European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3382

31.5.2024

Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 261/2004, (KE) Nru 1107/2006, (UE) Nru 1177/2010, (UE) Nru 181/2011 u (UE) 2021/782 fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni

(COM(2023) 753 final – 2023/0437 (COD))

u

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali

(COM(2023) 752 final – 2023/0436 (COD))

(C/2024/3382)

Relatur:

Ileana IZVERNICEANU DE LA IGLESIA

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 29.1.2024 u 1.2.2024

Parlament Ewropew. 8.2.2024

Bażi legali

Artikoli 91(1), 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni

Adozzjoni fis-sezzjoni

28.2.2024

Adozzjoni fil-plenarja

20.3.2024

Sessjoni plenarja Nru

586

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

212/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja r-Regolament il-ġdid propost mill-Kummissjoni, li għandu l-għan li jtejjeb id-drittijiet tal-passiġġieri u jipprovdilhom informazzjoni aħjar. Il-partijiet kollha ta’ dan ir-Regolament il-ġdid (il-pakketti tal-ivvjaġġar, id-drittijiet tal-passiġġieri u l-vjaġġi multimodali) għandhom jitqiesu bħala komplementari għal xulxin.

1.2.

Il-KESE jemmen li regolament adatt u effettiv mhux biss se jtejjeb is-sitwazzjoni tal-passiġġieri, iżda se jsaħħaħ ukoll l-industrija Ewropea f’dan is-settur, u jagħmilha aktar kompetittiva.

1.3.

Il-KESE huwa mħasseb dwar in-nuqqas kbir ta’ għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u l-problemi biex jeżerċitawhom u, għalhekk, iqis li l-informazzjoni hija l-aktar għodda utli u effettiva biex il-passiġġieri jkunu jafu dawn id-drittijiet u jkunu jistgħu jeżerċitawhom jekk jinkisru. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura li l-fornituri tas-servizzi turistiċi jipprovdu informazzjoni komprensiva, ta’ kwalità tajba u li tkun aċċessibbli u disponibbli fiżikament, avolja tista’ tkun disponibbli permezz ta’ mezzi oħra ta’ trażmissjoni, bħal dawk diġitali.

1.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi biex ittejjeb l-informazzjoni disponibbli għall-passiġġieri qabel ma jibbukkjaw il-vjaġġ, speċjalment jekk ikun hemm interruzzjonijiet fil-vjaġġ, u biex tiżgura li din l-informazzjoni tkun tinftiehem mill-utenti kollha. Il-Kumitat jissuġġerixxi li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni.

1.5.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tisħiħ tal-protezzjoni għall-passiġġieri b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa (PMM) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni testendi din il-protezzjoni msaħħa għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bit-tfal, peress li huwa evidenti li dawn spiss jesperjenzaw diffikultajiet matul il-vjaġġi tagħhom.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li dan ir-Regolament isaħħaħ il-Patt Ekoloġiku billi jagħti spinta lill-mobbiltà sostenibbli u jirrakkomanda li tiġi rikonoxxuta wkoll l-importanza li jkun hemm ħaddiema mħarrġa tajjeb u ttrattati tajjeb fis-settur.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ li r-Regolament ikun verament effettiv u li jiġi implimentat u li, għal dan il-għan, jiġu mmonitorjati r-rapporti li l-kumpaniji jridu jippreżentaw kull sentejn u jiġu imposti penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1.

Il-Kummissjoni adottat għadd ta’ proposti miġbura fil-Pakkett dwar il-Mobilità Sostenibbli, li għandhom l-għan li jtejbu l-esperjenza tal-passiġġieri billi jsaħħu d-drittijiet tagħhom. Fit-tfassil ta’ dawn ir-regoli tqiesu l-esperjenzi reċenti tal-kriżi tal-COVID-19 u l-fallimenti ta’ diversi operaturi, li enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-konformità mad-drittijiet tal-passiġġieri, sabiex jitħeġġeġ l-użu tat-trasport kollettiv minflok it-trasport privat u, b’hekk, jikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku.

2.2.

Il-Proposta tal-Kummissjoni tiffoka fuq tliet aspetti. L-ewwel aspett jikkonċerna r-reviżjoni u t-titjib tad-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni (COM(2023) 753). It-tieni aspett jikkonċerna l-Proposta għal Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali, u t-tielet aspett jiffoka fuq ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar tal-2015. Is-suġġett ta’ din l-Opinjoni jikkonċerna l-ewwel u t-tieni aspetti tal-pakkett ta’ miżuri li ġie adottat mill-Kummissjoni.

