European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2874

25.4.2024

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-apikultura organika

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2024/2874)

Dan id-dokument jipprovdi tweġibiet għall-mistoqsijiet li s-servizzi tal-Kummissjoni rċevew fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-apikultura organika.

Dan id-dokument huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u lin-negozji fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni.

NOTA (1) RIPAC NRU 2024-01

SETTUR:

BIEDJA ORGANIKA

MIŻURA:

APIKULTURA

SUĠĠETT:

ŻONI TAR-RAGĦA TAN-NAĦAL — SITI tal-IMĠIEBAĦ — XEMA’ TAN-NAĦAL — TQEGĦID tad-DOQQAJS

DISPOŻIZZJONIJIET IKKONĊERNATI:

Ir-Regolament (UE) 2018/848 (2), l-Artikoli 21 u 35; il-punt 1.9.6.5 tal-Parti II tal-Anness II;

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (3), l-Artikoli 28 u 30;

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 (4) – l-Artikoli 31, 70, 72 u 154.

Mistoqsija nru 1:   L-apikulturisti organiċi jridu jqiegħdu l-imġiebaħ tagħhom f’żoni fejn is-sorsi tan-nektar u tal-għabra tad-dakra jikkonsistu essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew minn veġetazzjoni spontanja jew minn foresti ġestiti b’mod mhux organiku jew minn għelejjel ittrattati b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx. Liema metodi jistgħu jitqiesu bħala metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx, kif imsemmija fil-punti 1.9.6.5 (a) u 1.9.6.5 (c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.?

Tweġiba:

It-terminu “metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx” kif imsemmi fil-punti 1.9.6.5 (a) u 1.9.6.5 (c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal metodi ekwivalenti għal dawk użati skont il-miżuri li qabel kienu previsti fl-Artikoli 28 (“Agriambjentali klimatiċi”) u 30 (“pagamenti tan-Natura 2000 u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li ma setgħux jaffettwaw il-kwalifika tal-produzzjoni tat-trobbija tan-naħal bħala organika.

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tħassar mill-1 ta’ Jannar 2023 bl-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

L-Artikoli 31 (“Skemi għall-klima, l-ambjent u t-trattament xieraq tal-annimali”), 70 (“Impenji ta’ ġestjoni ambjentali, marbuta mal-klima u impenji oħrajn ta’ ġestjoni”) u 72 (“Żvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji”) tar-Regolament (UE) 2021/2115 dwar il-PAK il-ġdid jippermettu lill-Istati Membri (skont il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom) jipprogrammaw interventi li jistgħu jwasslu benefiċċji ambjentali, simili għall-miżuri pprogrammati skont l-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

L-interventi disponibbli għall-Istati Membri kif stabbiliti fl-Artikoli 31, 70 u 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-objettivi speċifiċi tal-PAK, kif stabbiliti b’mod partikolari fil-punti (d), (e), (f) u (i) tal-Artikolu 6(1) ta’ dak ir-Regolament: “ (d) il-kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, billi fost l-oħrajn jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jissaħħaħ is-sekwestru tal-karbonju, kif ukoll il-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli; (e) it-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja, fosthom bit-tnaqqis tad-dipendenza fuq is-sustanzi kimiċi; (f) il-kontribuzzjoni għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, it-tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema u l-preservazzjoni tal-ħabitats u l-pajsaġġi; […] (i) it-titjib tar-rispons tal-agrikoltura tal-Unjoni għad-domanda soċjetali għall-ikel u għas-saħħa, inkluż ikel sikur u nutrittiv ta’ kwalità għolja prodott b’mod sostenibbli, it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, kif ukoll it-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi.”

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar it-trobbija tan-naħal fil-produzzjoni organika fir-Regolament (UE) 2018/848, peress li l-punt 1.9.6.5 (c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 jirreferi għall-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, mill-1 ta’ Jannar 2023, kull Stat Membru jrid għalhekk jivvaluta jekk l-interventi pprogrammati fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu biex jappoġġaw l-art skont l-Artikoli 31, 70 u 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jiżgurawx li “ veġetazzjoni spontanja jew foresti jew għelejjel ġestiti b’mod mhux organiku ” “ jiġu ttrattati biss b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx” “ f’radju ta’ 3 km mis-sit tal-miġbħa ”, li ma jipperikolawx iċ-ċertifikazzjoni organika tal-prodotti tal-apikultura f’konformità mal-punti 1.9.6.5 (a) u 1.9.6.5 (c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848:

“1.9.6.5.

L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Fir-rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-imġiebaħ għandhom jitqiegħdu f’żoni li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ nektar u trab tad-dakra li jikkonsistu essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew, fejn xieraq, minn veġetazzjoni spontanja jew foresti jew għelejjel ġestiti b’mod mhux organiku li jiġu ttrattati biss b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx;

(…)

(c)

il-post tal-imġiebaħ għandu jkun tali li, f’raġġ ta’ 3 km mis-sit tal-mġiebaħ, is-sorsi tan-nektar u tal-għabra tad-dakra jikkonsistu essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew veġetazzjoni spontanja jew għelejjel trattati b’metodi ta’ impatt ambjentali baxx ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li ma jistgħux jaffettwaw il-kwalifika tal-produzzjoni tal-apikultura bħala organika. Dak ir-rekwiżit ma japplikax meta ma jkunx żmien il-fjuri, jew meta l-kolonji tan-naħal ma jkunux attivi;”

Mistoqsija nru 2:   Il-produtturi u l-proċessuri tax-xema’ tan-naħal jistgħu jiġu ċċertifikati bħala operaturi organiċi? Jekk iva, liema regoli dettaljati tal-produzzjoni għandhom japplikaw?

