European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2997

7.5.2024

Avviż tal-Kummissjoni

Gwida għall-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2024/2997)

Werrej

Taqsiriet u termini 2
Dikjarazzjoni importanti 2
Introduzzjoni u sommarju 3
Introduzzjoni 3
Sommarju tad-dispożizzjonijiet il-ġodda 3
Kamp ta’ applikazzjoni u applikabbiltà 3
Bokka tal-iċċarġjar armonizzata 3
Teknoloġija armonizzata tal-iċċarġjar 4
Separazzjoni tal-bejgħ tal-apparat tal-iċċarġjar mill-bejgħ tal-apparat elettroniku 4
Informazzjoni mtejba għall-utenti finali/għall-konsumaturi 4
Kamp ta’ applikazzjoni 5
Bokka tal-iċċarġjar 9
Protokolli tal-iċċarġjar 9
Separazzjoni tal-apparat tal-iċċarġjar 11
Informazzjoni lill-konsumaturi 12
Applikazzjoni, konformità u implimentazzjoni 13

Taqsiriet u termini

Fil-kuntest ta’ dan id-dokument, it-taqsira jew it-terminu:

“Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni” tirreferi għad-Direttiva (UE) 2022/2380 (1);

“RED” tirreferi għad-Direttiva 2014/53/UE (2) dwar it-Tagħmir tar-Radju

“Anness Ia” tirreferi għall-Anness Ia tal-RED, li ġie introdott fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717 (3).

“l-obbligi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni”, “ir-regoli introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni”, “id-dispożizzjonijiet introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni” jew “il-modifiki introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni” għandhom jinftiehmu bħala obbligi, regoli, dispożizzjonijiet jew modifiki introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717.

“tagħmir tar-radju soġġett għar-regoli dwar ‘ċarġer komuni’ tirreferi għal tagħmir tar-radju li: (a) jaqa’ fil-kategoriji jew fil-klassijiet tat-tagħmir tar-radju, elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia; (b) ikun mgħammar b’batterija rikarikabbli li tista’ titneħħa jew inkorporata; u (c) jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili.

Is-“soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni” jew is-“soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata” jirreferu għall-bokka tal-iċċarġjar armonizzata (USB-C) u għat-teknoloġija tal-iċċarġjar armonizzata (għażliet tal-provvista tal-enerġija tal-USB-C sa 15 W u USB PD ogħla minn 15 W).

Dikjarazzjoni importanti

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi gwida, l-ewwel fil-forma ta’ sommarju u mbagħad fil-forma ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, dwar id-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, li temenda l-RED, li jikkontribwixxu għal fehim aħjar ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u għall-applikazzjoni aktar uniformi u koerenti tagħhom.

Dan id-dokument huwa indirizzat lill-Istati Membri u lil oħrajn li jeħtieġu li jiġu infurmati dwar dawk id-dispożizzjonijiet (eż. l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tal-konsumaturi, il-korpi tal-istandardizzazzjoni, il-manifatturi, l-importaturi, id-distributuri, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u t-trade unions). Huwa bbażat fuq konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Madankollu, dan mhux neċessarjament jirrappreżenta bis-sħiħ il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha.

Dan id-dokument mhuwiex legalment vinkolanti. Huwa maħsub purament bħala dokument ta’ gwida – it-testi tal-atti tal-Unjoni kkwotati f’dan id-dokument biss għandhom effett legalment vinkolanti. Xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni jistgħu ma jkunux deskritti b’mod sħiħ jew eżatt f’dokument ta’ gwida.

L-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Għalhekk, dan id-dokument huwa mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni pprovduta mill-QĠUE dwar l-istess dispożizzjonijiet. Il-fehmiet espressi f’dan id-dokument ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. La l-Kummissjoni u lanqas kwalunkwe persuna li taġixxi f’isem il-Kummissjoni mhija responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li ġejja.

Dan id-dokument jirrifletti l-leġiżlazzjoni fiż-żmien tal-abbozzar ta’ dan id-dokument u l-gwida offruta tista’ tkun soġġetta għal modifika aktar tard.

Fl-aħħar nett, qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li dan id-dokument mhuwiex neċessarjament komprensiv u komplut. Ċerti kwistjonijiet biss ġew inklużi meta tqies li huwa mixtieq li jiġu pprovduti spjegazzjonijiet u dan jipprovdi kjarifiki biss dwar id-dispożizzjonijiet tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni.

Introduzzjoni u sommarju

Introduzzjoni

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jagħti gwida, soġġett għad-dikjarazzjoni importanti preċedenti, dwar ċerti kwistjonijiet u proċeduri koperti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, li temenda l-RED.

Ir-regoli introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni huma applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta’ tagħmir tar-radju li huma elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia.

Dan id-dokument jiġbor flimkien l-informazzjoni li tirriżulta mill-iskambji ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u mal-partijiet ikkonċernati, wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni (b’mod partikolari, il-konsultazzjoni tal-membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tagħmir tar-Radju (4)).

Id-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2022 u ssir applikabbli mid-dati speċifikati fl-Artikolu 2 (aktar dettalji huma pprovduti fit-taqsima Scope and applicability). Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan id-dokument, l-Anness Ia ġie emendat darba, fis-27 ta’ Ġunju 2023, bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717. Dan ir-regolament delegat aġġorna r-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iċċarġjar bil-fili tal-Anness Ia.

Dan id-dokument jiffoka biss fuq ir-regoli tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni. Mhuwiex maħsub biex jispjega regoli oħra tal-RED, ir-regoli tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (NLF, New Legislative Framework) jew id-dokumenti ta’ gwida rilevanti, il-“Gwida RED”  (5) u l-“Gwida Blu”  (6).

Għalhekk, dan id-dokument huwa suppliment għall-Gwida RED u, fejn meħtieġ, għandu jinqara flimkien mal-Gwida Blu u l-Gwida RED. It-tagħmir tar-radju kopert mill-RED jibbenefika biss miċ-ċirkolazzjoni libera fis-suq tal-UE jekk il-prodott jikkonforma mal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni applikabbli li mhux neċessarjament tissemma f’dan id-dokument.

Sommarju tad-dispożizzjonijiet il-ġodda

Kamp ta’ applikazzjoni u applikabbiltà

Ir-regoli tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni se jkunu applikabbli għal mowbajls li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, headsets, consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn, speakers portabbli, qarrejja elettroniċi, tastieri, mice, sistemi ta’ navigazzjoni portabbli u earbuds, mit-28 ta’ Diċembru 2024. Dawn ir-regoli se jkunu applikabbli għal-laptops mit-28 ta’ April 2026.

Dawn il-kategoriji ta’ tagħmir tar-radju huma elenkati fl-Anness Ia u r-regoli introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni japplikaw għalihom, mid-dati indikati hawn fuq, jekk it-tagħmir tar-radju kkonċernat jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili.

Bokka tal-iċċarġjar armonizzata

L-RED tirrikjedi li l-kategoriji tat-tagħmir tar-radju soġġetti għar-regoli dwar “ċarġer komuni” jkunu mgħammra bil-bokka tal-iċċarġjar armonizzata (il-bokka USB-C). L-użu ta’ bokka oħra mhuwiex ipprojbit sakemm l-apparat tar-radju kopert ikun mgħammar ukoll bil-bokka USB-C kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-3 (kif referenzjat fl-Anness Ia). L-istandard jispeċifika wkoll l-għażliet differenti tal-provvista tal-enerġija tal-USB disponibbli mill-perspettiva ta’ tagħmir tar-radju b’bokka USB-C.

Id-dispożizzjoni dwar il-bokka tal-iċċarġjar armonizzata ġiet introdotta mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni bħala rekwiżit essenzjali ġdid fl-Artikolu 3(4) tal-RED. Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għal dak ir-rekwiżit hija stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-RED (7).

Teknoloġija armonizzata tal-iċċarġjar

Għall-iċċarġjar “standard”, it-tagħmir tar-radju elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia, jekk jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili b’vultaġġi sa 5 volts, kurrenti sa 3 amperes jew potenzi sa 15-il watt, irid jinkorpora l-għażliet tal-provvista tal-enerġija tal-USB speċifikati fl-istandard EN IEC 62680-1-3 (kif referenzjat fl-Anness Ia).

