European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3543

31.5.2024

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022

(C/2024/3543)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

JIDDIKJARAW li fil-bini ta' futur prosperu, inklużiv, sigur u sostenibbli, il-kreattività, l-enerġija u t-talenti diversi taċ-ċittadini kollha, speċjalment iż-żgħażagħ, huma meħtieġa biex isostnu d-demokrazija, jiżguraw il-paċi, ikunu sodi dwar il-valuri Ewropej u jagħmlu l-aħjar użu mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (“is-Sena”) (1) fakkret li l-Ewropa teħtieġ iż-żgħażagħ kollha tagħha u enfasizzat kif l-Unjoni Ewropea (UE) iżżid il-valur għall-ħajja taż-żgħażagħ, tappoġġa l-iżvilupp personali tagħhom u tagħtihom ir-riżorsi u l-ħiliet ewlenin biex isiru ċittadini attivi u aġenti għas-solidarjetà u l-bidla pożittiva. Is-Sena wriet ukoll l-aspettattivi taż-żgħażagħ li għandu jkun hemm perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta' politika rilevanti tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ (2).

JISĦQU li s-Sena wriet li kienet pont tal-kooperazzjoni Ewropea, u li l-legat tagħha jrid ikompli jgħix biex iħalli d-dinja post aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Kull azzjoni li tieħu l-UE għandha tkun ispirata mis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Biex issostni l-impenn tal-Unjoni Ewropea għaż-żgħażagħ tal-Ewropa, b'attenzjoni speċjali mogħtija liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, il-kooperazzjoni fil-Politika Ewropea dwar iż-Żgħażagħ, kif inkorporata fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, trid tiġi aġġustata għall-iżviluppi u l-ħtiġijiet il-ġodda identifikati matul is-Sena. Għandhom jittieħdu aktar passi 'l quddiem biex jinkisbu riżultati tanġibbli għaż-żgħażagħ u flimkien magħhom.

JENFASIZZAW ir-rwol importanti li għandhom il-kunsilli taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-livelli kollha, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, fost l-oħrajn, fil-mobilizzazzjoni u l-promozzjoni taż-żgħażagħ, kif intwera matul is-Sena.

JAFFERMAW MILL-ĠDID li l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u l-ankraġġ ta' perspettiva b'saħħitha taż-żgħażagħ fil-politiki rilevanti kollha tal-Unjoni huma oqsma importanti ta' ħidma għall-Unjoni Ewropea.

JILQGĦU TAJJEB id-diversi inizjattivi mmirati biex jindirizzaw il-legat tas-Sena (3), kif ukoll l-ambizzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (4) biex l-azzjoni titmexxa 'l quddiem f'żewġ oqsma ewlenin: l-għoti ta' vuċi aktar b'saħħitha liż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE u l-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ fl-oqsma ta' politika kollha.

JIEĦDU NOTA tal-azzjonijiet ewlenin proposti fil-Komunikazzjoni b'rispons għat-tħassib taż-żgħażagħ f'ħames oqsma ta' politika ewlenin rilevanti għalihom: is-saħħa u l-benesseri, l-ambjent u l-klima, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-valuri Ewropej, l-impjiegi u l-inklużjoni.

JAPPELLAW lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex taħdem maż-żgħażagħ u flimkien magħhom sabiex:

1.

Tippromwovi u tappoġġa l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fl-oqsma ta' politika kollha. B'dan il-mod, tappoġġa u tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-bini tal-kapaċità bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti – inkluż il-koordinaturi nazzjonali, fejn jeżistu – fir-rigward tal-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ b'mod ġenerali.

2.

Tuża l-momentum, tkompli l-kokreazzjoni, u l-istabbiliment u l-iskjerament ta' attivitajiet ta' tagħlim reċiproku (5), bħal gruppi ta' esperti, attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari jew il-pjattaforma l-ġdida tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ, biex jiġu esplorati strumenti konkreti ta' integrazzjoni – bħal verifika taż-żgħażagħ jew test taż-żgħażagħ jew għodda simili li għandha tiġi implimentata fil-livell tal-UE – flimkien maż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea, u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. L-istrumenti ta' integrazzjoni għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' governanza tajba, trasparenza, kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza u oġġettività, b'mod partikolari f'termini ta' valutazzjoni u selettività.

3.