Tweġiba:

Ix-xema’ tan-naħal hija elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/848 u għalhekk hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament (5) kemm jekk tintuża għall-ikel jew għall-għalf jew għal skopijiet oħra bħas-sostituzzjoni tax-xema’ tan-naħal f’doqqajs organiċi.

B’konsegwenza ta’ dan, proċessur jew produttur li jiġbor ix-xema’ tan-naħal organika jista’ jiġi ċċertifikat bħala “organiku” f’konformità mal-prinċipji u r-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Ir-Regolament (UE) 2018/848 fih regoli dettaljati dwar il-produzzjoni tan-naħal u tat-trobbija tan-naħal. Ir-Regolament (UE) 2018/848 fih ukoll diversi rekwiżiti dwar il-konverżjoni, u l-kura tas-saħħa, kif ukoll dwar il-prattiki tal-akkomodazzjoni u tat-trobbija relatati max-xema’ tan-naħal li jistgħu jintużaw minn apikulturisti organiċi. Id-dispożizzjonijiet tal-punti 1.2.2 (f) (6), il-punt 1.9.6.3 (f) (7) u l-punti 1.9.6.5 (e) u 1.9.6.5 (f) (8) tal-Parti II tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament b’mod partikolari, huma rilevanti.

Madankollu, ir-Regolament (UE) 2018/848 ma fih ebda regoli dettaljati addizzjonali relatati mal-produzzjoni tax-xema’ tan-naħal organiku. Minħabba f’hekk, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2018/848:

“2.

Fin-nuqqas tar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

l-operaturi għandhom, fir-rigward tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1, jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, mutatis mutandis mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 7, u mar-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11;

(b)

Stat Membru, fir-rigward tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1, jista’ japplika regoli nazzjonali dettaljati dwar il-produzzjoni, sakemm dawk ir-regoli jkunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u sakemm ma jipprojbixxux, jirrestrinġu jew ixekklu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkunu ġew prodotti barra mit-territorju tiegħu u li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.”

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regola tal-produzzjoni tal-UE jew nazzjonali, hija għalhekk ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn l-operaturi li jiddeċiedu fuq bażi ta’ każ b’każ jekk l-attività tal-operaturi u l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom “ jikkonformaw(x) mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, mutatis mutandis mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 7, u mar-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11.”

Mistoqsija nru 3:   F’liema kategorija ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 35(7) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tiġi kklassifikata x-xema’ tan-naħal?

Tweġiba:

Għall-finijiet tal-Artikoli 35(1) u (4) relatati maċ-ċertifikat tal-operaturi, ix-xema’ tan-naħal hija kklassifikata fil-kategorija (g) tal-Artikolu 35(7):

(g)

“prodotti oħra elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament jew mhux koperti mill-kategoriji preċedenti”.


(1)  Ir-RIPAC (li ħa ismu mill-akronimu Franċiż tiegħu “Registre d’Interprétation de la Politique Agricole Commune”) huwa reġistru u bażi tad-data ta’ noti interpretattivi dwar il-liġi agrikola.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013, (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(5)   “L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/848: Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluż l-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-TFUE u għall-prodotti li joriġinaw minn dawk il-prodotti, fejn tali prodotti jkunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnha:

(a)

prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati, inkluż materjal taż-żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor tal-pjantii;

(b)

prodotti agrikoli proċessati għall-użu bħala ikel;

(c)

għalf.

Dan ir-Regolament japplika wkoll għal ċerti prodotti oħra marbuta mill-qrib mal-agrikoltura elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament fejn dawn ikunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnu.”

(6)   “ Matul il-perijodu ta’ konverżjoni x-xema’ għandha tkun sostitwita b’xema’ li tkun ġejja minn trobbija tan-naħal organiku. Madankollu, xema’ mhux organika tista’ tintuża: (i) fejn ix-xema’ minn trobbija tan-naħal organika ma tkunx disponibbli fis-suq; (ii) fejn ikun pruvat li huwa ħieles mill-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika; u (iii) dment li jkun ġej mill-operculum.

(7)   “Fir-rigward tal-kura tas-saħħa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin: (…) (f) jekk jiġi applikat trattament bi prodotti allopatiċi kimikament sintetizzati, inkluż l-antibijotiċi, minbarra prodotti u sustanzi awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, għad-durata ta-trattament, il-kolonji ttrattati għandhom jitqiegħdu f’imġiebaħ iżolati u x-xema’ kollha għandha tiġi sostitwita minn xema’ li tkun ġejja minn trobbija organika tan-naħal. Sussegwentement, għal dawk il-kolonji għandu japplika l-perijodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar stabbilit fil-punt 1.2.2.”

(8)  

“(e)

ix-xema’ tan-naħal għall-pedamenti ġodda għandha tiġi minn unitajiet tal-produzzjoni organika; (f) fid-doqqajs jistgħu jintużaw prodotti naturali biss, bħaż-żaftur, ix-xema’ u ż-żjut tal-pjanti;”


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2874/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)