Għall-iċċarġjar “rapidu”, it-tagħmir tar-radju elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia, jekk jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 volts, kurrenti ogħla minn 3 amperes jew potenzi ogħla minn 15-il watt, irid: (a) jinkorpora t-Twassil tal-Enerġija bil-USB (USB PD), kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-2 (kif referenzjat fl-Anness Ia); u (b) jippermetti l-funzjonalità sħiħa tal-USB PD imsemmi jekk jinkorpora kwalunkwe protokoll tal-iċċarġjar addizzjonali.

Dan ir-rekwiżit ġie introdott mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni bħala rekwiżit essenzjali ġdid fl-Artikolu 3(4) tal-RED. Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għal dak ir-rekwiżit hija stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-RED (8).

Separazzjoni tal-bejgħ tal-apparat tal-iċċarġjar mill-bejgħ tal-apparat elettroniku

Meta operatur ekonomiku joffri lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra l-għażla li jakkwistaw it-tagħmir tar-radju kopert flimkien ma’ apparat tal-iċċarġjar (provvista tal-elettriku esterna), l-operatur ekonomiku jrid joffri wkoll lill-konsumaturi u lil utenti finali oħra l-għażla li jakkwistaw dan it-tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar.

B’hekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru apparat elettroniku ġdid mingħajr apparat tal-iċċarġjar ġdid.

Informazzjoni mtejba għall-utenti finali/għall-konsumaturi

L-operaturi ekonomiċi jridu jiżguraw li l-informazzjoni dwar jekk apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż mat-tagħmir tar-radju kopert tintwera f’forma grafika bl-użu ta’ pittogramma faċli għall-utent u aċċessibbli faċilment (9). Iż-żewġ verżjonijiet tal-pittogramma jinsabu f’riżoluzzjoni għolja fuq:

https://single-market-economy.ec.europa.eu/sites/default/files/2023-01/Pictogram_Not_Included_final_nodim.png; u

https://single-market-economy.ec.europa.eu/sites/default/files/2023-01/Pictogram_Included_final_nodim.png.

Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u l-apparati tal-iċċarġjar kompatibbli trid tkun disponibbli fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju (10). Din l-informazzjoni trid tinkludi informazzjoni dwar l-enerġija li jeħtieġ l-apparat; u dwar jekk jappoġġax l-iċċarġjar rapidu armonizzat. Din l-informazzjoni trid tintwera wkoll f’forma grafika bl-użu ta’ tikketta faċli għall-utent u faċilment aċċessibbli (11). Il-mudell tat-tikketta jista’ jinstab f’riżoluzzjoni għolja fuq:

https://single-market-economy.ec.europa.eu/sites/default/files/2023-01/Label_final_nodim.png.

Dan se jgħin lill-konsumaturi jkunu jafu jekk l-apparat tal-iċċarġjar attwali tagħhom jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tal-apparat il-ġdid tagħhom u/jew jgħinhom jagħżlu apparat tal-iċċarġjar kompatibbli.

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-RED tiddefinixxi ċ-“Ċarġer Komuni”?

L-RED, per se, ma tiddefinixxix iċ-“Ċarġer Komuni”. Din tipprovdi rekwiżiti għall-armonizzazzjoni tal-iċċarġjar bil-fili għal ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju. Billi tirrikjedi li tali tagħmir ikun jista’ jiġi ċċarġjat b’ċarġers armonizzati, indirettament tirrikjedi wkoll li ċ-ċarġers ikunu interoperabbli.

Rekwiżiti komplementari, fil-qasam ta’ “ċarġer komuni”, huma ppjanati li jiġu introdotti taħt att leġiżlattiv ieħor (jiġifieri, ir-Regolament 2019/1782 li jistabbilixxi r-Rekwiżiti tal-Ekodisinn għall-Provvisti tal-Elettriku Esterni). Il-verżjoni riveduta ta’ dan ir-regolament (12) hija mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2025. L-għażliet ewlenin li tressqu għandhom:

Jinformaw lill-konsumaturi billi jimmarkaw “ċarġers komuni” b’logo u pittogramma korrispondenti;

Jipprevjenu li ċarġers proprjetarji mhux konformi jinbiegħu ma’ apparati RED;

Iżidu l-benefiċċji tal-interoperabbiltà billi jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “ċarġers komuni” għal tagħmir għajr l-apparati RED.

2.   L-obbligi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni japplikaw għall-apparati elettroniċi kollha fil-kategoriji jew il-klassijiet elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia?

L-obbligi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni japplikaw biss għal tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni”. It-tagħmir tar-radju huwa definit fl-Artikolu 2(1) tal-RED. Skont dik id-dispożizzjoni, “tagħmir tar-radju” tfisser prodott elettriku jew elettroniku, li intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta’ komunikazzjoni bir-radju u/jew determinazzjoni bir-radju, jew prodott elettriku jew elettroniku li għandu jiġi komplut b’aċċessorju, bħal antenna, sabiex intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta’ komunikazzjoni bir-radju u/jew ta’ determinazzjoni bir-radju. It-termini “mewġ tar-radju”, “komunikazzjoni bir-radju” u “determinazzjoni bir-radju” huma definiti wkoll fl-Artikolu 2 tal-RED.

3.   It-tagħmir tar-radju li jappartjeni għal kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju elenkati fl-Anness Ia u li jiċċarġja permezz ta’ kaxxetta, kaxxa jew stazzjon tal-iċċarġjar huwa eskluż milli jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata?

Le. Kull tagħmir tar-radju li jappartjeni għal kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili jrid jinkorpora s-soluzzjoni armonizzata tal-iċċarġjar. Madankollu, kif iċċarat mill-premessa 14 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, l-earbuds biss għandhom jitqiesu flimkien mal-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar tagħhom:

“Fir-rigward tal-earbuds, it-tagħmir tar-radju interessat jitqies flimkien mal-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar iddedikati tiegħu, peress li l-earbuds rarament jew qatt ma jiġu dissoċjati mill-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar tagħhom minħabba d-daqs u l-forma speċifiċi tagħhom. Il-kaxxetta jew il-kaxxa tal-iċċarġjar għal dak it-tip speċifiku ta’ tagħmir tar-radju ma jitqiesx bħala parti mill-apparat tal-iċċarġjar.”

4.   Ir-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED japplikaw biss għat-tagħmir rikarikabbli?

Iva. Ir-regoli dwar “ċarġer komuni” japplikaw għat-tagħmir tar-radju li: (a) jaqa’ fil-kategoriji jew fil-klassijiet tat-tagħmir tar-radju, elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia; (b) ikun mgħammar b’batterija rikarikabbli li tista’ titneħħa jew inkorporata; u (c) jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili.

5.   It-tagħmir tar-radju b’batteriji mhux rikarikabbli (“tip AA”) huwa kopert mid-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED?

Le. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4.

6.   It-tagħmir tar-radju b’batterija li tista’ titneħħa li tista’ tiġi ċċarġjata mill-ġdid biss separatament mit-tagħmir tar-radju (f’ċarġer tal-batteriji) huwa kopert mid-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED?

Le. Tali tagħmir tar-radju ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ “tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili”. Prodott bħal dan huwa “simili” għal prodott li jaħdem b’batteriji mhux rikarikabbli (“tip AA”). Prodott bħal dan mhuwiex soġġett għar-regoli tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni jekk ikollu bokka li tintuża biss għall-alimentazzjoni tal-enerġija. Fi kliem ieħor, dan mhuwiex soġġett għal dawn ir-regoli, jekk dik il-bokka ma tistax tintuża għall-iċċarġjar (mill-ġdid) tat-tagħmir tar-radju.

Madankollu, jekk il-batterija li tista’ titneħħa tista’ tiġi ċċarġjata mill-ġdid (permezz tal-bokka USB-C) waqt li titqiegħed f’tagħmir tar-radju elenkat fl-Anness Ia jew fuqu, dak it-tagħmir tar-radju huwa soġġett għar-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni anki jekk il-batterija tista’ wkoll tiġi ċċarġjata mill-ġdid separatament mit-tagħmir tar-radju.

7.   L-apparati b’kapaċità limitata tal-batteriji huma koperti mid-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED?

