|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/2873 |
24.4.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/2873)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA
“DÖNER”
Nru KE: TSG-TR-02843 – 20.05.2022
Stat Membru jew Pajjiż Terz “Türkiye”
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
“Döner”
2. Tip ta’ prodott [bħal fl-anness XI]
Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)
3. Raġunijiet għar-reġistrazzjoni
3.1. Indika jekk il-prodott:
|
☒ |
jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondi għal prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew oġġett tal-ikel |
|
☐ |
huwiex magħmul minn materja prima jew minn ingredjenti li huma dawk użati tradizzjonalment. |
[Ipprovdi spjegazzjoni]
Id-“Döner” huwa prodott tradizzjonali tal-laħam ippreparat billi jitwaħħlu orizzontalment fuq seffud tal-azzar inossidabbli tat-tip “Döner” kotoletti tal-laħam imfettin irqaq u orizzontalment mill-bhejjem tal-ifrat, nagħaġ, jew tiġieġ u jissajjar billi jiddawwar vertikalment madwar l-assi tiegħu quddiem in-nar. Qabel ma jissajru, il-kotoletti tal-laħam irqaq u mfettin orizzontalment jiġu mmarinati f’taħlita ta’ jogurt jew ħalib, bżar jew polpa tat-tadam, ħxejjex aromatiċi, ħwawar, u melħ. Matul it-tqegħid tagħhom fuq seffud, bejn is-saffi tal-laħam jitqiegħdu qatgħat tax-xaħam ta’ bhejjem adulti, tax-xaħam tad-dam, jew tax-xaħam tad-denb tan-nagħaġ imfettin orizzontalment. Bħala sors tal-laħam, jintużaw biċċiet kbar tal-laħam tal-bhejjem tal-ifrat jew tal-muntun, kapuljat taċ-ċanga jew tal-muntun jew taħlita tagħhom, jew laħam tat-tiġieġ.
Id-“Döner” infirex minn Istanbul għal bliet differenti tal-ġeografija Ottomana mill-bidu tas-snin 1800. Dan ġie msajjar u mibjugħ fir-ristoranti u fit-taverni. Skont il-manuskritt ta’ Takiyyiddin, it-tisjir vertikali tad-“Döner” imur lura għall-1546. Il-mod kif jiġi ppreparat (tfettit, immarinar, tqegħid fuq xulxin fuq żbarra) u t-tisjir vertikali tiegħu billi jiddawwar jagħtuh il-karatteristika tradizzjonali tal-produzzjoni.
Jingħad li l-Greċja kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn id-“Döner” ġie introdott matul skambju tal-persuni bejn it-Turkija u l-Greċja fl-1922. Fil-Greċja, ġie msejjaħ “gyro”.
Id-“Döner” sar simbolu kulturali tal-immigrazzjoni Torka lejn l-Ewropa, b’mod partikolari, lejn il-Ġermanja, li kompliet b’mod intensiv mill-1962 sal-1979. Skont l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tad-Döner Torok fl-Ewropa (ATDID), id-“Döner” ġie prodott għall-ewwel darba mill-ħaddiem Tork Kadir Nurman f’Berlin fl-1972. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-isem u l-proċess tal-produzzjoni baqgħu l-istess u nfirxu ħafna fil-Ġermanja u f’pajjiżi Ewropej oħra.
Eventwalment, id-“Döner” sar wieħed mill-aktar ikel fit-toroq etniku popolari. Wara 35 sena ta’ tiftix, is-Soċjologu Ġermaniż Eberhard Seidel ippubblika ktieb intitolat “Döner”: “Eine türkisch-deutsche Kulturgeschichte” fl-2022, biex jiċċelebra l-50 anniversarju tad-“Döner” fil-Ġermanja.
