahar ta’ salarji gross u benefiċċji oħra u (b) għad-dannu morali mġarrab bħala riżultat taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati illegali u atti oħra, evalwati provviżorjament ex aequo et bono għal EUR 45 000;

tikkundanna lil Eulex Kosovo għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrent, flimkien mal-interessi ta’ 8 %.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-konvenuta tad-dritt għal smigħ.

Ir-rikorrent isostni li ma nstemax qabel it-tneħħija tal-pożizzjoni tiegħu iżda ġie informat dwar dan fil-jum li fih ġiet irreklamata fil-missjoni kollha pożizzjoni simili ħafna li kienet għadha kif inħolqot.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-konvenuta tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Huwa sostnut li ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati ma jiżvelawx biżżejjed informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-pożizzjoni tar-rikorrent li wasslet għat-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-konvenuta tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrent isostni li rċieva assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li l-pożizzjoni u l-impjieg tiegħu kienu siguri.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-konvenuta tal-Proċedura Operattiva Standard dwar il-Prinċipji u l-Proċess ta’ Konfigurazzjoni mill-Ġdid, id-dmir li jitqies il-benesseri tal-persunal, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u użu ħażin ta’ poter.

Id-deċiżjoni li titneħħa l-pożizzjoni tar-rikorrent hija każ ta’ żball sostanzjali ta’ fatt. Il-konvenuta naqset milli tipprovdi raġunijiet validi għad-deċiżjoni tagħha peress li ma teżisti l-ebda differenza sostanzjali bejn il-pożizzjoni tar-rikorrent u l-pożizzjoni li għadha kif inħolqot. Id-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq fatturi oġġettivi.


(1)  Ir-rikorrent jippreżenta wkoll rikors sussidjarju taħt l-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament, fuq din il-bażi legali, tad-deċiżjoni ta’ Eulex Kosovo tat-13 ta’ Novembru 2023 li ttemm il-kuntratt tiegħu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinunzja l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 272 TFUE. It-talbiet u l-motivi huma identiċi għal dawk ippreżentati taħt l-Artikolu 272 TFUE.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4091/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)