Iva. Ir-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED huma mmirati lejn it-tagħmir tar-radju b’batterija rikarikabbli li tista’ titneħħa jew inkorporata (ara l-premessa 14 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni) li (a) jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili; u (b) li huwa elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia. Il-preżenza tal-batterija tagħmlu apparat rikarikabbli u l-kapaċità tal-batterija hija irrilevanti (anki jekk tkun għal siegħa biss). Tabilħaqq, huwa komuni wkoll għall-utenti ta’ tali tagħmir tar-radju li jixegħlu l-apparat tagħhom f’postijiet oħra li mhumiex qrib ċarġer (eż. fil-każ ta’ sistemi ta’ navigazzjoni portabbli biex jiċċekkjaw ir-rotot, iwettqu aġġornamenti, eċċ.).

8.   Is-supercapacitors jitqiesu bħala batteriji?

Le. Is-supercapacitors mhumiex batteriji. Is-supercapacitors huma adattati għal applikazzjonijiet b’għadd kbir ta’ ċikli ta’ ċċarġjar u skarikar rapidi ħafna, li mhuwiex il-każ għat-tagħmir tar-radju elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia.

9.   X’inhi d-definizzjoni ta’ portabbli?

L-apparati kollha fil-kategoriji jew fil-klassijiet tat-tagħmir tar-radju elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia, b’batterija rikarikabbli li tista’ titneħħa jew inkorporata li tista’ tiġi ċċarġjata mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, li jistgħu jinġarru qabel, matul jew wara l-operazzjoni huma koperti. Għal dak l-għan, ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia jużaw il-kliem “portabbli” jew “jinżamm fl-idejn”.

10.   It-tagħmir tar-radju li jinkorpora provvista tal-enerġija interna huwa kopert mid-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED?

Le. L-RED tirreferi speċifikament, fl-Artikolu 3(4) u fl-Anness Ia, għall-interoperabbiltà bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparati tal-iċċarġjar tiegħu. F’dak ir-rigward, il-premessa 2 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni tiċċara li: “[...] l-apparati tal-iċċarġjar [...] huma l-parti tal-provvista tal-enerġija esterna taċ-ċarġers [...]”. Għalhekk, it-tagħmir tar-radju li jinkorpora provvisti tal-enerġija interni u li jaħdem direttament b’kurrent alternat (AC) mill-mejns, mhuwiex kopert mid-dispożizzjonijiet introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni.

11.   Kif jista’ manifattur ikun ċert li l-prodott tiegħu jaqa’ f’waħda mill-kategoriji jew mill-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju koperta mill-Anness Ia? Il-kategorija tal-prodott hija definita mill-każ ta’ użu primarju tat-tagħmir tar-radju?

It-Taqsima 2.8 tal-Gwida Blu tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tapplika fil-każ li l-prodotti mqiegħda għad-dispożizzjoni jew fis-servizz fis-suq jintużaw għall-użu maħsub tagħhom. Fl-istess taqsima, hemm ukoll kjarifiki dwar it-terminu “użu maħsub” u kif l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq huma meħtieġa jikkunsidraw l-użu tal-prodott sabiex jivverifikaw il-konformità tiegħu.

Għalhekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk prodott jappartjenix għal klassi jew kategorija ta’ tagħmir tar-radju elenkati fl-Anness Ia, għandhom jitqiesu l-elementi ta’ hawn fuq tal-Gwida Blu. Peress li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni dwar l-użu ta’ prodott, evidentement, tali informazzjoni trid tirrifletti b’mod preċiż u korrett l-iskop u l-użu tal-prodott.

Madankollu, l-użu primarju maħsub ta’ prodott huwa ta’ rilevanza biex tiġi ddeterminata l-kategorija jew il-klassi eżatta li għaliha jappartjeni prodott, għall-finijiet tal-Anness Ia, jekk dak il-prodott ikollu użi (funzjonijiet) anċillari.

Pereżempju, smartphone li jinkorpora kamera diġitali jaqa’ taħt il-kategorija “1.1 mowbajls li jinżammu fl-idejn” u mhux taħt il-kategorija “1.3 kameras diġitali”. L-użu primarju tiegħu huwa li jintuża bħala smartphone (bħala smartphone, huwa soġġett għar-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni li japplikaw mit-28 ta’ Diċembru 2024).

Barra minn hekk, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk prodott jappartjenix għal klassi jew kategorija elenkata fl-Anness Ia, l-użu maħsub ta’ prodott ma għandux jiġi konfuż mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott għal skopijiet partikolari (pereżempju prodotti għal skopijiet mediċi) jew kategoriji partikolari ta’ konsumaturi (pereżempju ġugarelli),

Pereżempju, smartphone, li għandu disinn forma ta’ ġugarell u għalhekk huwa maħsub biss għat-tfal, jaqa’ taħt il-kategorija “1.1 mowbajls li jinżammu fl-idejn” u għalhekk, il-kategorizzazzjoni mhijiex affettwata mill-fatt li l-ismartphone inkwistjoni huwa maħsub biss għat-tfal.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f’xi każijiet jista’ jkun diffiċli li jiġi determinat jekk prodott jaqax f’kategorija partikolari elenkata fil-Parti I tal-Anness Ia. F’każijiet bħal dawn, il-valutazzjoni ta’ jekk prodott partikolari jaqax f’kategorija partikolari elenkata fil-Parti I tal-Anness Ia trid tkun ibbażata fuq elementi fattwali konkreti. Peress li l-applikazzjoni tar-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni se ssir fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri, f’każ ta’ dubji dwar il-kategorizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, l-operaturi ekonomiċi għandhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom għal gwida.

12.   Apparat li jappartjeni għal waħda mill-kategoriji jew mill-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju koperti mill-Anness Ia huwa kkonċernat mid-dispożizzjonijiet introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni meta jkun parti minn sistema li tikkonsisti f’tagħmir tar-radju multiplu u tagħmir ieħor li jaħdem flimkien li mhuwiex elenkat fil-Parti I tal-Anness Ia?

F’każijiet fejn tagħmir tar-radju speċifiku, li jkun parti minn sistema, ikun maħsub biss biex jopera f’dik is-sistema u ma jistax jiffunzjona waħdu, is-sistema kollha għandha titqies bħala kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju waħedha. Għalhekk, dik is-sistema tkun teħtieġ li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni biss jekk tkun soġġetta għar-regoli dwar “ċarġer komuni”.

13.   Ċerti prodotti speċifiċi li huma ddisinjati biss għall-użu kummerċjali/industrijali, huma eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni?

Le. Ma hemm l-ebda eżenzjoni bħal din ipprovduta fl-RED. Madankollu, il-premessa 14 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni tiċċara xi aspetti għal ċerti klassijiet jew kategoriji ta’ tagħmir tar-radju kkonċernati mir-regoli dwar “ċarġer komuni”.

Skont il-premessa 14, “il-kameras diġitali ddisinjati esklużivament għas-settur awdjoviżiv jew għas-settur tas-sigurtà u s-sorveljanza jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jintegraw is-soluzzjoni armonizzata tal-iċċarġjar.” .

14.   It-tagħmir tar-radju li jaqa’ taħt leġiżlazzjonijiet oħra għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni?

Iva. Apparat li jaqa’ taħt leġiżlazzjoni oħra jrid jikkonforma mal-obbligi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni u jrid jintegra s-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni, jekk (a) ikun kopert mid-definizzjoni ta’ tagħmir tar-radju tal-RED; (b) ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni kif indikat fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva; (c) jaqa’ fil-kategoriji jew fil-klassijiet tat-tagħmir tar-radju elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia; (d) ikun mgħammar b’batterija rikarikabbli li tista’ titneħħa jew inkorporata; u (e) jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz tal-iċċarġjar bil-fili.

15.   It-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid biss permezz ta’ ċċarġjar mingħajr fili jista’ jsir disponibbli fis-suq mingħajr ma jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata?

Iva. Peress li tali tagħmir tar-radju ma jistax jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, ma għandux għalfejn jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata (bil-fili).