2.3.

Il-vjaġġi multimodali se jkollhom impatt akbar fil-futur. L-istimi tal-Kummissjoni jindikaw li kien hemm 91 miljun vjaġġatur fl-2019; il-previżjonijiet jindikaw li din iċ-ċifra se tiżdied għal 103,6 miljun fl-2030 u 150,9 miljun vjaġġatur fl-2050.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni tar-regolamenti Ewropej li jirregolaw id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bit-triq, peress li jqis li approċċ olistiku huwa l-aktar mod adatt biex nimxu ’l quddiem b’dan ir-Regolament, u fl-istess ħin ninċentivaw l-użu tat-trasport kollettiv u tingħata spinta lill-Patt Ekoloġiku.

3.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-objettivi ewlenin tar-reviżjoni tar-Regolament, jiġifieri d-dritt għall-aċċessibbiltà u għall-assistenza għal persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa; id-dritt għat-twettiq tal-kuntratt f’każ ta’ interruzzjoni, fejn prattikabbli, u għal kumpens; u d-dritt għal sistema rapida, aċċessibbli u li tippermetti li l-ilmenti jiġu ttrattati faċilment.

3.3.

Il-KESE jemmen li l-Proposta hija konformi mal-impenn tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija Komprensiva għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE jiġu implimentati b’mod adatt, ikunu ċari għall-partijiet involuti, jiżguraw l-assistenza u r-rimborż meta jkun hemm problemi, min perspettiva multimodali, u, b’mod partikolari, li jiġu applikati sanzjonijiet adatti fejn ikun hemm ksur ta’ dawn ir-regoli li jagħmel ħsara lid-drittijiet tal-passiġġieri u lill-kompetizzjoni.

3.4.

Madankollu, il-KESE jqis li l-Proposta tal-Kummissjoni ftit li xejn hija ambizzjuża peress li tfittex biss li tirriforma n-nuqqasijiet identifikati permezz ta’ diversi studji u korpi tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet eżistenti tal-passiġġieri, ma tistabbilixxi l-ebda dritt ġdid għall-passiġġieri b’mod espliċitu, u hija primarjament immirata lejn il-kisba ta’ bilanċ, li s’issa għadu ma jeżistix, bejn il-protezzjoni tal-passiġġieri u l-obbligi tat-trasportaturi u l-maniġers tal-infrastruttura; il-Proposta tonqos ukoll milli tirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-ħaddiema fis-settur, li jeħtieġ li jkunu mħarrġa tajjeb u ttrattati kif imiss.

3.5.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li hemm nuqqas kbir ta’ għarfien fost iċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-problemi li jiffaċċjaw huma u jeżerċitaw dawn id-drittijiet. Skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru 2019, inqas minn nofs iċ-ċittadini tal-UE jafu li l-passiġġieri għandhom drittijiet. Terz biss taċ-ċittadini jafu d-drittijiet tal-ivvjaġġar tagħhom. Din hija problema rikorrenti li tbiegħed liċ-ċittadini mill-objettivi tal-Unjoni li tinbena ekonomija li taħdem għan-nies. Il-KESE jemmen li l-Proposta tal-Kummissjoni għandha tgħin biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-utenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

3.6.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar It-tħaddim u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti għall-passiġġieri tat-trasport bl-ajru, il-KESE diġà rrakkomanda li tittejjeb l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi rapidi u effettivi għall-għoti ta’ rimborż f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjonijiet. Minkejja dan, il-problemi identifikati għadhom jippersistu jew ġew aggravati mid-diversi kriżijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru.

3.7.

Il-KESE jemmen li l-Proposta leġiżlattiva għandha titwettaq b’mod armonizzat u konsistenti mar-reviżjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, peress li, għalkemm dawn huma servizzi ta’ natura legali differenti, huwa diffiċli għall-konsumaturi li jiddivrenzjaw bejniethom meta jikkuntrattaw servizz. Il-KESE jirrakkomanda li ż-żewġ Proposti jarmonizzaw il-protezzjoni tal-konsumatur bil-għan li jiġu evitati differenzi li jaffettwaw il-kompetizzjoni bejn id-diversi operaturi fis-suq.

3.8.