3.2. Indika jekk l-isem:
|
☒ |
jintużax tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku |
|
☐ |
jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott [Ipprovdi spjegazzjoni] |
It-terminu “Döner” huwa relatat mat-teknika tradizzjonali tat-tisjir, mhux ma’ żona ġeografika. Id-Dizzjunarju tal-Lingwa Torka tal-Istituzzjoni tal-Lingwa Torka jiddeskrivi d-“Döner” bħala tip ta’ kebab miksub billi jitqiegħdu orizzontalment kotoletti tal-laħam imfettin fuq virga tal-metall, magħrufa bħala seffud tad-döner, u jissajjar vertikalment quddiem in-nar billi jiddawwar fuq l-assi tiegħu. “Döner” ġejja mill-verb “ dönmek ” li jfisser “tidwir” bl-Ingliż.
Madankollu, fl-Ewropa sar magħruf bħala “Döner kebab”. Hawnhekk, “kebab” huwa isem ġeneriku użat għal kull tip ta’ laħam imsajjar quddiem in-nar u oriġinarjament huwa kelma Għarbija. Hemm diversi tipi ta’ kebab bħall-Adana Kebab, l-Urfa Kebab, is-Şiş Kebab, il-Patlıcan Kebab, il-Kuyu Kebab eċċ. Dawn il-kebabs kollha, ħlief għad-“Döner Kebab”, huma prodotti minn kapuljat taċ-ċanga (l-Adana Kebab) jew laħam imqatta’ f’biċċiet żgħar (il-Patlıcan Kebab u s-Şiş Kebab, it-Tokat Kebab) jew sħiħ (il-Kuyu Kebab). Qabel ma jissajru, dawn jitqiegħdu fuq żbarra qasira u jissajru orizzontalment fuq in-nar jew f’bir vertikalment.
Kif intqal qabel fil-ktieb tas-Soċjologu Ġermaniż Eberhard Seidel, it-terminu/i “Döner” jew “Döner Kebab” ma nbidilx/nbidlux minn meta ġie/ġew prodott/i għall-ewwel darba f’Berlin fl-1972. Hemm diversi artikli xjentifiċi li jindikaw li t-terminu/i “Döner” jew “Döner Kebab” ġie/ġew aċċettat(i) b’mod wiesa’ u użat(i) fl-Ewropa kollha kif muri hawn taħt. Saħansitra, hemm assoċjazzjonijiet stabbiliti mill-produtturi tad-“Döner” fil-Ġermanja u fl-Ewropa.
4. Deskrizzjoni
4.1. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem taħt il-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
Id-“Döner” huwa prodott tradizzjonali tal-laħam imsajjar vertikalment quddiem in-nar billi jiddawwar fuq l-assi tiegħu wara li kotoletti tal-laħam imfettin irqaq u orizzontalment miksuba minn karkassi tal-bhejjem tal-ifrat, tan-nagħaġ, jew tat-tiġieġ jiġu mmarinati b’varjetà ta’ ħwawar (bżar iswed, bżar abjad, bżar aħmar), sagħtar u melħ. Jekk ikun meħtieġ, jiżdiedu l-jogurt jew il-ħalib u l-basal. Il-ħalib ma jintużax għall-immarinar tal-laħam tat-tiġieġ. Imbagħad il-laħam f’għamla ta' weraq jitqiegħed fuq seffud flimkien ma’ qatgħat tax-xaħam tal-annimali mfettin irqaq u orizzontalment (xaħam tal-bhejjem tal-ifrat adulti, xaħam tad-dam, jew xaħam tad-denb tan-nagħaġ). Il-kapuljat taċ-ċanga jew tal-muntun jew taħlita tagħhom it-tnejn jistgħu jintużaw ukoll bħala sors tal-laħam. Skont is-sors tal-laħam, id-“Döner” jista’ jiġi kklassifikat bħala “Döner” tal-laħam aħmar (minn laħam tal-bhejjem tal-ifrat u tan-nagħaġ) u “Döner” tat-tiġieġ.