Fir-rigward tal-iċċarġjar mingħajr fili, il-Kummissjoni se tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-iċċarġjar mingħajr fili sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni futura tas-suq intern u kwalunkwe effett negattiv fuq il-konsumatur u l-ambjent. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-evoluzzjoni tat-tipi kollha ta’ teknoloġiji tal-iċċarġjar mingħajr fili (mhux biss induttivi), b’mod partikolari l-iżviluppi tas-suq, il-penetrazzjoni fis-suq, il-frammentazzjoni tas-suq, il-prestazzjoni teknoloġika, l-interoperabbiltà, l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-iċċarġjar.

Kif iddikjarat fil-premessa 13 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, “il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu azzjoni lejn il-promozzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ tali soluzzjonijiet biex tevita l-frammentazzjoni futura tas-suq intern” .

16.   Il-laptops u tagħmir tar-radju ieħor li jeħtieġu aktar minn 240 W ta’ potenza tal-iċċarġjar huma eżentati mir-regoli dwar “ċarġer komuni”?

Le. Dawn mhumiex eżentati. It-tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni” għandu jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata.

Il-Kummissjoni aġġornat (fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717), ir-referenzi għall-istandards imsemmija fl-Anness Ia għall-aħħar verżjoni tal-istandards Ewropej. Għalhekk, minħabba l-emendi introdotti minn dan ir-regolament delegat, it-tagħmir tar-radju soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni” jrid jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata sal-potenza massima tal-iċċarġjar tiegħu jew sa 240 W jekk il-potenza massima tal-iċċarġjar tiegħu tkun ogħla minn 240 W (għall-kuntrarju ta’ 100 W fil-verżjonijiet preċedenti tal-istandards ikkonċernati).

Il-Kummissjoni se tkompli taġġorna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness Ia, sabiex jirriflettu l-progress xjentifiku u teknoloġiku jew l-iżviluppi tas-suq sakemm dawn l-iżviluppi jilħqu l-għanijiet tas-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni.

17.   It-tagħmir tar-radju irid jinkorpora USB PD jekk, matul il-proċess tal-iċċarġjar, il-vultaġġ, il-kurrent jew il-potenza tal-iċċarġjar jaqbżu bi ftit il-limiti (> 5 V, > 3 A jew > 15 W) li jeħtieġu l-integrazzjoni tal-USB PD għal perjodi qosra biss?

Le. Jekk il-vultaġġ attribwit ikun 5 V jew inqas, jew il-kurrent attribwit ikun 3 a jew inqas, jew il-potenza attribwita tkun ta’ 15 W jew inqas, allura t-tagħmir tar-radju inkwistjoni ma għandux għalfejn jinkorpora USB PD u jrid japplika l-għażliet tal-provvista tal-enerġija tal-USB speċifikati fl-istandard USB-C (EN IEC 62680-1-3, kif referenzjat fl-Anness Ia).

18.   It-tagħmir tar-radju li ma jużax “kurrent alternat (AC) mill-iżbokkijiet tal-elettriku għall-iċċarġjar” huwa kopert mir-regoli l-ġodda tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni?

Iva. Il-kategoriji jew il-klassijiet kollha tat-tagħmir tar-radju elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia jużaw kurrent dirett (DC) biex jiċċarġjaw. Dan il-kurrent normalment jiġi trasformat minn kurrent alternat (AC) permezz ta’ apparat tal-iċċarġjar (provvista tal-enerġija esterna). Madankollu, hemm każijiet fejn it-tagħmir tar-radju jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid direttament (mingħajr provvista tal-enerġija esterna) b’kurrent dirett (eż. f’karozza). Il-USB-C qed jiġi ġeneralizzat bħala l-port tal-iċċarġjar prestabbilit f’ħafna sistemi (bini, ajruporti, ajruplani, ferroviji, karozzi, eċċ.) u dawn is-sistemi jservu bħala l-provvista tal-enerġija esterna u jipprovdu kurrent dirett lit-tagħmir tar-radju.

19.   It-“telefowns bla fili tad-DECT” u l-“push to talk phones” huma koperti mir-regoli l-ġodda tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni?

Jekk it-tagħmir tar-radju ma jkunx fost il-kategoriji jew il-klassijiet ta’ prodotti elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia jew ma jkunx jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, mhuwiex meħtieġ li jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata.

“Il-mowbajls” jikkonnettjaw man-network permezz ta’ frekwenza tar-radju u fil-fatt huma “mobbli” u jistgħu jintużaw kullimkien (fejn il-fornitur tas-servizz tat-telefown joffri kopertura).

“It-telefowns DECT” jikkonnettjaw man-network permezz tal-bażi u permezz ta’ linja fissa u jaħdmu biss qrib il-bażi “fissa”. Għalhekk, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala “mowbajls”.

L-apparati “push-to-talk” li ma jaqbdux man-network ċellulari u li jikkomunikaw bejniethom bl-użu ta’ frekwenzi tar-radju ma jitqisux bħala “mowbajls”.

Madankollu, l-apparati “push-to-talk over cellular” jaqgħu taħt il-kategorija “mowbajl”. Fil-fatt, il-“push-to-talk over cellular” hija għażla għal “mowbajl” li jikkonnettja ma’ netwerk ċellulari li jippermetti lill-abbonati jużaw it-telefowns tagħhom bħala apparat “push-to-talk” b’firxa illimitata.

Bokka tal-iċċarġjar

20.   Huma permessi bokki tal-iċċarġjar proprjetarji flimkien ma’ bokka USB-C?

Iva. L-RED teħtieġ biss li tagħmir tar-radju soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni” jkun mgħammar bil-bokka USB-C. Għalhekk, l-użu ta’ bokki oħra mhuwiex ipprojbit sakemm it-tagħmir tar-radju kopert ikun mgħammar ukoll b’bokka tal-iċċarġjar armonizzata (USB-C).

21.   Jistgħu jintużaw bokki USB-C b’6 pinnijiet għall-iċċarġjar?

Le. Il-bokki USB-C li huma speċifikati fl-istandard EN IEC 62680-1-3 (referenzjat fl-Anness Ia) biss jistgħu jintużaw (12, 16 u 24 pinn).

22.   Jista’ t-tagħmir tar-radju jkun mgħammar, fir-rigward tal-iċċarġjar, b’bokka tal-iċċarġjar proprjetarja biss u jinbiegħ b’adapter li jikkonverti l-bokka tal-iċċarġjar proprjetarja għal bokka USB-C?

Le. Madankollu, it-tagħmir tar-radju jista’ jkun mgħammar b’soluzzjoni proprjetarja, dment li dak it-tagħmir tar-radju jkun mgħammar ukoll b’bokka tal-iċċarġjar armonizzata (USB-C) kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-3 (kif referenzjat fl-Anness Ia). Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 33.

Protokolli tal-iċċarġjar

23.   Liema għażliet ta’ ċċarġjar (għażliet ta’ provvista tal-enerġija USB) irid jappoġġa t-tagħmir tar-radju?

Għat-tagħmir tar-radju, li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni”, li juża potenza massima tal-iċċarġjar ta’ 15 W jew inqas, il-provvista tal-enerġija hija armonizzata bl-integrazzjoni tal-bokka USB-C. L-għażliet tal-“provvista tal-enerġija” disponibbli għall-bokki USB-C li jridu jiġu appoġġati minn dak it-tagħmir tar-radju huma elenkati fl-istandard EN IEC 62680-1-3 (kif referenzjat fl-Anness Ia). Dawn l-għażliet huma USB 2.0, USB 3.2, USB 4, USB BC 1.2, USB tat-Tip C Kurrent 1.5 A, USB tat-Tip C Kurrent 3.0 A, u USB PD.

Għat-tagħmir tar-radju, li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni”, b’potenza massima tal-iċċarġjar ta’ aktar minn 15 W, l-armonizzazzjoni tal-“iċċarġjar veloċi” se tgħin biex tipprevjeni lill-produtturi tat-tagħmir tar-radju milli jillimitaw b’mod mhux ġustifikat il-veloċità tal-iċċarġjar u se tgħin biex jiġi żgurat li l-veloċità tal-iċċarġjar tkun l-istess meta jintuża kwalunkwe apparat tal-iċċarġjar kompatibbli. Mill-inqas, il-provvista tal-enerġija tal-USB PD trid tkun appoġġata minn dak it-tagħmir tar-radju u l-funzjonalità sħiħa tal-USB PD għandha tiġi żgurata u ma għandhiex tiġi mxekkla minn xi protokoll tal-iċċarġjar (proprjetarju) addizzjonali.