L-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur hija kwistjoni li ma ġietx solvuta bl-għodod disponibbli għall-konsumaturi. Li tittieħed azzjoni legali kollettiva huwa diffiċli ħafna fil-prattika. Ir-riżoluzzjoni fil-qorti ta’ kunflitti f’settur daqshekk kbir toħloq problemi u spejjeż addizzjonali u ineffiċjenzi għal dawk kollha involuti. Il-KESE jemmen li għandhom jiġu promossi mekkaniżmi pubbliċi, rapidi u effettivi li jiżguraw il-konformità tal-forom kollha disponibbli għall-konsumaturi biex jiksbu servizz tat-trasport (direttament mingħand il-fornitur, permezz ta’ intermedjarji fiżiċi, diġitali jew intermodali), sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-operaturi kollha tas-suq. Għalhekk, jirrakkomanda li d-dokumenti tal-ivvjaġġar isemmu (1) fejn għandu jitressaq ilment bħal dan lill-operatur tas-servizz tal-ivvjaġġar, u (2) għand liema sistema alternattiva ta’ soluzzjoni ta’ tilwim jista’ jappella l-konsumatur jekk ma jiksibx tweġiba sodisfaċenti.

3.9.

Il-KESE jappella għal sforzi akbar fl-effettività tal-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti transfruntier, peress li parti sostanzjali tal-ivvjaġġar u l-arranġamenti tiegħu sseħħ permezz ta’ operaturi tas-suq stabbiliti f’pajjiż differenti minn dak tal-utent li jikkuntrattahom. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar li jeżisti n-network TRAVEL-NET, li jiffaċilita s-soluzzjoni ta’ tilwim transfruntier, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis l-osservazzjonijiet tiegħu f’din il-Proposta leġiżlattiva.

3.10.

F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar li l-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri żdied b’mod sostanzjali wara li ġew armonizzati d-drittijiet tal-passiġġieri fil-livell tal-UE, li għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-atturi kollha involuti fil-provvista ta’ servizzi tat-trasport. Bħall-Kummissjoni, il-KESE jemmen li protezzjoni akbar tal-passiġġieri hija inċentiv għall-użu tat-trasport pubbliku, li se jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-Patt Ekoloġiku, kif ukoll jippromovi kompetizzjoni ġusta effettiva bejn atturi differenti (trasportaturi, maniġers tal-infrastruttura, intermedjarji), li se jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ industrija b’saħħitha tat-trasport tal-passiġġieri u li toħloq l-impjiegi.

3.11.

Minkejja ż-żieda fil-protezzjoni msemmija hawn fuq, il-fallimenti tal-linji tal-ajru u tal-operaturi u, fuq kollox, l-impatt tal-COVID-19 urew li d-diversi operaturi involuti fi vjaġġ partikolari għandhom obbligi differenti u mhux ugwali fir-rigward tal-ikkuntrattar ta’ assigurazzjoni kontra l-fallimenti jew ta’ fondi ta’ garanzija. Għalkemm il-Kummissjoni tipproponi li teżamina din il-kwistjoni f’atti leġiżlattivi futuri, il-KESE jemmen li jeħtieġ li jinħolqu reġimi robusti ta’ insolvenza applikabbli għall-atturi u l-operaturi kollha involuti fil-vjaġġ, irrispettivament mid-daqs tagħhom (SMEs u kumpaniji kbar), sabiex jiġu applikati regoli simili għal riskji simili.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jqis bħala adatta l-Proposta tal-Kummissjoni li tirregola b’mod ċar id-dritt għar-rimborż fi flus meta l-biljetti jkunu ġew ibbukkjati permezz ta’ intermedjarju. L-għażla li t-trasportatur, bi qbil mal-intermedjarju, jiddeċiedi min minnhom jirċievi t-talba mingħand il-konsumatur hija adatta, peress li b’hekk il-konsumatur ikun jaf sa mill-ħin tal-prenotazzjoni mingħand min għandu jitlob kumpens jew rimborż f’każ ta’ problemi. Madankollu, il-KESE jemmen li r-regolamentazzjoni li tapplika speċifikament għall-intermedjarji fil-qasam tal-ivvjaġġar bl-ajru għandha tiġi estiża għall-mezzi l-oħra kollha tat-trasport sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-modi differenti tat-trasport.

4.2.