“Döner” tal-laħam aħmar jista’ jiġi kklassifikat aktar skont il-forma tal-laħam aħmar bħala Yaprak (imfettet), Kıyma (ikkapuljat), u Karıύık (imħallat).
|
1. |
“Döner” Yaprak (Döner Imfettet) huwa prodott mil-laħam tal-karkassa tal-bhejjem tal-ifrat jew tan-nagħaġ fejn biċċiet kbar tal-laħam jitfettu orizzontalment f’kotoletti bi ħxuna ta’ 3-5 mm. |
|
2. |
“Döner” Kıyma (Döner Ikkapuljat) huwa prodott minn laħam aħmar ikkapuljat minn karkassi tal-bhejjem tal-ifrat u/jew tan-nagħaġ. Dan it-tip ta’ “Döner” jikkonsisti 100 % f’laħam ikkapuljat minn karkassi tal-bhejjem tal-ifrat jew tan-nagħaġ. |
|
3. |
“Döner” Karık (Döner Imħallat) huwa prodott minn kotoletti tal-laħam tal-bhejjem tal-ifrat imfettin irqaq u orizzontalment (mill-inqas 60 %) u laħam ikkapuljat jew tal-bhejjem tal-ifrat jew tan-nagħaġ (mhux aktar minn 40 %). |
“ Döner ” tat-Tiġieġ
Huwa prodott minn laħam tat-tiġieġ (il-koxxa u s-sider) li huwa mfettet f’kotoletti maqtugħin orizzontalment bi ħxuna ta’ 1-2 cm.
Xi proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tad-“Döner” mhux imsajjar, irrispettivament mit-tip, huma kif ġej.
|
— |
Kontenut ta’ xaħam skont il-massa; massimu ta’ 25 % għal dawk prodotti mil-laħam aħmar u 20 % għal dawk prodotti mil-laħam tal-pollam. |
|
— |
pH; 5,2 sa 6,3 irrispettivament mit-tipi tad-“Döner”, |
|
— |
Kontenut ta’ melħ skont il-massa; massimu ta’ 2 % |
|
— |
Kontenut ta’ kollaġen f’kontenut totali ta’ laħam skont il-massa; massimu ta’ 15 % għal dawk prodotti mil-laħam aħmar u 10 % għal dawk mil-laħam tal-pollam. |
|
— |
Lamtu+proteina veġetali skont il-massa; massimu ta’ 1,0 %, |
|
— |
Kontenut tal-ammonijaka: massimu ta’ 30 mg/100g. |
|
— |
Valur tal-perossidu fix-xaħam estratt mid-“Döner” iffriżat biss; massimu ta’ 1,5 mmol O2/kg |
Id-“Döner” ma jridx ikun fih proteini mhux mill-annimali, lamtu, sustanzi li fihom il-lamtu, sojja u prodotti tas-sojja. L-ammont ta’ lamtu u proteini veġetali li jistgħu jiġu mill-kompożizzjoni tal-ħwawar ma jistax jaqbeż il-1 % tal-piż totali. Id-“Döner” prodott mil-laħam tat-tiġieġ ma jridx ikun fih organi interni, tessut barranin, u laħam tal-pollam separat mekkanikament. L-iperemija u n-nodi limfatiċi fil-laħam huma pprojbiti. Il-laħmijiet kollha jenħtieġ li jinkisbu minn annimali b’saħħithom.
Irrispettivament mit-tip tad-“Döner”, il-parti tal-wiċċ imsajra tinqata’ minn fuq għal isfel f’forma ta’ strixxa rqiqa bi ħxuna ta’ 3 sa 5 mm mat-tisjir. Fl-istrixxa tad-“Döner” imsajra u maqtugħa, is-saffi tal-laħam u tax-xaħam jistgħu jiġu distinti b’mod ċar u separati faċilment. Waqt it-tisjir, il-parti tad-“Döner” li tħares lejn in-nar issir kannella skur u xi drabi tqarmeċ filwaqt li l-wiċċ maqtugħ ikollu kulur kannella aktar ċar u konsistenza aktar ratba.