24.   Huma permessi protokolli tal-iċċarġjar proprjetarji flimkien mal-USB PD?

Iva. L-objettiv huwa li titħeġġeġ l-innovazzjoni u li jkun permess l-użu kontinwu ta’ protokolli oħra tal-iċċarġjar. Madankollu, il-protokolli tal-iċċarġjar proprjetarji addizzjonali ma għandhomx jipprevjenu, jirrestrinġu jew jillimitaw il-potenza massima li tista’ tinkiseb bil-protokoll tal-iċċarġjar tal-USB PD u l-hardware tal-iċċarġjar armonizzat (bokka, ċipep, eċċ.) integrat fit-tagħmir tar-radju.

25.   Jista’ tagħmir tar-radju jillimita l-prestazzjoni tal-iċċarġjar ta’ apparat tal-iċċarġjar li mhuwiex tal-istess marka iżda huwa konformi mal-istandards referenzjati?

Le. l-objettiv tal-emendi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni huwa li tissaħħaħ il-konvenjenza tal-konsumatur u li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn l-apparati u l-apparati tal-iċċarġjar irrispettivament mill-marki tagħhom.

26.   Jista’ t-tagħmir tar-radju jappoġġa potenza tal-iċċarġjar ogħla (eż. 40 W) meta jintuża protokoll tal-iċċarġjar proprjetarju milli meta jintuża USB PD (eż. 30 W)?

L-RED (fl-Anness Ia, il-Parti I, il-punt 3.2 tagħha), tiżgura l-interoperabbiltà ma’ protokolli differenti tal-iċċarġjar. Għal dak il-għan, tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni” għandu “jiżgura li kwalunkwe protokoll addizzjonali tal-iċċarġjar jippermetti l-funzjonalità sħiħa tal-Konsenja tal-Potenza USB imsemmija fil-punt 3.1., irrispettivament mill-apparat tal-iċċarġjar użat.”

Il-kliem “funzjonalità sħiħa tal-USB PD” tfisser li tagħmir tar-radju għandu jikseb il-qawwa nnegozjata xierqa għall-hardware tal-iċċarġjar armonizzat integrat fit-tagħmir tar-radju filwaqt li juża l-protokoll tal-iċċarġjar tal-USB PD (irrispettivament mill-marka tal-apparat tal-iċċarġjar kompatibbli użat). Huwa permess protokoll ta’ ċċarġjar proprjetarju addizzjonali, li jimmassimizza l-kapaċitajiet tal-iċċarġjar lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tal-USB PD tal-istess hardware tal-iċċarġjar armonizzat. Madankollu, kif iddikjarat fit-tweġiba għall-mistoqsija 24, kwalunkwe protokoll tal-iċċarġjar proprjetarju addizzjonali ma jridx jipprevjeni, jirrestrinġi jew jillimita l-potenza li biha t-tagħmir tar-radju jista’ jiġi ċċarġjat bl-użu tal-protokoll tal-iċċarġjar tal-USB PD (sal-potenza massima kif speċifikat fl-EN IEC 62680-1-2, peress li dak l-istandard huwa referenzjat fl-Anness Ia) fuq l-istess hardware tal-iċċarġjar armonizzat integrat fit-tagħmir tar-radju.

Din id-dispożizzjoni tiżgura speċifikament li l-iċċarġjar permezz tal-USB PD ma jiġix imxekkel minn, jew ma jsirx għad-detriment ta’, protokoll ta’ ċċarġjar proprjetarju addizzjonali.

Dan il-prinċipju huwa applikabbli wkoll għal apparati b’livelli ta’ potenza ta’ 15 W jew inqas.

27.   Jista’ tagħmir tar-radju jiċċarġja aktar minn 240 W meta juża protokoll tal-iċċarġjar addizzjonali?

Iva. Jekk is-soluzzjoni tal-iċċarġjar proprjetarja tat-tagħmir tar-radju teħtieġ aktar minn 240 W (eż. 300 W), it-tagħmir tar-radju kkonċernat irid jappoġġa wkoll USB PD sa 240 W.

Il-Kummissjoni aġġornat, permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717, ir-referenzi tal-istandards imsemmija fl-Anness Ia għall-aħħar verżjoni tal-istandards Ewropej. Il-verżjoni aġġornata tal-istandards se tapplika mid-data tal-applikabbiltà tar-regoli rilevanti introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, jiġifieri għall-mowbajls li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, headsets, consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn, speakers portabbli, qarrejja elettroniċi, tastieri, mice, sistemi tan-navigazzjoni portabbli u earbuds, mit-28 ta’ Diċembru 2024 u, għal-laptops, mit-28 ta’ April 2026. Dan ifisser li minn dawk id-dati, tagħmir tar-radju, jekk ikun elenkat fl-Anness Ia u jkun jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili b’potenza ta’ aktar minn 240 W, irid jinkorpora s-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata sa 240 W.

Il-Kummissjoni se tkompli taġġorna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness Ia, sabiex jirriflettu l-progress xjentifiku u teknoloġiku jew l-iżviluppi tas-suq dment li jissodisfaw l-objettivi tas-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni.

28.   Huwa permess kurrent ta’ ċċarġjar ’il fuq minn 5 A meta jintuża protokoll ta’ ċċarġjar addizzjonali?

Iva. Hemm limitu massimu għall-kurrent tal-iċċarġjar (5 A) fl-istandard USB PD (EN IEC 62680-1-2, bħala referenza fl-Anness Ia) u l-istandard USB-C (EN IEC 62680-1-3, kif referenzjat fl-Anness Ia). Madankollu, jekk ma jkun hemm l-ebda rekwiżit tal-iċċarġjar korrispondenti għal protokolli addizzjonali tal-iċċarġjar, jista’ jintuża kurrent tal-iċċarġjar ogħla minn 5 A dment li ma jillimitax/jirrestrinġix is-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata. Madankollu, dan ma jagħtix eżenzjoni fir-rigward tar-rispett tal-kjarifiki mogħtija għall-mistoqsijiet relatati l-oħra f’din it-taqsima tal-gwida.

29.   It-tagħmir tar-radju jrid joffri l-għażla li wieħed jiċċarġja fil-modi kollha ta’ funzjonament (mitfi, standby, użu baxx, użu normali, u użu intensiv)?

L-RED ma tiddefinixxix il-modalitajiet tal-funzjonament li jrid ikun fihom it-tagħmir tar-radju sabiex jinżamm it-tħaddim waqt l-iċċarġjar.

Il-premessa 6 tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni tipprovdi biss kjarifiki dwar “l-enerġija minima u massima” meħtieġa biex jiġi ċċarġjat it-tagħmir tar-radju. Din tiddikjara li: “L-enerġija minima jenħtieġ li tesprimi s-somma tal-enerġija meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex jibqa’ jaħdem u l-enerġija minima meħtieġa mill-batterija tiegħu biex tibda tiċċarġja. L-enerġija massima jenħtieġ li tesprimi s-somma tal-enerġija meħtieġa mit-tagħmir tar-radju biex jibqa’ jaħdem u l-enerġija meħtieġa biex tinkiseb il-veloċità massima tal-iċċarġjar.”.

It-tagħmir tar-radju, li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni”, għandu madankollu jiżgura li l-ebda wieħed mill-modi ta’ ċċarġjar permissibbli tiegħu ma jinterferixxi jew jillimita l-konformità tiegħu mal-RED (inklużi r-regoli introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni).

It-tagħmir tar-radju b’potenza massima tal-iċċarġjar sa 240W normalment ikun jista’ jiċċarġja bis-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata u jżomm it-tħaddim fil-modalitajiet funzjonali kollha (mitfi, standby, użu baxx, użu normali, u użu intensiv).

Jista’ jkun il-każ li xi wħud mill-modalitajiet ta’ funzjonament tat-tagħmir tar-radju, b’potenza massima tal-iċċarġjar ta’ aktar minn 240 W, jipprevjenu l-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju bil-protokoll tal-iċċarġjar armonizzat minħabba li huma intensivi wisq fl-enerġija; f’dan il-każ, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-konformità ta’ tali tagħmir tar-radju ma tiġix affettwata.