Il-KESE huwa favur ir-regoli proposti dwar ir-rimborż permezz ta’ intermedjarji kif previsti fil-leġiżlazzjoni. Il-Proposta tipprovdi ċarezza billi tintroduċi l-obbligu li l-konsumatur jiġi infurmat b’mod ċar u sempliċi dwar il-kundizzjonijiet tar-rimborż fil-ħin tal-prenotazzjoni u l-konferma, u b’hekk jiġi żgurat li r-rimborż ikun bla ħlas u jseħħ fi żmien 14-il ġurnata.

4.3.

Il-KESE jqis li, biex mekkaniżmu ta’ rimborż ikun effettiv, huwa essenzjali li l-informazzjoni dwar il-konsumaturi tiġi trasferita b’mod adatt bejn l-intermedjarji u l-linji tal-ajru, u b’hekk jiġu żgurati wkoll livelli adegwati ta’ kompetizzjoni. Għalhekk, iqis li huwa adatt li dan l-aspett jiġi rregolat, b’mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji dwar il-perjodu massimu u d-definizzjoni tal-iskop taż-żamma tad-data, b’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

4.4.

Il-ħidma differenti tal-Kummissjoni wriet kemm-il darba l-livell baxx ta’ konformità mad-drittijiet tal-passiġġieri fid-diversi modi ta’ trasport. Waħda mir-raġunijiet hija n-nuqqas ta’ għarfien min-naħa tal-utenti dwar l-eżistenza ta’ tali drittijiet. Il-KESE jilqa’ l-ħolqien ta’ proċedura standardizzata ta’ rimborż u kumpens għall-modi kollha tat-trasport. L-adozzjoni ta’ dan il-mudell se tiffranka l-ispejjeż għan-negozji u tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi kollha biex jifhmu l-proċedura. Barra minn hekk, il-korpi nazzjonali tal-infurzar se jkollhom jimmonitorjaw li din il-formola tkun dejjem disponibbli għall-konsumaturi, u dan se jippromovi l-użu mifrux tagħha u jgħin biex tittejjeb il-konformità, li huwa l-objettiv primarju tar-riforma proposta. It-trasportaturi għandhom ukoll ikunu meħtieġa jkunu trasparenti meta japplikaw l-argument ta’ force majeure matul il-proċeduri tal-ilmenti. Jekk it-trasportatur kontraenti jindika li każ ta’ force majeure wassal għad-dewmien jew għall-kanċellazzjoni ta’ vjaġġ, huwa mistenni jipprovdi evidenza ta’ dan (eż. it-tbassir tat-temp fil-post u l-ħin għall-vjaġġ inkwistjoni). L-argument ta’ force majeure ma għandux jintuża b’mod arbitrarju biex jiġu miċħuda t-talbiet.

4.5.

Bl-istess mod, il-KESE jqis li l-approċċ “ibbażat fuq ir-riskju” adottat mil-leġiżlazzjoni huwa adatt. B’konformità ma’ dan, il-korpi nazzjonali tal-infurzar ifasslu programmi ta’ monitoraġġ biex jimmonitorjaw il-konformità mal-obbligi tar-Regolament mit-trasportaturi, l-operaturi tal-infrastruttura u l-intermedjarji, abbażi tal-ilmenti tal-konsumaturi u l-attivitajiet ta’ segwitu. Din is-sistema għandha tipprovdi trasparenza u ttejjeb l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni stabbiliti fir-regoli.

4.6.

Il-korpi nazzjonali tal-infurzar, li għandu jkollhom funzjonijiet armonizzati fl-Istati Membri kollha, għandhom ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mill-operaturi individwali mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Madankollu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha taqdi rwol attiv, speċjalment fir-rigward tal-prattiki li għandhom effett f’diversi Stati Membri tal-UE. Il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġi estiż il-marġni ta’ manuvra tal-Kummissjoni biex jinkludi l-investigazzjoni u s-sanzjonar ta’ prattiki suspettati li jmorru kontra r-Regolament. It-test propost jinkludi l-possibbiltà li tintalab informazzjoni, iżda mingħajr ma jiġu speċifikati l-possibbiltajiet għal azzjoni. Barra minn hekk, din il-possibbiltà hija prevista biss għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bil-baħar. L-esklużjoni tat-trasport bl-ajru mhijiex ġustifikata b’mod adegwat u, għalhekk, għandhom jiġu evitati differenzi fit-trattament ta’ alternattivi differenti tat-trasport.