Id-“Döner” imsajjar huwa kkaratterizzat mill-palat tal-laħam imsajjar fuq il-barbikju. Skont is-sors tan-nar, it-togħma tista’ tinbidel. Meta jintuża nar tal-ħatab, it-togħma affumikata tagħti sehem fit-togħma bħal tal-barbikju. Waqt it-tisjir fuq in-nar, is-saff tax-xaħam idub sa ċertu punt u jikkontribwixxi għat-togħma sħiħa. L-użu ta’ pejst tal-basal u jogurt matul l-immarinar jagħti lid-“Döner” togħma ta’ basal imsajjar fuq il-barbikju u kemxejn qarsa. Skont l-ammont ta’ bżar iswed, bżar aħmar, bżar abjad, sagħtar, u melħ, ikollu wkoll togħma taħraq u mielħa b’riħa delikata ta’ sagħtar.
4.2. Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem taħt il-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
Preparazzjoni tal-materja prima u l-proċess ta’ produzzjoni:
Ingredjenti
Għad- “ Döner ” tal-laħam aħmar
|
— |
100 kg ta’ laħam minn karkassa tal-bhejjem tal-ifrat li jkollhom mill-inqas sittax-il xahar jew laħam tal-koxxa u/jew tad-dahar ta’ nagħaġ li jkollhom mill-inqas sitt xhur |
|
— |
8-10 kg ta’ xaħam tal-annimali (xaħam tad-dam tal-bovini, xaħam tal-bovini, xaħam tad-denb tan-nagħaġ, xaħam tad-dam) |
|
— |
2,0-3,0 kg ta’ jogurt jew ħalib, jekk meħtieġ, |
|
— |
2,0-3,0 kg ta’ basal |
|
— |
2,0-3,0 kg melħ |
|
— |
100-200 g ta’ bżar iswed |
|
— |
100-200 g ta’ bżar abjad |
|
— |
100-200 g ta’ bżar aħmar |
|
— |
100-200 g ta’ sagħtar |
Għad- “ Döner ” tat-tiġieġ
|
— |
100 kg ta’ laħam tas-sider u/jew tal-koxxa tat-tiġieġ |
|
— |
8-10 kg ta’ xaħam tal-annimali (xaħam tad-dam tal-bovini, xaħam tal-bovini, xaħam tad-denb tan-nagħaġ, xaħam tad-dam) |
|
— |
2,0-3,0 kg ta’ jogurt, jekk meħtieġ, il-ħalib ma jintużax għad- “Döner” tat-tiġieġ |
|
— |
2,0-3,0 kg ta’ basal |
|
— |
2,0-3,0 kg melħ |
|
— |
100-200 g ta’ bżar iswed |
|
— |
100-200 g ta’ bżar abjad |
|
— |
100-200 g ta’ bżar aħmar |
|
— |
100–200 g jew sagħtar |
|
— |
500-1 000 g bżar jew kunserva tat-tadam |
Produzzjoni
Preparazzjoni tal-blokka tad-“Döner”:
|
— |
Il-laħam aħmar jitfettet orizzontalment f’biċċiet bi ħxuna ta’ 3-5 mm jew il-laħam tat-tiġieġ jitfettet fi ħxuna ta’ 1-2 cm b’magni jew skieken ta’ grad tal-ikel. |
|
— |
Il-laħam f'għamla ta' weraq jitħallat sew ma’ ħwawar, sagħtar, u melħ għall-immarinaar. Minbarra l-melħ u l-ħwawar, jekk ikun meħtieġ jintużaw il-basal, il-ħalib u l-jogurt. |
|
— |
Mal-kotoletti tal-laħam tat-tiġieġ jiżdiedu wkoll ħwawar, sagħtar u melħ għall-immarinar. Minbarra l-melħ u l-ħwawar, jekk ikun meħtieġ jintuża l-basal, il-bżar, kunserva tat-tadam u l-jogurt. Ma jintuża l-ebda ħalib fl-immarinar tal-laħam tat-tiġieġ. |
|
— |
Il-laħmijiet imbagħad jitħallew joqogħdu f’temperatura ta’ +4 °C għal mill-inqas 10 sigħat. |
|
— |