Issaħħaħ il-kwalità, il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, f'konformità mal-istrateġiji ta' inklużjoni rilevanti, u tistabbilixxi rabtiet mal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li tqis kif xieraq l-ispeċifiċità tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u l-qafas li fih huwa organizzat. Dan jista' jsir fil-qafas tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u fir-reviżjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ — l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 biex dawn ir-riżoluzzjonijiet jiġu adattati għal żviluppi u ħtiġijiet ġodda, u billi tiġi stabbilita strateġija ta' komunikazzjoni (6) għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, fost l-oħrajn.

4.

Fi sforz konġunt, tirrifletti aktar fuq u ssawwar ir-rwol, il-mandat, l-iskop u l-kompożizzjoni tal-pjattaforma l-ġdida tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ, filwaqt li tqis kif xieraq il-kompetenzi kkonċernati.

5.

Tagħmel sforzi ulterjuri biex tikkomunika informazzjoni dwar opportunitajiet permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, liż-żgħażagħ b'lingwaġġ adattat għaż-żgħażagħ, b'mod aċċessibbli u f'formati xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom, b'mod partikolari l-ħtiġijiet ta' dawk b'inqas opportunitajiet, b'mod partikolari fl-oqsma tal-parteċipazzjoni demokratika u s-soċjetajiet inklużivi, kif ukoll fl-użu tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom.

6.

Issawwar aktar l-azzjonijiet ewlenin proposti msemmija hawn fuq, b'ħidma mal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Istati Membri, u, fejn rilevanti, fil-livelli reġjonali jew lokali, filwaqt li tipprovdi wkoll opportunitajiet għall-inklużjoni ta' żgħażagħ minn sfondi differenti, b'inqas opportunitajiet, inkluż dawk miż-żoni rurali, remoti, periferali, inqas żviluppati u mir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli.

7.

Filwaqt li titfakkar l-importanza tal-programmi tal-UE għaż-Żgħażagħ, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tkompli tipprovdi opportunitajiet permezz ta' dawn il-programmi u tagħmilhom aktar aċċessibbli u inklużivi, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta' mikrogħotjiet u permezz tal-iżvilupp ta' sinerġiji bejn il-programmi u l-attivitajiet ta' mobbiltà taż-żgħażagħ nazzjonali u tal-UE.

8.

Tiżgura li l-legat tas-Sena jiġi inkorporat fir-reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 biex issostni l-impenn tal-Unjoni Ewropea għaż-żgħażagħ tal-Ewropa.

9.

Tuża l-Pjanijiet ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ biex tindirizza oqsma komuni ta' ħidma identifikati f'dawn il-konklużjonijiet.

10.

Tipprovdi lill-Kunsill u lill-Istati Membri tiegħu b'segwitu għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' hawn fuq fir-rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, kif stabbilit fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.


(1)  Kif previst fid-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022), ĠU L 462, 28.12.2021.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-promozzjoni tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fl-Unjoni Ewropea (C/2023/1342), u b'mod partikolari fil-paragrafi 30 u 32.

(3)  Dawn l-inizjattivi jinkludu l-Konferenza Claim the Future (Nieħdu pussess tal-futur) li saret fis-6 ta' Diċembru 2022 bħala l-avveniment tal-għeluq tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, l-avveniment ta' politika organizzat fis-26 ta' April 2023 dwar test/verifika taż-Żgħażagħ tal-UE, u l-avveniment ta' integrazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ li jindirizza l-legat tas-Sena, li sar fid-19 ta' Ġunju 2023 fi Brussell.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, COM(2024)1.

(5)   “It-tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għandu jkun għodda għall-iżvilupp tal-politika taż-żgħażagħ fir-rigward ta' oqsma ewlenin kif ukoll trasversali. Il-gruppi ta' esperti ser ikomplu jiżviluppaw gwida politika, għodod prattiċi u jaqsmu prattiki tajbin; din l-istrateġija ser toffri għodod ġodda għat-tagħlim reċiproku, bħal evalwazzjonijiet bejn il-pari u konsulenza bejn il-pari, forums ta' livell għoli, analiżijiet u studji, li inġenerali jsegwu l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, u fi ħdan Pjanijiet ta' Ħidma triennali. Din ser issegwi approċċ aktar sistematiku għall-informazzjoni ta' kwalità dwar iż-żgħażagħ, għas-sensibilizzazzjoni u t-tixrid, billi tibni fuq in-networks eżistenti tagħha.” Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027, (2018/C 456/01).

(6)  Ara l-paragrafu 35 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tad-disa' Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (2023/C 185/04), il-paragrafu 34 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tat-tmien Ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (2021/C 504/01) u l-paragrafu 14 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta' djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (2014/C 183/01).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3543/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)