4.7.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tal-vjaġġi multimodali. Il-possibbiltà li jitwettqu vjaġġi multimodali hija konformi mal-promozzjoni tal-użu tat-trasport kollettiv bħala għażla flok karozza privata. Mobilità multimodali effettiva hija element ewlieni biex it-trasport isir aktar sostenibbli u tikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

4.8.

Il-KESE jwissi li l-vjaġġaturi li jikkunsidraw vjaġġ multimodali huma u jivvjaġġaw fuq distanzi twal jiffaċċjaw problema kbira, bħan-nuqqas ta’ protezzjoni adegwata, b’mod partikolari fil-każ ta’ interruzzjonijiet tal-ivvjaġġar. Il-KESE jemmen li t-titjib u l-ugwalizzazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi f’dan ir-rigward ċertament se jagħmlu din l-għażla aktar attraenti għall-vjaġġaturi. Il-KESE jenfasizza li din il-leġiżlazzjoni ttejjeb b’mod sostanzjali l-protezzjoni tal-persuni b’mobilità mnaqqsa billi tipprevedi speċifikament id-dritt għall-assistenza kemm matul il-vjaġġ kif ukoll fiċ-ċentri multimodali għall-passiġġieri.

4.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istruttura tar-Regolament propost, peress li jiffaċilita l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-utenti tat-trasport, ikun xi jkun it-tip tagħhom, li b’hekk jgħin biex jevita l-inugwaljanzi u jħeġġeġ il-kompetizzjoni u l-komplementarjetà bejn il-modi differenti ta’ trasport.

4.10.

Għalkemm l-inizjattiva hija pożittiva, il-KESE jqis li l-protezzjoni offruta lill-vjaġġaturi mir-Regolament propost hija limitata. Għandha tittejjeb għal kuntratti uniċi ta’ vjaġġi multimodali. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ ukoll li jiġu definiti b’mod aktar ċar l-obbligi ta’ kura u assistenza sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni faċli tagħhom minn dawk obbligati li jipprovduha f’kull sitwazzjoni. Sakemm il-kundizzjonijiet ta’ assistenza ma jiġux definiti b’mod aktar ċar, hemm ir-riskju li r-responsabbiltà tkun kompletament f’idejn it-trasportatur responsabbli li, fil-prattika, jista’ ma jipprovdix din l-assistenza u b’hekk jikkawża ħsara lill-passiġġier li hija diffiċli ħafna li tissewwa. Bl-istess mod, il-KESE jilmenta li l-Proposta ma tipprovdix għal kumpens għal biljetti kompletament integrati.

4.11.

Il-KESE jqis li huwa essenzjali l-ħolqien effettiv ta’ spazju Ewropew tad-data dwar il-mobilità biex jingħelbu l-ostakli maħluqa mill-frammentazzjoni tad-data bejn kumpaniji, operaturi u maniġers differenti, li tagħmilha diffiċli biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli f’ħin reali għall-utenti. Dan huwa ostaklu serju li jfixkel il-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni tat-trasport u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni adegwati fil-provvista ta’ servizzi diġitali ta’ mobilità u trasport fl-UE, li jippermettu żieda fil-kwalità tas-servizzi, il-multimodalità, is-sikurezza fit-toroq u s-sostenibbiltà, u fl-istess ħin jippermettu lill-atturi tas-suq jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda ta’ negozju u minn innovazzjoni, biex b’hekk it-trasport isir aktar effiċjenti u kosteffiċjenti.

4.12.

Bl-istess mod, għalkemm mhux is-suġġett ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jqis li jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għal problema serja: id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata min-nuqqas ta’ regolament speċifiku dwar il-bagalji tal-kabina u l-inklużjoni tagħhom fil-prezzijiet tal-biljetti. Il-KESE jfakkar fis-sentenza tal-QĠUE fil-kawża C-487/12 (1), li skontha l-bagalji tal-kabina ma għandhomx ikunu soġġetti għal ħlas addizzjonali; għaldaqstant, jindika li l-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-piż u d-daqs tal-bagalji tal-kabina jeħtieġ li jiġu definiti mill-aktar fis possibbli. F’konformità ma’ dak li ssemma f’Opinjonijiet preċedenti, l-acquis tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni f’dan il-qasam għandu jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

Brussels, 20 March 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)   Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines SA vs Instituto Galego de Consumo de la Xunta de Galicia, C-487/12, ECLI:EU:C:2014:2232


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3382/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)