Wara l-immarinar, il-kotoletti tal-laħam imfettin jitqiegħdu orizzontalment fuq żbarra tal-metall li ma tissaddadx magħrufa bħala seffud tad-“döner”. Waqt it-tqegħid fuq is-seffud, xaħam tad-dam tal-bovini imfettet u/jew qatgħat tax-xaħam d-denb tan-nagħaġ bi ħxuna ta’ 3-5 mm jitqiegħdu kull 3 sa 5 saffi tal-laħam imfettet u ma jitħalla l-ebda spazju. Din il-proċedura tibda minn isfel u tispiċċa fuq u tifforma l-“blokka tad-Döner” |
|
— |
Il-blokka tad-“Döner” mhux imsajra mbagħad tiġi mirquma b’sikkina speċjali tal-azzar inossidabbli (twila madwar 55 cm) magħrufa bħala sikkina tad-döner fil-forma ta’ bajda, shuttle, jew konika. |
|
— |
Il-blokka tad-“Döner” mhux imsajra tista’ tiġi ffriżata f’kumpartiment tal-friża f’temperatura ta’ -40 °C, u mbagħad tista’ tinżamm fi kmamar tal-ħżin f’temperatura ta’ -18 °C għal massimu ta’ sitt xhur. Il-prodotti ffriżati jiġu ttrasportati permezz ta’ vetturi refriġerati ta’ -18 °C mingħajr ma tinkiser il-katina tal-kesħa. Il-blokok tad-“Döner” mhux imsajrin jistgħu jinħażnu wkoll f’temperatura ta’ 0-+4 °C għal massimu ta’ 12-il siegħa fl-istabbiliment. |
Teknika tat-tisjir
|
— |
Il-blokka tad-“Döner” mhux imsajra meħuda mir-refriġerazzjoni titqiegħed vertikalment quddiem spiritiera tad-“Döner” b’nar aġġustabbli f’distanza ta’ 10-15 cm ’l bogħod min-nar u tiġi soġġetta għal tisjir minn qabel għal mill-inqas 45 minuta b’rotazzjoni kontinwa sakemm il-wiċċ kollu jissajjar ftit u jiġi ssiġillat. |
|
— |
Fit-tisjir tad-“Döner”, jintużaw sistemi differenti ta’ sorsi tan-nar bħall-gass naturali, l-elettriku, it-tubi, il-ħatab u l-faħam. |
|
— |
Hekk kif jissajjar il-wiċċ, il-blokka tad-“Döner” tiddawwar b’tali mod li l-partijiet mhux imsajrin jiġu jħarsu lejn in-nar. Sadanittant, il-partijiet imsajrin jinqatgħu minn fuq għal isfel b’sikkina tal-azzar inossidabbli magħrufa bħala sikkina tad-döner (twila madwar 55 cm) jew apparat mekkaniku f’forma simili għal żigarella bi ħxuna ta’ 3-5 mm. |
4.3. Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)
Xi karatteristiċi tradizzjonali tad-“Döner” prodott fit-Turkija u fl-Ewropa huma kif ġej:
|
— |
Tqattigħ orizzontali ta’ laħam aħmar bi ħxuna ta’ 3-5 mm u tat-tiġieġ bi ħxuna ta’ 1-2 cm b’sikkina, |
|
— |
L-użu ta’ tipi differenti ta’ ħwawar u melħ. Jekk ikun meħtieġ, il-ħalib jew il-jogurt jintuża fl-immarinar tad-“Döner” tal-laħam aħmar. Il-ħalib ma jintużax fid-“Döner” tat-tiġieġ. |
|
— |
It-twaħħil tal-kotoletti tal-laħam fuq seffud tad-döner u t-tqegħid ta’ tip wieħed jew aktar ta’ xaħam imfettet tal-bhejjem bovini u xaħam tad-dam u xaħam tad-denb tan-nagħaġ u xaħam tad-dam bejn il-kotoletti tal-laħam f’dan l-istadju. |
|
— |
L-iffurmar tal-blokka tad-“Döner” permezz ta’ tirqim b’sikkina fil-forma ta’ bajda, shuttle, jew konika wara li jiġu rranġati l-kotoletti tal-laħam u l-qatgħat tax-xaħam fuq seffud tad-döner, |
|
— |
It-tisjir tal-blokka tad-“Döner” billi tiddawwar vertikalment fuq l-assi tagħha quddiem in-nar, |