30.   Tagħmir tar-radju li jiċċarġja permezz tal-USB-C u l-USB PD iżda jirrestrinġi l-veloċità tad-data b’mezzi oħra, inklużi l-komponenti msemmija jew mhux imsemmija fl-istandard USB-C, jikkonforma mar-regoli l-ġodda tal-iċċarġjar?

Id-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni ma tintroduċi l-ebda regola dwar it-trasferiment tad-data. Din tintroduċi r-regoli tas-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni, li tippermetti lill-konsumaturi jiċċarġjaw l-apparati tagħhom bl-istess veloċità ma’ kwalunkwe apparat tal-iċċarġjar tal-USB-C, irrispettivament mill-marka tal-apparat. L-RED tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, fl-Artikolu 3(3)(a), biex tiddefinixxi, jekk ikun meħtieġ, liema kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju jkunu meħtieġa li jinbnew biex jaqblu u jaħdmu mal-aċċessorji.

Separazzjoni tal-apparat tal-iċċarġjar

31.   Jista’ tagħmir tar-radju jinbiegħ bl-apparat tal-iċċarġjar fil-kaxxa?

Iva, sakemm il-konsumatur ikollu wkoll l-għażla li jixtri l-istess tagħmir tar-radju mingħajr l-apparat tal-iċċarġjar fil-kaxxa.

Il-manifattur, skont ir-regoli l-ġodda tal-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, mhuwiex meħtieġ jiżgura li ċerti karatteristiċi anċillari (eż. kulur speċifiku) tat-tagħmir tar-radju offrut mingħajr ċarġer ikunu l-istess.

32.   L-apparat tal-iċċarġjar offrut lill-konsumatur separatament mit-tagħmir tar-radju irid ikun identiku għall-apparat tal-iċċarġjar mibjugħ fil-kaxxa?

Le. Sakemm jiġi offrut apparat tal-iċċarġjar kompatibbli, dan ma għandux għalfejn ikun tal-istess kulur, mudell, tip, jew marka bħal dawk mibjugħa fil-kaxxa mat-tagħmir tar-radju.

33.   Jekk tagħmir tar-radju jkollu bokka tal-iċċarġjar alternattiva (jiġifieri mhux USB-C) (eż. forma ta’ bettija) minbarra l-bokka tal-USB tat-Tip C, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a tal-RED rigward il-provvista tat-tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar, japplikaw għall-apparat tal-iċċarġjar alternattiv?

Iva. L-għan huwa li jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ apparati tal-iċċarġjar kompatibbli mas-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni.

L-Artikolu 3(a)(2) tal-RED jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar jekk apparat tal-iċċarġjar huwiex inkluż mat-tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni”. Dan jirreferi wkoll għal pittogramma (stabbilita fil-punt 1 tal-Parti III tal-Anness Ia). Hemm żewġ formati tal-pittogramma: il-format fil-punt 1.1 li għandu jintuża meta mat-tagħmir tar-radju jkun hemm inkluż apparat tal-iċċarġjar; u l-format fil-punt 1.2 li għandu jintuża meta mat-tagħmir tar-radju ma jkunx hemm inkluż apparat tal-iċċarġjar. Il-format tal-pittogramma li jindika li hemm inkluż apparat tal-iċċarġjar (speċifikat fil-punt 1.1) irid jintuża (jiġi pprovdut) anke meta t-tagħmir tar-radju jiġi offrut b’apparat tal-iċċarġjar li ma jkunx kompatibbli mas-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata (jekk apparat tal-iċċarġjar ikun jista’ jinteropera biss permezz ta’ adapter, allura ma jitqiesx bħala apparat tal-iċċarġjar kompatibbli). Meta t-tagħmir tar-radju jiġi offrut b’żewġ apparati tal-iċċarġjar, wieħed li jkun kompatibbli u l-ieħor li ma jkunx kompatibbli, tista’ tiġi pprovduta pittogramma waħda biss, li trid tkun fil-format speċifikat fil-punt 1.1.

Jekk l-apparat tal-iċċarġjar jiġi inkluż mat-tagħmir tar-radju, l-informazzjoni meħtieġa mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(8) tal-RED trid tindika jekk l-apparat tal-iċċarġjar inkluż mat-tagħmir tar-radju huwiex kompatibbli mas-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata jew le. Jeħtieġ li tiġi pprovduta l-istess informazzjoni, għal kull apparat tal-iċċarġjar inkluż mat-tagħmir tar-radju, jekk mat-tagħmir tar-radju jiġu inklużi żewġ apparati tal-iċċarġjar.

34.   Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a tal-RED jestendu għall-kejbil tal-iċċarġjar?

Le. Jekk iċ-ċarġer ikollu kejbil tal-iċċarġjar li jista’ jinqala’, jista’ jkun fl-interess tal-utent finali li l-manifattur iforni kejbil tal-iċċarġjar attribwit kif xieraq mat-tagħmir tar-radju. Din hija deċiżjoni tal-manifattur li, fir-rigward taċ-ċarġer bil-fili, għandu jqis leġiżlazzjoni oħra applikabbli tal-UE, bħad-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx (Direttiva 2014/35/UE (13)) li għandha l-għan li tiżgura li t-tagħmir tal-elettriku fl-ambitu tiegħu jipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni, u tal-annimali domestiċi u l-proprjetà.

35.   Ir-rekwiżit dwar is-separazzjoni jfisser li, meta tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar jiġi offrut għall-bejgħ, ma hemm l-ebda obbligu li jiġi offrut ukoll l-istess mudell ta’ tagħmir tar-radju b’apparat tal-iċċarġjar?

Iva.

36.   Ir-rekwiżit dwar is-separazzjoni tal-apparat tal-iċċarġjar ifisser li għandu dejjem ikun possibbli għall-konsumatur li jixtri prodott mingħajr l-apparat tal-iċċarġjar?

Iva.

Informazzjoni lill-konsumaturi

37.   Il-manifatturi kif għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-kapaċitajiet tal-iċċarġjar (eż. il-potenza minima-massima tal-iċċarġjar, il-protokoll tal-iċċarġjar) tat-tagħmir tar-radju meta jużaw protokoll tal-iċċarġjar addizzjonali?

Il-manifatturi mhumiex obbligati jipprovdu informazzjoni dwar soluzzjonijiet tal-iċċarġjar proprjetarji. Il-manifatturi jistgħu jużaw l-element viżiv tagħhom stess u d-deskrizzjonijiet rilevanti għal kwalunkwe soluzzjoni tal-iċċarġjar addizzjonali li jintegra t-tagħmir tar-radju, separatament mit-tikketta definita fil-Parti IV tal-Anness Ia li għandha tipprovdi biss informazzjoni dwar is-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata.

38.   X’miżuri tista’ tieħu l-Kummissjoni biex tindirizza l-konfużjoni u l-interpretazzjoni ħażina mill-konsumaturi tal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju meta mqabbel mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar tal-apparat tal-iċċarġjar tagħhom (provvista tal-enerġija esterna)?

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li jekk ikun meħtieġ, tindirizza kwistjonijiet potenzjali li jirriżultaw mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni viżiva billi timmodifika l-pittogramma jew it-tikketta msemmija rispettivament fil-Parti III u fil-Parti IV tal-Anness Ia permezz ta’ atti delegati.

39.   Il-laptops huma eżentati mir-rekwiżit li fuq l-imballaġġ jiġu indikati l-pittogramma u t-tikketta msemmija fil-Parti III u fil-Parti IV tal-Anness Ia tal-RED?

Le. Il-kategoriji jew il-klassijiet kollha tat-tagħmir tar-radju li huma soġġetti għar-regoli dwar “ċarġer komuni” għandu jkollhom il-pittogramma u t-tikketta fuq l-imballaġġ tagħhom. Il-pittogramma li tindika l-preżenza jew in-nuqqas ta’ apparat tal-iċċarġjar mat-tagħmir tar-radju hija definita fl-Artikolu 3a(2) tal-RED. It-tikketta li tagħti informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u ċ-ċarġers kompatibbli hija definita fl-Artikolu 10(8) tal-istess Direttiva.

