European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2971

26.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KULLEĠĠ TAL-UFFIĊĊJU TAL-PROSEKUTUR PUBBLIKU EWROPEW

tas-7 ta’ frar 2024

Emendar U Ssupplimentar tar-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

(C/2024/2971)

Il-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar l-UPPE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mfassla mill-Kap Prosekutur Ewropew;

Billi:

1.

Kważi tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet u fid-dawl tal-istruttura unika tiegħu, ġiet adottata organigramma ġdida tal-UPPE, li tistabbilixxi inter alia Segretarjat tal-Kulleġġ.

2.

Wara l-adozzjoni tal-organigramma tal-UPPE, huwa meħtieġ li wieħed jipproċedi bl-aġġustamenti fir-Regoli ta’ Proċedura Interni, b’mod partikolari fir-rigward tas-Segretarjat tal-Kulleġġ li għadu kif ġie stabbilit.

3.

Huwa meħtieġ li fir-Regoli ta’ Proċedura Interni tiġi rregolata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti gruppi ta’ ħidma u gruppi konsultattivi għall-Kulleġġ/Kap Prosekutur Ewropew.

4.

Il-proċedura dettaljata għall-ħatra tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u t-tiġdid tal-mandat ta’ 5 snin tagħhom għandha tiġi prevista fid-Deċiżjoni tal-Kulleġġ dwar il-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Prosekuturi Delegati Ewropej.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni 003/2020 tal-Kulleġġ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew dwar ir-Regoli ta’ Proċedura Interni tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, kif emendata u ssupplimentata bid-Deċiżjonijiet 085/2021 u 026/2022 tal-Kulleġġ tal-UPPE, hija emendata u ssupplimentata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

“Artikolu 13

Is-Segretarjat tal-Kulleġġ

1.   Il-Kulleġġ għandu jkun assistit minn Segretarjat tal-Kulleġġ fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Kulleġġ, li jaħdem f’konsultazzjoni mal-Kap Prosekutur Ewropew.

2.   Is-Segretarjat tal-Kulleġġ għandu, fost responsabbiltajiet oħra, jattendi l-laqgħat tal-Kulleġġ, jirreġistra u jżomm il-minuti tal-laqgħat tal-Kulleġġ, jikkompila sommarji tal-eżiti tal-laqgħat, u jżomm rekords komprensivi tal-attivitajiet tal-Kulleġġ.

3.   Il-Kap tas-Segretarjat tal-Kulleġġ, li jservi bħala Segretarju għall-Kulleġġ, għandu jinħatar mill-Kulleġġ.”

;

(2)

wara l-Artikolu 14, jiżdied Artikolu ġdid, 14a, bil-kontenut li ġej:

“Artikolu 14a

Gruppi ta' ħidma

1.   Il-Kulleġġ u l-Kap Prosekutur Ewropew jistgħu jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma u bordijiet konsultattivi biex jipprovdu lill-Kulleġġ, jew, rispettivament, lill-Kap Prosekutur Ewropew, b’pariri u għarfien espert.

2.   Il-mandat, il-kompożizzjoni u l-funzjonament prattiku tal-formazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddeterminati fid-deċiżjoni rispettiva tal-Kulleġġ jew tal-Kap Prosekutur Ewropew, li tistabbilixxi kull grupp ta’ ħidma jew grupp konsultattiv.”

;

(3)

fl-Artikolu 24, it-tielet paragrafu huwa emendat kif ġej:

“3.   Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda oġġezzjoni minn membru permanenti tal-Awla Permanenti jew mill-Prosekutur Ewropew ta' superviżjoni, sa skadenza ddeterminata mill-President li ma tkunx iqsar minn tlett ijiem, id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata.”

;

(4)

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

“Artikolu 33

Ħatra ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej u tiġdid tal-mandat tagħhom ta’ 5 snin

Il-Kulleġġ għandu jiddeċiedi dwar il-ħatra tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u dwar it-tiġdid tal-mandat ta’ 5 snin tagħhom abbażi ta’ proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-UPPE u r-regoli previsti fid-Deċiżjoni tal-Kulleġġ dwar il-Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-Prosekuturi Delegati Ewropej”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu is-7 ta’ Frar 2024.

F’isem il-Kulleġġ

Laura Codruța KÖVESI

Kap Prosekutur Ewropew


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2971/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)