|
— |
Il-qtugħ tad-“Döner” fi strixxa rqiqa ta’ 2-5 mm minn fuq għal isfel bis-sikkina tad-döner |
F’ħafna dokumentarji, rapporti, vidjows varji tal-kumpaniji produtturi tad-“Döner” misjuba fuq il-bażi tal-UE jiġu spjegati b’mod ċar karatteristiċi tradizzjonali tad-“Döner” bħall-preparazzjoni ta’ blokki tad-Döner b’kotoletti tal-laħam imfettin orizzontalment u t-tisjir li jsir vertikalment. F’rapport f’Deutsche Welle “Döner Kebab: Kif il-Platt Tork Wasal fil-Ġermanja” tal-2021 ta’ Max Modler u, f’dokumentarju A ZDF ta’ Sebastian Lege; “Die Tricks der Lebensmittelindustrie” tal-2021, b’mod ċar juri l-vjaġġ tad-“Döner” mit-Turkija sal-Ewropa u l-karattri tradizzjonali tiegħu.
Barra minn hekk, il-linji gwida għal-laħam u l-prodotti tal-laħam ippubblikati fil-Gazzetta Federali tal-Ministeru Federali tal-Ikel u l-Agrikoltura Ġermaniż fit-28 ta’ Lulju 2022, jiddeskrivu l-istadji u l-ingredjenti tal-produzzjoni li għandhom jintużaw fil-kebab “Döner”. Illum, f’xi Stati Federali Ġermaniżi, bħall-Bavarja, qed jiġi offrut taħriġ uffiċjali għal “biċċier tal-kebab Döner jew speċjalista tal-kebab Döner”. F’dawn iċ-ċentri, qed jiġu mgħallma l-preparazzjoni tradizzjonali tal-blokok tad-“Döner” u t-tekniki tat-tisjir vertikali.
Id-“Döner” mhuwiex biss l-aktar ikel popolari fit-toroq fil-Ġermanja, iżda wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra bħalma hu t-tielet fi Franza. Hemm bosta aħbarijiet, rapporti u reklami fuq id-“Döner” li jinsabu fil-midja Ewropea. İbrahim Sirkeci (2016) tkellem dwar kif id-“Döner” sar popolari fir-Renju Unit, fl-artiklu tiegħu intitolat “Transnational Döner Kebab takeover the UK” ippubblikat fit-Transnational Marketing Journal (TMJ). F’kapitlu tal-ktieb intitolat “MC Kebap: Döner Kebap and the Social Positioning Struggle of German Turks” f’“Changing food habits: case studies from Africa, South America and Europe” editjat minn Carola Lentz, 1999, Ayşe S. Çağlar, studjat esklussivament l-istorja tad-Döner fl-Ewropa flimkien mal-aspetti soċjali u ekonomiċi tiegħu. Il-kapitolu jenfasizza s-suċċess tad-“Döner” fl-Ewropa bil-karatteristiċi tradizzjonali tiegħu. Maren Möhring, fil-kapitoli tal-ktieb tagħha bit-titolu “Döner Kebab and West German Consumer (Multi-) Cultures in Hybrid Cultures-Nervous States” editjat minn Ulrike Linder, Maren Möhring, Mark Stein u Silke Stroh, ippubblikat fl-2011, tiddeskrivi d-dönerci bħala l-persuna li tixwi l-laħam fuq seffud wieqaf u tfettu b’sikkina li tixbah xabla.
L-ekonomija tad-“Döner” fl-Ewropa hija ta’ madwar EUR 3,5 biljun. L-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tad-Döner Torok fl-Ewropa (ATDID), stabbilita fl-1996, tirrappreżenta dan is-settur.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2873/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)