Skont ir-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED, l-informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u ċ-ċarġers kompatibbli (il-Parti II tal-Anness Ia) tista’ ssir disponibbli wkoll permezz ta’ kodiċijiet QR jew soluzzjonijiet elettroniċi simili.

Applikazzjoni, konformità u implimentazzjoni

40.   X’għandhom jagħmlu l-operaturi ekonomiċi b’mudelli preċedenti ta’ tagħmir tar-radju li ma jinkorporawx is-soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni?

Il-manifatturi jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni, sabiex japplikaw ir-regoli l-ġodda għall-prodotti tagħhom.

Dħul fis-seħħ: it-28 ta’ Diċembru 2022;

Applikabbli minn: it-28 ta’ Diċembru 2024, għal mowbajls li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, headsets, consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn, speakers portabbli, qarrejja elettroniċi, tastieri, mice, sistemi ta’ navigazzjoni portabbli, earbuds; u t-28 ta’ April 2026, għal-laptops.

Nota: dawn il-kategoriji ta’ tagħmir tar-radju huma elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia u japplikaw ir-regoli ta’ “ċarġer komuni”, mid-dati indikati hawn fuq, jekk it-tagħmir tar-radju jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili.

Fir-rigward tal-prodotti eżistenti, ir-regoli l-ġodda se japplikaw għall-apparati kollha li l-ewwel se “jitqiegħdu fis-suq” fl-UE, mad-dħul fis-seħħ jew wara (ara hawn fuq), irrispettivament minn jekk humiex ta’ “mudell” diġà kkummerċjalizzat. L-RED ma tirrikonoxxix il-kunċett ta’ “mudell”, li huwa terminu kummerċjali.

Dan mhux se jipprevjeni li l-istokk eżistenti ta’ tagħmir li jkun tqiegħed fis-suq tal-UE qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda jinbiegħ legalment wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda. Il-“Gwida Blu” fiha aktar gwida dettaljata dwar dik il-kwistjoni, b’mod partikolari fit-taqsima 2. Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 43.

41.   Ir-regoli huma applikabbli għall-prodotti mibjugħa barra mill-UE?

L-RED tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tar-radju fl-UE. Ir-regoli u r-rekwiżiti stabbiliti fl-RED huma applikabbli biss fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE u ma għandhom l-ebda applikazzjoni ekstraterritorjali.

Ir-regoli tal-UE ma jobbligawx lill-manifatturi jimplimentaw is-soluzzjoni armonizzata tal-iċċarġjar fuq il-linji kollha tal-prodotti tagħhom li jbigħu globalment iżda biss fuq dawk il-prodotti li jinbiegħu fis-suq tal-UE. Għalhekk, ir-regoli tal-UE ma jipprevjenux lill-manifatturi milli joffru prodotti, li jinkorporaw soluzzjonijiet differenti tal-iċċarġjar f’reġjuni globali differenti. Id-deċiżjoni dwar jekk jintgħażlux soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar differenti għal prodotti mibjugħa f’reġjuni globali differenti jew li minflok jintgħażlu soluzzjonijiet armonizzati ta’ ċċarġjar tal-UE għall-prodotti kollha mibjugħa globalment hija għalhekk kompletament f’idejn il-manifatturi.

Jista’ jkun li fil-futur ir-regoli dwar “ċarġer komuni” japplikaw f’pajjiżi bħall-Istati taż-ŻEE-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja), f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim rilevanti.

42.   Il-kejbils u t-tagħmir għall-iċċarġjar mhux USB se jkollhom jintremew?

Id-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni ma teħtieġx ir-rimi ta’ tagħmir tar-radju, kejbils, jew apparati tal-iċċarġjar li jintużaw mill-konsumaturi jew li diġà huma mqiegħda fis-suq tal-UE, li mhumiex mgħammra bis-soluzzjoni tal-iċċarġjar armonizzata. Ir-regoli japplikaw biss għal kwalunkwe tagħmir tar-radju li se jitqiegħed fis-suq tal-UE fid-data tal-applikabbiltà tar-regoli dwar “ċarġer komuni” jew warajha. L-RED tiddefinixxi t-“ tqegħid fis-suq” bħala “ l-ewwel darba li tagħmir tar-radju jkun disponibbli fis-suq tal-Unjoni ”, filwaqt li tinnota madankollu li l-kunċett ta’ tqegħid fis-suq jirreferi għal kull prodott individwali, mhux għal tip ta’ prodott, u jekk kienx manifatturat bħala unità individwali jew f’serje (ara wkoll it-taqsima 2 tal-Gwida Blu li tipprovdi kjarifiki dwar it-termini “tqegħid fis-suq” u “it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq”). Ir-regoli l-ġodda ovvjament se jeħtieġu xi adattament għall-prattiki eżistenti matul iż-żmien, iżda huma mistennija impatti pożittivi, minħabba li l-frammentazzjoni tas-suq f’termini ta’ bokki tal-iċċarġjar b’mod partikolari u t-teknoloġija tal-iċċarġjar b’mod ġenerali bħalissa tikkawża inkonvenjenzi lill-konsumaturi u tipproduċi skart elettroniku bla bżonn.

43.   Il-manifatturi kif se juru konformità mar-rekwiżiti essenzjali taċ-“Ċarġer Komuni”?

Il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli tal-RED hija prerekwiżit għat-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

F’konformità mal-Artikolu 17(2) tal-RED, il-manifatturi jridu juru li t-tagħmir tar-radju tagħhom jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (4) tal-RED, bl-użu ta’ kwalunkwe waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a)

il-kontroll intern tal-produzzjoni kif stabbilit fl-Anness II;

(b)

Eżami tat-tip tal-UE segwit mill-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness III;

(c)

konformità abbażi tal-assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità kif stabbilit fl-Anness IV.

Ir-rekwiżiti essenzjali taċ-“Ċarġer Komuni” huma stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tal-RED.

Nota: Għar-rekwiżiti essenzjali l-oħra tal-RED, jiġifieri dawk li huma stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tal-RED, il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità huma stabbiliti fl-Artikolu 17(2) u (3) tal-RED.

44.   Min se jiżgura li l-prodotti mhux konformi ma jispiċċawx fis-suq tal-UE?

L-Istati Membri huma fdati bl-organizzazzjoni u t-twettiq tas-sorveljanza tas-suq, li għandha tiżgura li l-prodotti koperti minn leġiżlazzjoni speċifika armonizzata, li jistgħu jikkompromettu s-saħħa jew is-sikurezza tal-utenti, jew li ma jikkonformawx mar-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjonijiet speċifiċi tal-prodott, jiġu rtirati, projbiti, jew ristretti mis-suq tal-UE.

Fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq, l-RED hija applikabbli flimkien mar-Regolament (UE) 2019/1020 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti.

45.   X’sanzjonijiet se jiffaċċja l-manifattur jekk il-prodott tiegħu ma jkunx konformi mar-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni fl-RED?

Id-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni ma tintroduċi l-ebda sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ rispett tar-rekwiżiti li għadhom kif ġew introdotti. L-RED, li qed tiġi emendata, diġà fiha regoli dwar l-infurzar (il-proċedura tal-klawżola ta’ salvagwardja) u penali possibbli għall-operaturi ekonomiċi, li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti applikabbli. B’mod partikolari, il-miżuri speċifiċi ta’ infurzar huma spjegati fid-dettall fil-Kapitolu V tal-RED. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq, li huma responsabbli għall-infurzar tar-regoli jistgħu jieħdu serje ta’ miżuri korrettivi u/jew restrittivi fir-rigward ta’ prodotti mhux konformi, inkluż l-irtirar jew is-sejħa lura ta’ tagħmir tar-radju mhux konformi.

Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tal-RED jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali r-regoli rispettivi tagħhom dwar il-penali applikabbli għall-ksur tar-regoli tal-RED minn operaturi ekonomiċi. Ir-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni huma parti integrali mill-RED, u għalhekk il-penali se japplikaw ukoll għall-ksur tar-regoli tad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni mill-operaturi ekonomiċi.

Il-penali (inklużi s-sanzjonijiet finanzjarji possibbli) għan-nuqqas ta’ rispett tar-regoli l-ġodda, li se jiġu introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni għalhekk jistgħu jinstabu fl-istrumenti legali nazzjonali rispettivi, li jittrasponu l-RED. Dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali jistgħu jinstabu taħt l-intestatura ‘Traspożizzjoni nazzjonali’ fuq il-paġna web li ġejja disponibbli għall-pubbliku: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/NIM/?uri=CELEX:32014L0053.

46.   L-istandards imsemmija fl-Anness Ia tal-RED jirrikjedu konformità mal-istandards kollha referenzjati jew sempliċiment konformità ma’ ċertu partijiet?

Ir-regoli introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni jirrikjedu li t-tagħmir tar-radju li huwa soġġett għar-regoli dwar “ċarġer komuni” jinkorpora l-bokka tal-USB u l-protokoll tal-iċċarġjar tal-USB PD kif deskritt fl-istandards rispettivi. Skont l-Anness Ia, ma hemm l-ebda referenza għal xi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ partijiet/taqsimiet speċifiċi tal-istandards. Għalhekk, l-istandards iridu jiġu kkunsidrati fl-intier tagħhom (sal-punt li l-partijiet/it-taqsimiet tal-istandards jirrelataw ma’ dawk ir-rekwiżiti) sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. Ċerti aspetti oħra huma regolati minn dispożizzjonijiet oħra tal-RED (eż. l-aspetti tas-sikurezza huma regolati mill-Artikolu 3(1)(a) tal-RED u l-aspetti tal-kompatibbiltà elettromanjetika huma regolati mill-Artikolu 3(1)(b) tal-RED).

Meta l-istandards referenzjati fl-Anness Ia jispeċifikaw diversi soluzzjonijiet alternattivi, l-għażla tas-soluzzjoni xierqa ma għandhiex tikkomprometti l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness Ia.

47.   Kif se jiġu aġġornati r-referenzi għall-istandards stabbiliti fl-Anness Ia meta jiġu ppubblikati edizzjonijiet ġodda mill-Organizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni Internazzjonali jew Ewropea?

L-RED tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex temenda l-Anness Ia permezz ta’ atti delegati. Dawn l-emendi, imħejjija sew minn qabel f’konsultazzjoni mal-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, se jippermettu li l-progress xjentifiku u teknoloġiku jew l-iżviluppi tas-suq jiġu riflessi mill-qrib. L-ewwel att delegat (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717 li jaġġorna r-referenzi għall-istandards imsemmija fl-Anness Ia) ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Settembru 2023. Fir-rigward tal-perjodi ta’ tranżizzjoni, se ssir analiżi fuq bażi ta’ każ b’każ. Pereżempju, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717, ma fihx perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, dan se japplika de facto mid-data tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Anness Ia li emenda, li għalih diġà ngħata perjodu ta’ tranżizzjoni xieraq mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni nnifisha.

48.   Tagħmir tar-radju li diġà jimplimenta edizzjonijiet ġodda ta’ standards li għadhom mhumiex referenzjati fl-Anness Ia huwa permess fis-suq tal-UE qabel il-pubblikazzjoni ta’ att delegat li jaġġorna dawk ir-referenzi?

Trid tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali. Il-manifattur jista’ juża edizzjoni ġdida ta’ standards li għadhom mhumiex imsemmija fl-Anness Ia sakemm il-prodott ikun konformi mal-istandards li r-referenzi tagħhom huma legalment vinkolanti skont l-RED (referenzjati fl-Anness Ia), u jekk id-dokumentazzjoni teknika turi li l-konformità ma’ dawk l-istandards ġiet żgurata.

49.   L-istandards speċifikati fl-Anness Ia għandhom jiġu referenzjati fid-Dikjarazzjoni ta’ Konformità tal-UE?

Le. Ma hemm l-ebda obbligu ta’ dan it-tip. L-istandards referenzjati fl-Anness Ia mhumiex standards armonizzati/speċifikazzjonijiet tekniċi volontarji għall-valutazzjoni tal-konformità. Meta titqies l-istruttura tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE (il-punt 6 tal-Anness VI tal-RED ma jirrigwardax ir-rekwiżiti essenzjali obbligatorji jew l-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji), ma hemm l-ebda rekwiżit li dawn l-istandards jiġu referenzjati fid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

Madankollu, il-manifatturi tat-tagħmir tar-radju elenkati fil-Parti I tal-Anness Ia tal-RED iridu jżommu evidenza ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti fid-dokumentazzjoni teknika tal-prodott. L-RED tistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità fl-Artikolu 17 tagħha, li japplikaw ukoll għar-rekwiżiti essenzjali “ġodda” relatati maċ-“Ċarġer Komuni” miżjuda mal-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni.

50.   Peress li l-istandards referenzjati mhumiex standards armonizzati ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-manifattur huwa meħtieġ li juża korp notifikat biex juri l-konformità mad-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni?

Le. L-użu ta’ korp notifikat mhuwiex obbligatorju. Jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 17(2) tal-RED kif ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija 43.

51.   X’jagħmlu l-modifiki fl-RED introdotti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni biex jipprevjenu l-bejgħ/ix-xiri/l-użu ta’ kejbils u ċarġers mhux sikuri?

Prodotti li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE mhumiex permessi fis-suq tal-UE.

L-RED fiha dispożizzjonijiet ċari u inekwivokabbli biex tiżgura s-sikurezza għat-tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, is-sikurezza taċ-ċarġers bil-fili hija regolata mid-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx. L-emendi introdotti fl-RED mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġer Komuni huma maħsuba biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ kejbils u apparati tal-iċċarġjar li huma kompatibbli magħha irrispettivament minn jekk humiex prodotti mill-manifattur tat-tagħmir tar-radju jew minn manifattur ieħor. Dawn jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi u tiżdied il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, huwa r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq li jiżguraw li prodotti mhux konformi (mhux sikuri) ma jitqegħdux fis-suq tal-UE.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2022/2380 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2380/oj).

(2)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/53/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1717 tas-27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għar-reċipjent tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar għall-kategoriji jew għall-klassijiet kollha ta’ tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili (ĠU L 223, 11.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1717/oj).

(4)  Grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar it-Tagħmir tar-Radju - E03587

(5)  Guide to the Radio Equipment Directive 2014/53/EU Verżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2018 - https://ec.europa.eu/docsroom/documents/33162?locale=mt

(6)  L-Avviż tal-Kummissjoni, il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1).

(7)  Il-manifattur jista’ jagħżel minn kwalunkwe waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin: (a) il-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II tal-RED; (b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness III tal-RED; (c) il-konformità abbażi tal-assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità stabbilita fl-Anness IV tal-RED.

(8)  Il-manifattur jista’ jagħżel minn kwalunkwe waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin: (a) il-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II tal-RED; (b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness III tal-RED; (c) il-konformità abbażi tal-assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità stabbilita fl-Anness IV tal-RED.

(9)  Il-pittogramma għandha tiġi stampata fuq l-imballaġġ jew titwaħħal mal-imballaġġ bħala stiker. Meta t-tagħmir tar-radju jkun disponibbli għall-konsumaturi u għal utenti finali oħra, il-pittogramma għandha tintwera b’mod viżibbli u leġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz.

(10)  Tali informazzjoni għandha tiġi inkluża fl-istruzzjonijiet li għandhom ikunu f’forma stampata. Tali informazzjoni tista’ ssir disponibbli, barra minn hekk, permezz ta’ kodiċijiet QR jew soluzzjonijiet elettroniċi simili.

(11)  Tikketta bħal din għandha tkun: (a) stampata fl-istruzzjonijiet; u (b) stampata fuq l-imballaġġ jew imwaħħla mal-imballaġġ bħala stiker. Fin-nuqqas ta’ imballaġġ, l-istiker bit-tikketta għandha titwaħħal mat-tagħmir tar-radju. Meta t-tagħmir tar-radju jkun disponibbli għall-konsumaturi u għal utenti finali oħra, it-tikketta għandha tintwera b’mod viżibbli u leġġibbli u, fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, qrib l-indikazzjoni tal-prezz. Jekk id-daqs jew l-għamla tat-tagħmir tar-radju ma jippermettux mod ieħor, it-tikketta tista’ tiġi stampata bħala dokument separat li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju.

(12)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13351-Provvisti-tal-elettriku-esterni-ekodisinn-u-rekwiziti-ta-informazzjoni-riezami-_mt

(13)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/35/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2997/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)